‘Il-Gvern għandu jagħti aktar fondi lill-Kunsill ... b’€900,000 fil-Belt ma tagħmel xejn’

F’intervista bla kantunieri, is-Sindku tal-Belt Valletta, Alfred Zammit, iwieġeb għall-kritika li saret fil-konfront tiegħu iżda jesprimi r-rabja u l-frustrazzjoni tiegħu fuq diversi temi, mit-tkaxkir tas-saqajn sal-abbużi minn kuntratturi mqabbda mill-Gvern. Jitkellem ukoll dwar ix-xewqat tiegħu għall-Belt Valletta

Li tkun Sindku ta’ lokalità huwa ta’ unur imma qatt ma hi pożizzjoni faċli għax in-nies dejjem tkun trid minnek u xi drabi tistenna wkoll l-ilma jiżfen. Imma li tkun Sindku tal-Belt Valletta fejn għandek il-qalba residenzjali, kummerċjali u anke dik amministrattiva tal-pajjiż fi spazju pjuttost żgħir hija forsi xi ftit aktar diffiċli. 

F’dan il-Ħadd, il-gazzetta ILLUM qed tpoġġi bilqiegħda mas-Sindku tal-Belt Valletta, Alfred Zammit li fl-aħħar ġimgħat kellu jiffaċċja kontroversja minħabba Avviż Legali li l-Gvern daħħal fis-seħħ mingħajr l-ebda konsultazzjoni biex il-mużika mill-istabbilimenti, fit-toroq tal-Belt, tkun permessa sas-siegħa ta’ filgħodu. 

Ma’ Zammit, il-gazzetta ILLUM titkellem fuq diversi temi, mill-mużika, sal-parkeġġ, l-abbużi, il-fondi u anke x-xewqat tiegħu għall-Belt Kapitali li xi drabi jibqgħu jew idumu jistennew fuq l-ixkaffa kemm minħabba t-tkaxkir tas-saqajn min-naħa tal-awtoritajiet u anke għax bil-fondi li jingħata, il-kunsill tal-Belt ma jistax ilaħħaq. 

Fil-fatt, kien hemm drabi tul l-intervista li s-Sindku ma ddejjaqx ikun ċar u wera l-frustrazzjoni tiegħu għall-fatt li fil-Belt Valletta hemm min qed jagħmel li jrid u mill-banda l-oħra, il-Kunsill Lokali ma għandux ir-riżorsi meħtieġa biex ikun jista’ jlaħħaq mal-bżonnijiet li tirrikjedi l-Belt Kapitali. 

Bdejna nitkellmu dwar l-Avviż Legali fuq il-mużika, bl-ILLUM tfakkar lis-Sindku li r-residenti akkużaw lill-Kunsill Lokali li ma kienx fuq in-naħa tagħhom u ma għamilx biżżejjed pressjoni biex l-Avviż Legali nbidel. 

Is-Sindku beda jisħaq li l-ewwel u qabel kollox il-Kunsill Lokali huwa taħt il-Gvern u jekk il-Gvern idaħħal Avviż Legali, bl-approvazzjoni tal-Kabinett u f’dan il-każ anke tal-Parlament (għax ittieħed vot fuq mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex dan l-Avviż Legali jkun irrevokat), ftit li xejn jista’ jagħmel. 

‘Jien stess qed immur indur il-bars; Kulħadd qed jobdi ħlief tnejn’ 

Madanakollu, Zammit insista li r-residenti ma jkunux ġusti u jgħidu li hu ma jagħmel xejn. Mal-ILLUM, Zammit qal li l-Ġimgħa filgħaxija, meta l-Belt Valletta tkun mifqugħa bin-nies, hu stess qed imur idur il-bars biex jassigura li l-mużika wara l-11pm ma tkunx eċċessiva u biex wara s-siegħa tkun wieqfa għal kollox. 

“Kulħadd qed jobdi ħlief żewġ bars partikolari li tkellimna magħhom u qed nassiguraw li dawn jobdu wkoll,” qal Zammit. “Għaddew kważi xahrejn minn meta ħareġ l-Avviż Legali u llum għandna kampjun ta’ dak li qed isir.” 

Kompla jgħid li hemm kommunikazzjoni kontinwa bejnu, uffiċjali tal-Kunsill u l-Pulizija u mhux l-ewwel darba li tkellem magħhom anke fis-siegħa ta’ filgħodu, għax ċemplulu r-residenti stess, biex il-Pulizija tmur u tieħu passi. 

Wera d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li kien hemm min għajru personalment, anke b’ommu li mietet ftit tas-snin ilu u dan meta fi kliemu, kien jagħmel dak li jista’, jiġifieri li almenu jara li s-sidien tal-bars u r-ristoranti ma jesaġerawx u ma jdejqux lir-residenti.  

Fakkar li anke jekk l-Avviż Legali huwa miftuħ ħafna, hu kien ippreveda, anke f’kummenti mal-ILLUM, li l-istabbilimenti se jħallu l-mużika wara l-11pm, fi tmiem il-ġimgħa biss. Qal li minkejja l-ħafna storbju li sar, illum il-ġurnata hekk qed jiġri, anke jekk l-Avviż Legali ma jispeċifikax. 

“Jiena għandi n-negozji wkoll. Jiena naf li biex iġġib band trid €300. Liema bar jew ristorant jiflaħ jonfoq €300 kuljum fuq band?”, staqsa Zammit. “Jiena s-sidien nafhom kważi kollha u ndur u nitkellem magħhom. Qed iġibu l-band nhar ta’ Ġimgħa u Sibt biss.” 

