Intervista | ‘Biex tinvesti fit-turiżmu ma hemmx bżonn tibni lukanda ... hemm ħafna opportunitajiet li mhux nisfruttaw’
It-turiżmu wara l-pandemija, l-indafa, il-permessi bl-addoċċ għal-lukandi u l-bini, il-kwalità, l-Air Malta, il-Belt Valletta u Kemmuna. L-ILLUM tintervista lill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo
minn Yendrick Cioffi
Wara sentejn restrizzjonijiet, dan kien l-ewwel sajf li fih reġgħet żdiedet il-fiduċja fl-ivjaġġar. Anke f’Malta, it-turisti żdiedu u l-lukandi u l-akkomodazzjonijiet reġgħu bdew jieħdu r-ruħ. Dwar dan u diversi suġġetti oħra, il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.
“Kellna sajf tajjeb ħafna. Kieku sitt xhur ilu xi ħadd kien jgħidilna li se jkollna sajf tajjeb bħalma kellna, ħadd ma kien jemmnu,” beda jgħid il-Ministru u dan kemm għax ħafna nies ħallew għall-aħħar imma anke għax kien hemm hemm inċertezza fost linji tal-ajru u ajruporti.
Fil-fatt, linji tal-ajru u ajruporti ħallew għall-aħħar biex ħadu ċertu deċiżjoniijet imma l-Ministru insista li Malta rnexxielha tattira ammont tajjeb ta’ turisti li anke jekk ma kienx previst, l-awtoritajiet xorta waħda ħadmu għalih.
“Anke fix-xitwa mistennija riżultati pożittivi. Diġà għalaqna 91% tar-rotot li kellna fix-xitwa ta’ qabel il-pandemija,” kompla Bartolo. “Sal-aħħar ta’ din is-sena qed naraw li jkunu ġew Malta 2.1 miljun turist. Il-mira oriġinali kienet ta’ 1.8 miljun.”
Il-Ministru qal li waħda mill-akbar kritika fl-aħħar xhur kienet li ma kienx hawn biżżejjed titjiriet minn u lejn Malta imma insista li l-awtoritajiet ħadmu biex dawk it-titjiriet ikkonfermati jkunu mimlija kemm jista’ jkun.
“Is-seat load factor kien għola minn dak li kellna fl-2019. Fil-każ tal-Air Malta, is-seat load factor, kien jaqbeż il-95%. Qatt qabel ma kellha dawn in-numri. Dan kien riżultat ta’ pjan ta’ reklamar li ħadmet fuqu l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Il-flus investejnihom bil-għaqal, biex ir-reklamar jolqot lin-nies li rridu.”
‘Fejn ma tasalx l-Air Malta, se nħarsu lejn linji oħra’
Is-suq Ingliż li huwa l-akbar suq turistiku għal Malta. Minkejja l-importanza tiegħu, l-Air Malta ttir biss lejn żewġ ajruporti fl-Ingilterra. Għaliex ma ninvestux aktar f’dan is-suq?
Il-Ministru kkonferma li għaddejja ħidma biex jiżdiedu r-rotot u l-frekwenzi lejn ir-Renju Unit u l-Ġermanja.
“Fejn l-Air Malta ma tasalx, l-MTA se tħares lejn linji tal-ajru oħra biex naqdu s-suq turistiku Malti. L-Air Malta hija importanti u bilfors irid ikollna linja nazzjonali tal-ajru. Madanakollu jekk l-Air Malta mhux se ttir, bilfors irridu nħarsu lejn linji tal-ajru oħra.”
Spjega kif is-suq Ingliż huwa importanti għax dejjem kien l-akbar suq għal Malta u s-suq Ġermaniż huwa importanti ħafna għall-attivitajiet u l-konferenzi.
‘Kellna ilmenti dwar il-kwalità u ħriġna l-multi’
Tkellimna dwar il-kwalità li offrew matul dan is-sajf l-akkomodazzjonijiet turisti. Kien hemm ilmenti u anke nies li jaħdmu mat-turisti qalu li kien hemm min ilmenta. Kemm hu kuntent il-Ministru bil-kwalità offruta? Hemm biżżejjed infurzar?
Il-Ministru insista li l-kwalità tista’ tinżamm biss jekk ikun hemm infurzar serju. Beda jitkellem dwar il-lukandi u insista li fejn mhux qed ikun hemm kwalità, qed jinħarġu l-multi.
