Intervista | ‘Jekk nitilfu l-karatteristiċi Maltin inkunu tlifna l-identità tagħna;’ L-ILLUM mal-interior designer Jade Boye

Min hi Jade Boye? Għaliex biddlet il-karriera tagħha tliet darbiet? X’inhu l-inkwiet tagħha fid-dinja tal-interior design? Boye, intervistata mill-ILLUM, tiddiskuti l-ippjanar bilgħaqal, it-telfa ta’ karattersitiċi Maltin fil-bini, l-akbar sfidi għaliha, possibilità ta’ appartamenti moderni b’faċċati tradizzjonali u l-importanza li ngħarfu u nsostnu l-identità Maltija, anke fil-bini…  

F’nofs każin bejn belgħa tè u oħra, ħafna anzjani jintilfu jqabblu lil Malta tal-passat ma’ dik tal-lum. Sforz l-iżvilupp massiv li sar f’pajjiżna fl-aħħar snin, dawn jaf jaqbduha fuq l-estetika tal-bini u l-apparenza ta’ xi faċċata ta’ blokka appartamenti. Fil-fatt, meta wieħed jitkellem fuq estetika tal-bini wieħed jaħseb fil-qoxra ta’ barra u mhux fid-dehra ta’ ġewwa. Kuntrajru ta’ dan, l-ILLUM tkellmet mal-interior designer Jade Boye, li b’ħafna paċenzja u dedikazzjoni jirnexxielha titrasforma spazju b’erba’ ħitan f’dar lesta biex tilqa’ fiha ħafna memorji.  

Min hi Jade Boye?  

‘Ta’ 14-il sena kelli ħanut tal-interior design’  

Għal ħafna, wiċċ Boye mhux ġdid u dan għaliex dan l-aħħar snin rajna l-preżenza tagħha fuq il-midja soċjali. Fost in-numru ta’ proġetti li għamlet, ħafna rawha tbiddel kompletament id-dehra tad-djar ta’ persuni popolari Maltin, inkluż id-dar ta’ Ira Losco u żewġha Sean Gravina.  

Iżda kif bdiet l-imħabba ta’ Boye għall-interior design?  

Tirrakkonta li meta kellha 14-il sena kienet qed tagħmel ix-xogħol tal-iskola u missierha pront staqsiha, “Jade trid niftħu ħanut tal-interior design?” Ħerqana għall-aħħar, Boye lanqas tagħtu ċ-ċans jispiċċa l-mistoqsija, li ma aċċettatx.  

“Sena qabel għamilna ħafna tibdiliet fil-bangalow tagħna u kont ħadt interess qawwi. Kont saħansitra mmur ma’ ommi ndur fil-ħwienet. Ommi kienet tagħtni baġit biex nagħmel il-kamra tal-banju tiegħi u ta’ ħija u organizzajt kollox jien,” qalet Boye.  

Kompliet tgħid li dan wassal biex fetħu l-ħanut tal-interior design li fih kienu jfornu materjali utli għall-interior designers fosthom żebgħa, coving, wallpaper kif ukoll purtieri, linef u ħafna affarjiet biex wieħed iżejjen id-dar. 

Żiedet tgħid li minkejja l-imħabba li kellha għal dan il-ħanut xorta waħda baqgħet iffukata fuq l-edukazzjoni akkademika u l-istudju. “Bqajt naħdem ġol-ħanut sakemm kelli 21 sena.”  

Eventwalment il-ħolma ta’ Boye nqalbet ta’ taħt fuq. Hija spjegat mal-ILLUM li ommha u missierha ddeċidew li jiddivorzjaw u jbiegħu l-ħanut. Kawża ta’ hekk hija tgħid li dak iż-żmien kienet konfuża għax ma kinitx taf liema linja kienet se taqbad. Hawn hija qalet li ommha kienet ħeġġitha li tagħmel il-kors biex issir accountant u fil-fatt, hekk għamlet.  