Ikkonferma li kien hemm ilmenti, b’mod partikolari dwar erba’ lukandi partikolari.
“Mhux naċċettaw nuqqas ta’ kwalità. Jekk hemm kriterji, trid iżżomm magħhom. Fejn lukanda tonqos, qed ikun hemm multi sinifikanti. Wara li jkun hemm il-multi, qed ninnutaw li jkun hemm titjib sostanzjali fil-prodott,” insista.
Rigward l-appartamenti, li qed isiru dejjem iżjed moda, Bartolo spjega kif l-MTA qed tagħmel eżerċizzju sempliċi, anke fuq siti tal-bookings, biex issib dawn l-appartamenti. Qed isiru spezzjonijiet biex ikun assigurat li jkollhom il-liċenzja.
“Kien hemm bla liċenzji, waħħalna l-multi u rajna li jkunu liċenzjati. L-infurzar huwa importanti ħafna,” insista l-Ministru. “Jekk mhux se jkunu liċenzjati, ma nistgħux nassiguraw il-kwalità.”
‘Ix-xogħlijiet iridu jsiru bi pjan ... ma aħniex perfetti’
Tkellimna fuq il-perċezzjoni tat-turisti. Mhux l-ewwel darba li naraw xi vox-pop jew naqraw kummenti ta’ turisti jilmentaw dwar it-traffiku jew il-kostruzzjoni li għaddejja. Malli jaslu l-Ajruport, it-turisti qed isibu mill-ewwel toroq maqlugħa u x’aktarx li fejn se jkunu qed joqogħdu, hemm bini biss.
Il-Ministru insista li xogħlijiet infrastrutturali bilfors iridu jsiru u waqt li għamel referenza għax-xogħlijiet li għaddejin biswit l-Ajruport, qal li dawn imisshom ilhom snin li saru anke għax l-ammont tat-turisti dejjem kien qed jikber.
“Li jrid isir huwa li dawn ix-xogħlijiet isiru bi pjan. Ċertu affarijiet setgħu saru aħjar u niżbaljaw jekk nagħtu l-impressjoni li aħna perfetti. Importanti li x-xogħlijiet isiru imma importanti li jsiru skont il-pjan.”
Rigward il-kostruzzjoni, filwaqt li rrikonoxxa li hija importanti, fakkar li dan mhuwiex l-aktar settur ekonomiku importanti. Insista li l-kostruzzjoni ma għandhiex issir għad-dettriment ta’ setturi oħra bħat-turiżmu u l-ambjent.
“L-ambjent huwa parti integrali mill-istrateġija tat-turiżmu. Irridu li dan ikun fuq nett tal-prijorità tagħna. Huwa importanti mhux biss għat-turisti imma anke għar-residenti.”
‘Irid ikollna estetika aħjar ... importanti li ma nitilfux il-karatteristiċi Maltin’
Insista li jifhem li residenti li jgħixu f’lokalitajiet turisti iħossu li l-ambjent li fih jgħixu jinkludi ħafna sfidi u propju għalhekk li fi kliemu għaddejja ħidma, fosthom fejn tidħol l-indafa.
“Naħseb li jista’ jkun hemm metodi aħjar ta’ kif isiru ċertu xogħlijiet. Fadlilna ħafna x’nitgħallmu anke minn kuntratturi barranin. Ġieli tkun f’pajjiżi li lanqas tinduna li jkun għaddej xogħol ta’ kostruzzjoni,” qal Bartolo. “Aktar minn hekk irid ikollna estetika aħjar u importanti li ma nitilfux il-karatteristiċi Maltin. Irridu naħdmu id f’id. Inkella se nfallu u fit-turiżmu mhux se niksbu r-riżultati li nixtiequ.”
Irrefera għal Għawdex u qal li l-bini li tiela’ Għawdex qed jirrifletti aktar il-karatteristiċi Maltin waqt li saħaq li huwa importanti li dan isir biex il-gzira Għawdxija ma titlifx dak li jagħmilha unika.
“Ħares lejn il-boutique hotels fil-qalba tal-lokalitajiet. Binja abbandunata terġa’ tingħata l-ħajja imma żżomm il-karatteristiċi Maltin. Jekk inżewġu dawn iż-żewġ fatturi, ikollna suċċess.”
Studju għar-riġenerazzjoni ta’ Buġibba...
Bqajna nitkellmu dwar il-Boutique Hotels, bl-ILLUM tfakkar lill-Ministru li l-akbar investiment fir-riġenerazzjoni tal-ibliet u l-irħula Maltin, qed jagħmlu l-privat. Ma jaħsibx li l-Gvern jista’ jagħmel aktar, b’mod partikolari f’postijiet turisti.
Beda jitkellem dwar Buġibba u insista li minkejja l-isfidi li toffri, il-potenzjal ta’ din il-lokalità (inkluż il-Qawra u San Pawl il-Baħar) huwa kbir u għadu mhux sfruttat biżżejjed.
“L-aħħar investiment bis-serjetà li sar f’Buġibba għamlu Gvern Laburista bejn l-1996 u l-1998. Fil-ġimgħat li ġejjin se noħroġ tender biex isir studju għar-riġenerazzjoni ta’ Buġibba. Dan se jittratta fatturi differenti, mill-ispazju, għall-infrastruttura tat-trasport, attivitajiet ekonomiċi, l-iżvilupp soċjali u anke turiżmu sostenibbli. Minn dan se noħorġu proposti li wħud minnhom isiru mill-Gvern u oħrajn mill-privat,” spjega l-Minisitru.
‘Purple flag għal Paceville u mbagħad għall-Belt’
Dwar Paceville, Bartolo qal li qed jaħdmu fuq “town center managment” li se jinkorpora fih l-aspetti kollha li jikkaraterizzaw din iż-żona, inkluż il-Gvern, il-Kunsill, il-Pulizija u l-privat. Il-mira hija li din iż-żona tilħaq “il-bandiera vjola,” li huwa standard internazzjonali li jimmarka żona bħala waħda sigura imma fl-istess ħin vibranti.
“Hekk l-ekonomija tal-lokalità tkun qed trendi imma mhux għad-dettriment tar-residenti. Jekk dan ikun suċċess, l-istess proġett se nirrepplikawh fil-Belt Valletta u mbagħad f’lokalitajiet oħrajn.”
X’se nagħmlu biex intejbu l-indafa?
Tkellimna aktar dwar l-indafa. Wara l-ħidma li saret f’San Pawl il-Baħar u l-madwar kien innutat progress. Imma issa jgħaddi s-sajf u jieqaf kollox? X’se jsir f’lokalitajiet oħra turistiċi?
Il-Ministru mill-ewwel saħaq li din ma kinitx inizjattiva faċli. Fakkar li f’din il-lokalità twaqqfet taqsima, li qed tassisti lill-Kunsill Lokali hu hija inkarigata biex tieħu ħsieb it-tindif 24 siegħa kuljum. Din se tibqa’ topera anke wara s-sajf.
Mistoqsi għaliex ma ġiex irrepplikat f’lokalitajiet differenti, Bartolo saħaq li kull lokalità hija differenti. Madanakollu fakkar li se jibda proġett pilota f’lokalitajiet oħra, inkluż il-Belt, Birżebbuġa u Birkirkara.
Mingħajr ma jitlef il-kontroll il-Kunsill Lokali, id-Dipartiment tat-Tindif se jkun qed jgħin biex tittejjeb l-indafa fil-lokalità. Fi kliem il-Ministru, l-operaturi privati ma tawx ir-riżultati mixtieqa u għalhekk, ġaladarba għalaq il-kuntratt, dawn il-Kunsilli Lokali daħlu fi ftehim mad-Dipartiment tat-Tindif li se jkun qed jipprovdi hu l-ħaddiema u t-tagħmir.
“Jekk triq suppost tinkines kuljum, trid tinkines darba kuljum. Nibdew mill-aktar affarijiet sempliċi. Permezz tal-proġett f’San Pawl il-Baħar u anke dan il-proġett pilota, sas-sajf li ġej inkunu f’pożizzjoni aħjar biex naraw kif se nimxu ‘l quddiem. Diġà hemm kunsilli oħra li huma interessati.”
‘Ma nifilħux u mhux se nipprovaw inġibu 5 miljun turist’
Ma setax jonqos li nitkellmu dwar l-aħħar studju tal-MHRA. Dan wera li biex is-sodod kollha fl-akkomodazzjonijiet jimtlew (kemm dawk li għandhom permess u dawk li għad għandhom il-permess pendenti), hemm bżonn iżuru Malta 4.7 miljun turist fis-sena. Dawn it-turisti għandhom iqattgħu medja ta' sebat iljieli biex b'hekk tintlaħaq okkupanza ta' 80%.