‘Xtrajna proprjetà u erġajt ħassejt l-istess bħal ma kont inħoss meta kelli 14-il sena’ 

Is-snin għaddew u Boye baqgħet tistudja u tavvanza fil-karriera tagħha, iżda l-ħeġġa tagħha biex tmur għax-xogħol bdiet tmajna. Minn hemm għamlet bidla oħra u ddeċidiet li tagħmel kors fuq in-negozju. 

Boye ħasset li din il-bidla fix-xogħol reġgħet tatha l-ħajja, fil-fatt saħqet mal-ILLUM li f'dawn l-irwoli ġodda, wara li telqet mid-dinja tal-accounts, bdiet tapprezza aktar xogħolha. Madankollu kollox reġa’ nbidel meta hi u r-raġel tagħha xtraw proprjetà u minn hemm Boye reġgħet ħasset l-imħabba għall-interior designing. "Erġajt qbadt fejn ħallejt. Imbagħad iddeċidejt u għidt, din hi l-linja tiegħi," u minn dakinhar ma reġgħetx ħarset lura.  

Madankollu tisħaq li m'għandha l-ebda rimors li qabdet linji differenti tul il-karriera tagħha, anzi pjuttost tgħid li dawn tużahom bħala gwadann għan-negozju li għandha issa. Tant hu hekk li tisħaq li mingħajrhom ma setgħetx tkun fejn hi issa.  

Allura mil-lat akkademiku, meta tħarrġet biex issir interior designer, ma ngħatat l-ebda għajnuna fuq kif tmexxi negozju? Boye li kieku ma kelliex esperjenza fid-dinja tan-numri kienet tkampa waħedha?   

"Il-kors m'għallimnix kif nagħmel l-accounts tan-negozju, m'għallimnix kif immur man-nies, lanqas bħala leadership," qalet Boye.  

Eventwalment tirrakkonta li reġgħet fetħet il-kotba tal-iskola u bdiet tistudja fuq l-interior design. Hawn tirrimarka li l-esperjenza tagħha fid-disinn ma bdietx mal-ftuħ tal-ħanut. Tgħid li hi trabbiet f'dan l-ambjent hekk kif kemm missierha imma anke nannuha kellhom ħanut taż-żebgħa, kif nafuh aħna l-Maltin. 

"Kont inżur il-ħanut ta' missieri, nisma' l-problemi tan-nies, naraw kif nistgħu ngħinuhom. Kont imdawra b'ħafna ħaddiema f'din l-industrija u allura għaliha kienet faċli li nibni l-kuntatti wkoll,” kompliet tgħid Boye.  

‘Kelli ħafna kumplikazzjonijiet fit-tqala u ma stajtx nibqa’ naħdem kif kont’ 

Għadda aktar żmien u Boye titkellem mal-ILLUM fuq l-esperjenza tat-tqala tal-ewwel wild tagħha, li hi tiddeskriviha bħala xejn faċli. Fl-istess waqt, dak iż-żmien hija ngħatat proġett speċjali minn ħabiba tagħha li kienet għaddejja minn żmien diffiċli u riedet li tibdel l-appartament tagħha, minn fuq s’isfel.  

Tista’ tgħid li b’ġebla waħda laqtet żewġt għasafar. Hija stqarret li kellha ħafna kumplikazzjoniiet fit-tqala u ma setgħetx taħdem kif kienet qabel, fl-istess waqt ħasset li kellha tiffoka fuq l-interior design.  

Fortuntament tgħid li kellha l-appoġġ kollu ta' żewġha kemm moralment kif ukoll finanzjarjament, "u għamiltha.” Boye tmur lura għal ftit xhur qabel, meta kienet xtrat il-proprjetà, tgħid li ħadet riskju, biegħet din id-dar u xtrat appartament biex tkun tista' tiftaħ in-negozju tagħha. Minn hemm ir-rota bdiet iddur.  

Hija tgħid li warajha għandha tim tajjeb li ma tbiddlu ma' xejn. Apparti minn hekk bħala intraprenditriċi Boye hija iddeterminatha għall-aħħar tant hu hekk li tgħid li mill-bidu ta' din il-karriera, mal-ewwel fasslet il-miri tagħha għall-ħames snin u l-10 snin li ġejjin.  