Il-Ministru ħatafna fil-kelma u insista li Malta ma tiflaħx għal dan l-ammont ta’ turisti u bl-ebda mod “mhu se nipprovaw li nġibu dan l-ammont ta’ turisti f’Malta.” Kien għalhekk li l-ILLUM twaqqfu u tistaqsih għaliex se jibqgħu jinħarġu l-permessi bl-addoċċ għall-bini ta’ lukandi u appartamenti. Dan mhux nuqqas ta’ ippjanar?
“Il-Gvern huwa demokratiku u għandek ekonomija ħielsa u l-privat irid jaħdem u jmexxi ‘l quddiem l-interessi tiegħu. Jekk il-Gvern se jagħmel xi intervent mhux se jkun qed jaffettwa biss lit-turiżmu. L-ekonomija hija katina. Intervent mill-Gvern jaf ikollu effett negattiv fuq setturi oħra,” insista Bartolo.
‘Għad fadal oqsma li nistgħu ninvestu fihom’
Madanakollu qal li l-investituri privati jeħtieġ jifhmu li investiment fit-turiżmu, ma jfissirx biss il-bini ta’ lukandi.
“Jiena meta jiġu jgħiduli li jridu jibnu lukanda, ngħidilhom biex jagħmlu l-istudji tagħhom stess. Għad baqa’ oqsma oħra ta’ investiment fit-turiżmu li nistgħu nisfruttaw.”
Semma pereżempju n-niċċa tat-turiżmu tal-familja. Insista li Malta hija b’saħħitha ħafna f’din in-niċċa imma fl-istess ħin neqsin mill-attrazzjonijiet. Qal li hawn il-privat jista’ jilgħab rwol importanti.
“Sfortunatament, sal-lum, ħafna mill-investiment dejjem sar fil-bini ta’ lukandi. Aktar milli intervent dirett, għandu jkun hemm direzzjoni aħjar tal-investiment u aktar għarfien tal-innovazzjoni li hemm fit-turiżmu.”
‘Inqas dechchairs u mmaniġjar aħjar għal Kemmuna...’
Kemmuna. Saru diversi protesti matul dan is-sajf għax l-operaturi ma ħallewx fejn toqgħod labra. Il-Ministru qal li sas-sajf li ġej is-sitwazzjoni se tinbidel. X’se jsir? Għaliex issa? Jaqbel li jkun hemm limitu ta’ kemm għandhom jinżlu nies fuq Kemmuna?
“Il-problema ta’ Kemmuna ilha hemm diversi snin. Diġà naqqasna d-deckchairs fi Blue Lagoon u kien taħt Gvern Laburista li naqqasna d-deckchairs fuq Kemmunett. Sas-sajf li ġej se nerġgħu nnaqqsu d-deckchairs. Naħseb li se jkun biżżejjed. Jiena rrid iżjed spazju liberu.”
Qal ukoll li għaddejja ħidma bil-għan li jkun hemm bidla fil-mod kif jitwasslu n-nies fuq Kemmuna u anke biex ikun hemm immaniġġjar aħjar tal-post, inkluż fejn jidħlu l-gabbani u l-moviment tan-nies.
“Mhux kuntent bil-livell ta’ ndafa li kien hemm! Irrid iżjed kumdità għal min iżur Blue Lagoon. Dak li ġara fis-sajf li għadda, żgur mhux se jerġa’ jseħħ. Aktar milli capacity, aktar nara mmaniġġjar aħjar.”
‘Il-Belt mhux Paceville u ma għandhiex issir’
Il-Belt Valletta wkoll kienet fiċ-ċentru ta’ kontroversja wara li l-Gvern, bla konsultazzjoni, daħħal Avviżi Legali bil-għan li l-istabbilimenti jkunu jistgħu jibqgħu bil-mużika “f’livell moderat” sas-1am. L-MHRA ikkritikat dan u qalet li t-turisti fil-Boutique Hotels u akkomodazzjoni oħra fil-Belt qed jilmentaw. X’jaħseb il-Ministru? Ma jaħsibx li seta’ ntlaħaq bilanċ aħjar?