Ġieli għamilt tlett ijiem ma norqodx, tant kemm ninkwieta’  

L-intervista issa daret fuq l-isfidi li tiltaqa’ magħhom ta’ kuljum mal-klijenti tagħha. Hija tgħid li l-akbar sfida għaliha, bla dubju, hi meta l-klijenti jħallu kollox f’idejha. X’iġifieri?  

“Ġieli jkolli klijenti li jgħiduli li jkunu jridu li naħseb, nippjana u niddisinja kollox jien, mingħajr ma jelenkaw dak li jogħġobhom u fuq kollox dak li ma jogħġobhomx. Jgħiduli, ‘nafda f’idejk Jade.’ Iżda dan għalija huwa inkwiet kbir,” qalet Boye.  

Hija spjegat li hi persuna perfezzjonista ħafna u li tkun trid tagħmel kollox bl-eżatt. Fil-fatt, daħkana, qalet lill-ILLUM li darba daħlet ġo appartament li fih kien hemm xkaffa li skontha ma kinitx dritta. “Il-klijenta bdiet tgħidli li bdejt nara ħażin. Bqajt inħares lejha sakemm fl-aħħar qbadt l-invell u ndunat li kienet millimetru aktar ‘l fuq,” qalet Boye.  

Lura għall-punt, Boye tisħaq li f’każijiet bħal dawk, jekk ikunu ta’ spazji kummerċjali bħal xi ħanut, ma tantx tinkwieta.  

“Iżda jekk ikun proġett personali, li l-ispazju se jkunu qed jgħixu fih ninkwieta ħafna. Ikolli ħafna friefet. Tant ninkwieta li ġieli għamilt tliet ijiem ma norqodx,” saħqet Boye. 

Minkejja dan tgħid li l-inkwiet tagħha dejjem ikun ta’ xejn, għax dejjem jirnexxielha tolqot il-gosti tal-klijent.  

‘Ikun hemm min jgħidlek li appartament b’kamra tas-sodda waħda, ikun iridha bi tlieta’  

La issa qbadniha fuq il-gosti l-ILLUM ma setgħetx ma tistaqsix jekk xi darba kelliex proġetti u l-klijent talab xi ħaġa li lilha verament m’għoġbitiex. Hawn hija mal-ewwel qalet li qatt ma ltaqgħet ma’ din il-problema. Minkejja dan mil-lat prattiku, bħal pereżempju kif wieħed jutilizza l-ispazju ta’ post, iva.  

Tgħid li ġieli ltaqgħet ma’ każi fejn sidien ta’ post b’kamra tas-sodda waħda, riduha bi tlieta. F’dak il-każ tgħid li din tkun kważi impossibli imma xorta tibqa’ tittama li tikkuntenta l-klijent.  

Hija rrimarkat ukoll li meta titkellem mal-klijenti dwar l-istil, dejjem tigwidahom fuq x’jidher tajjeb u le, ikun xi jkun l-istil.  

“Id-disinn dejjem jitfassal minn dak li jrid il-klijent u mhux li rrid jien,” sostniet Boye.  

L-ippjanar tad-disinn, għal Boye, hu bbażat fuq tliet fatturi importanti li jolqtu l-ħtiġijiet ta' kull klijent. L-ewwel prinċipju huwa li jiġi identifikat x'għandu bżonn il-klijent u x'għandu nieqes. Hawn Boye tisħaq li dan jista' jkun fuq 'storage' ta' kċina. Imbagħad it-tieni pass huwa li jaraw l-estetika, mhux biss li jkun irid il-klijent iżda li jkun jaqbel mal-bqija tal-ispazji l-oħra fil-proprjetà. L-aħħar punt apparti li jamalgama l-ewwel tnejn, mingħajru l-ebda disinn ma jkun possibbli, jiġifieri l-baġit. B'hekk flimkien, dawn it-tliet fatturi jkunu l-punt ta' tluq biex jibda jitfassal id-disinn tal-post.  

Boye tisħaq li hija tħobb tidħol fid-dettall, iżda mhux biss xi drapp se jintuża għall-purtieri, jew x'disinn se tpoġġi mal-ħajt. "Jien naħdem ukoll bid-dawl u nara li jkun hemm tliet tipi differenti ta' dawl li joħolqu tliet atmosferi differenti. L-ewwel atmosfera tkun dik ta' filgħodu, ta' wara nofsinhar u ta' filgħaxija. Nikkunsidra wkoll l-amtmosfera ta' fine dining u ta' divertiment għal xi ħbieb jew qraba tal-klijent."  

Ritratt ta' prodott ta' Stephanie Borg, l-artista li ġiet intervistata mill-ILLUM ftit ġimgħat ilu
Ritratt ta' prodott ta' Stephanie Borg, l-artista li ġiet intervistata mill-ILLUM ftit ġimgħat ilu

‘In-nies għandhom jirrealizzaw li l-kultura tagħna hi parti mill-identità tagħhom’  

Boye qalet mal-ILLUM li hu importanti li nżommu l-karatteristiċi Maltin, kemm fil-ħajja b’mod ġenerali, kif ukoll fl-estetika tal-propretajiet. Dan għaliex wara kollox il-kultura hija parti kbira mill-identità tagħna.  

Dan qalitu meta mistoqsija dwar il-karatteristiċi tipiċi tal-bini Malti, li gradwalment qed nitilfu kawża tal-influss ta’ bini modern fl-aħħar snin. Hija saħqet li l-immodernizzar beda jieħu spinta 20 sena ilu u hawn hija għamlet referenza għall-waterfront ta’ Tas-Sliema, li tisħaq li ratu jinbidel.   

“Iva, il-pajjiż qed jiżviluppa. Nittama biss li ma nitilfux it-town houses u li dawk li għad fadal, iżommu mal-karattru tagħhom,” żiedet Boye.  

‘Il-PA għandha tkun aktar iffukata biex iżżomm ir-ruħ Maltija fil-bini’ 

Madankollu l-ILLUM tirrimarka li l-prezzijiet ta’ dawn it-tip ta’ proprjetajiet għal ħafna, mhumiex affordabbli u li fis-suq preżentament hemm domanda kbira għall-appartamenti, inkluż dawk biex jikru. Allura kif se nżommu l-karatterstiċi ħajjin? Huwa possibli dan?  

Hija tirrimarka li huwa ovvju li Malta se tinbidel, “hawn ħafna nies jgħixu f’pajjiżna u ma jistax ikun li jibqa’ kollox kif inhu.” 

Żiedet tgħid li huwa minnu li hawn ħafna li jmorru għall-appartamenti u għalhekk hija tipproponi li minkejja li blokka appartamenti mhux l-istess bħal xi house of character, tista’ żżomm il-faċċata aktar tradizzjonali. Bħal pereżempju, bil-galleriji ikoniċi u mimlija kuluri, li tant jaffaxxina ruħu bihom it-turist.  

“Nemmen li jekk nagħmlu dawn it-tip ta’ regolamenti iżommu dan l-element ta’ tradizzjoni. L-Awtorità tal-Ippjanar għandha tkun aktar iffukata biex iżżomm ir-ruħ Maltija fil-bini,” qalet Boye.  

Hawn terġa’ tisħaq fuq l-importanza li ngħarfu dak li jagħmilna Maltin. Tgħid li hawn ħafna li anke ġo djarhom qed jagħżlu li jinkorporaw elementi Maltin, fosthom bil-madum Malti. 

“Ħafna nies jipprovaw iqabblu lilhom infushom mal-barranin, iżda hekk wieħed jitlef l-għeruq tiegħu. Wieħed għandu japprezza minn fejn ġej u li l-identità Maltija, m’għandha tintilef qatt,” temmet tgħid l-interior designer Jade Boye.

More in Intervisti