Clayton Bartolo rrikonoxxa li l-privat wettaq investiment importanti fil-Belt Valletta u hawn ma kienx qed jirreferi biss għas-sidien tal-Boutique Hotels u l-lukandi imma anke dawn tar-ristoranti u l-bars. Dawn taw ħajja ġdida lill-Belt.
“Biex jinħoloq bilanċ, kulħadd irid iħares lejn l-interess komuni tal-Belt bħala ambjent u ekosistema ekonomika li kapaċi timxi id f’id mar-residenti. Aktar ma għaddew il-ġimgħat, aktar sibna s-soluzzjonijiet. Hemm differenza kbira bejn il-bidu tas-sajf u llum.”
Hawn tkellem fuq l-importanza tal-infurzar u d-djalogu u semma laqgħa li kellu din il-ġimgħa stess mas-sidien tal-bars tal-Belt.
“Għidtilhom ċar li l-Belt mhux Paceville u li jeħtieġ jikkoperaw. Xi wieħed jew tnejn mhux jikkopera. Dawn qed jifhmu li l-klijentela tal-Belt hija differenti minn dik ta’ Paceville u li jeħtieġ jibżgħu wkoll għar-residenti tal-lukandi għax iridu minnhom. Hemm qbil li mużika moderata tfisser li żewġ persuni fuq mejda jistgħu jitkellmu. ”
Insista li l-infurzar se jkun b’saħħtu, kemm fejn tidħol il-mużika u anke fuq l-imwejjed u s-siġġijiet. Kien hawn li saħaq li se ssir ħidma anke għal aktar uniformità fil-Belt.
“Irridu lill-Belt tkun destinazzjoni ta’ kwalità. Hemm bżonn iżjed infurzar,” kompla l-Ministru.
‘Air Malta jew le, importanti li jibqa’ jkollna linja nazzjonali tal-ajru’
Ma stajnix ma nitkellmux dwar l-Air Malta. X’se jiġri jekk niġu f’punt li l-Air Malta ma tkunx tista’ tiffunzjona? Hemm pjan? X’se jkun impatt?
Il-Ministru qal li qed jaħdmu id f’id mat-tmexxija tal-Air Malta biex il-pjan ta’ ristruttar, li hu jaqbel miegħu, ma jkollux impatt fuq is-settur.
“Pajjiżi oħrajn jinvestu fil-highways u l-pontijiet biex jingħaqdu ma’ pajjiżi oħra. Aħna għandna biss l-Air Malta. Ikun xi jkun l-eżitu tar-ristrutturar, huwa importanti li jibqa’ jkollna linja nazzjonali tal-ajru. Jekk jimxi kollox kif suppost, din tibqa’ l-Air Malta. Ċert li b’ħidma konġunta, nistgħu nkomplu nħeġġu lill-passiġġieri biex jużaw l-Air Malta,” qal Bartolo.
L-ILLUM tistaqsih jekk hux ippreparati jekk jiġri l-agħar. “Preparati,” qal Bartolo.
‘Irridu niddiversifikaw is-suq tagħna u nġibu turist li kapaċi jonfoq’
Fl-aħħarnett l-ILLUM tistaqsi lill-Ministru jekk Malta hux taħdem biżżejjed biex tattira swieq differenti, inkluż pereżempju turisti Amerikani li fis-sajf jinżlu jduru diversi pajjiżi l-Ewropej. X’qed nagħmlu biex inħajru lil dawn jiġu Malta?
Il-Ministru kkonferma li s-suq Amerikan huwa wieħed mill-aktar affluwenti fid-dinja u għalhekk “Malta qed tħares lejh bis-serjetà”, kemm permezz ta’ riklamar tradizzjonali u anke dak diġitali, fl-Amerika stess u f’dawk il-pajjiżi li jżuru l-Amerikani.
“Aktar tard din is-sena se niftħu uffiċċju tal-MTA fil-Polonja u fi żmien sentejn, se niftħu wkoll uffiċċju ieħor fi Spanja biex nolqtu wkoll l-Amerika Latina. Qed inħarsu lejn swieq sekondarji, inkluż is-suq Ażjatiku. Hawn, bis-saħħa tal-ftehim li għandna mal-Manchester United qed jirnexxilna nirreklamaw tajjeb ħafna lil Malta f’dan il-kontinent.”
Temm jisħaq li dan kollu huwa parti mill-pjan fit-tul biex Malta ġġib lejn Malta turist li kapaċi jonfoq aktar flus.