‘Fiċ-ċentru ta’ Londra mhux ukoll jgħixu n-nies? Il-Belt Valletta hija Belt Ewropea’ 

L-ILLUM tfakkru li anke s-sidien tal-Boutique Hotels u l-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lis-sidien tar-ristoranti u l-lukandi ħarġu kontra l-Avviż Legali. Allura l-Kunsill Lokali biss ma setax isemma leħnu? 

“Jiena l-Belt nafha. Fiż-żoni residenzjali fejn hemm ħafna nies, il-Gvern kien attent li ma jweġġax lir-residenti. Għad-Due Balli, il-Mandraġġ u l-Arċipierku, fejn hemm ħafna residenti, dan l-Avviż Legali ma jgħoddx u ftit hemm bars. Imma ma rridux ninsew li l-Belt Valletta, hija Belt Ewropea,” kompla Zammit. “Xi rridu, Belt Valletta li tmur torqod mas-sebgħa? Jew Belt Ewropea kif għandu kulħadd, fejn illum iż-żgħażagħ jippreferu jidħlu l-Belt milli jmorru Paceville.” 

Is-Sindku kompla jgħid li ma jreġix l-argument ta’ bosta li jgħidu li l-Belt Valletta ma tistax titqabbel ma’ bliet oħra kbar, għax ma hemmx differenza bejn iż-żona kummerċjali u ż-żona residenzjali.  

“Fil-qalba ta’ Ruma jew fiċ-ċentru ta’ Londra ma jgħixux nies?”, kompla jinsisti. “Ma tistax lanqas tippretendi li toqgħod fiċ-ċentru tal-Belt, fi Pjazza San Ġwann u r-ristorant ta taħtek jagħlaq fit-8pm.” 

Is-Sindku kompla jisħaq li huwa kburi bil-fatt li l-Belt Valletta hija kontributur importanti għall-ekonomija tal-pajjiż. Fakkar li 95% tat-turisti li jżuru Malta jidħlu l-Belt u siegħa jew sagħtejn żejda għar-ristoranti u l-bars tagħmel differenza kbira mhux biss għas-sidien imma anke għall-ekonomija, għax il-Gvern, mingħand l-istess stabbilimenti, se jiġbor siegħa oħra f’VAT u taxxi. 

“Irridu l-pensjonijiet, irridu s-servizzi b’xejn, imma mbagħad ma rridux nagħmlu ftit il-parti tagħna għall-ekonomija tal-pajjiż,” kompla Zammit. 

‘Il-Gvern għandu jifhem li din Belt Kapitali! 900,000 x’tagħmel bihom? 

Iżda hawn is-Sindku tefa ftit il-ballun f’saqajn il-Gvern u insista li jekk il-Gvern qed jagħti importanza lill-Belt għax jifhem kemm hi importanti għat-turiżmu u l-ekonomija, mela allura għandu jassigura li l-Kunsill Lokali tal-Belt jingħata biżżejjed fondi biex ikun jista’ jlaħħaq mal-ispejjeż u xejn xejn, jikkumpensa ftit lir-residenti anke għall-inkonvenjenti li jkollhom jgħaddu minnhom. 

“Agħti widen għal dak li ilni ngħid jiena,” qal Zammit lill-Gvern. “Il-finanzi tagħna jistgħu jibqgħu €800,000 u €100,000 fondi speċjali. X’inhuma €900,000 llum għall-Belt? Irridu naqilgħu l-bankini kollha. Minn fejn se nibdew? Meta tara fondi li jieħdu entitajiet tal-Gvern u tara x’jieħu l-Kunsill Lokali tal-Belt, taħseb li dan biżżejjed? Meta saret il-liġi fi żmien Fenech Adami kienet tajba, imma llum il-Belt saret Belt Ewropea u din donnu li ma nistgħux nifhmuha.” 

Alfred Zammit fakkar li meta sar Sindku hu, sab €600,000 dejn imma insista li dan lanqas sar apposta. L-amminstrazzjoni preċedenti ma setatx tagħmel mod ieħor. 

“Ma tlaħħaqx. Għandna €900,000 u l-maġġoranza tagħhom nonfquhom f’kuntratti tad-tindif,” kompla s-Sindku. “Il-Gvern għandu jifhem li din hija Belt Kapitali li trid tikkompeti ma’ bliet Ewropej oħra. Ma għandnix ningħataw imqar €3 miljun? X’inhuma €3 miljun illum.” 

‘Kuntrattur tal-Gvern għandu jħallasna wkoll! Kissrulna l-bankini ... biex se nirranġawhom?’ 

Hemm diskrepanzi oħra li s-Sindku tal-Kapitali tkellem dwarhom b’insistenza u kważi kważi b’rabja wkoll. Fi kliemu, illum il-ġurnata, jekk anzjana ta’ 80 sena trid tirranġa l-faċċata tagħha, tarma scaffolding, u tieħu żewġ parkeġġi, trid tħallas lill-Kunsill Lokali. L-istess jagħmel kuntrattur privat li jarma scaffolding, jidħol bit-trakkijiet u jieħu ħames parkeġġi.  

“Iżda kuntrattur tal-Gvern, li jieħu l-miljuni biex jirranġa xi faċċata ta’ binja pubblika u jieħu post ta’ tmien karozzi jew aktar għal xhur sħaħ, dak ma jiġix il-kunsill biex iħallas minħabba klawżola fil-liġi (dwar fondi Ewropej u proġetti soċjali) li ma tagħmilx sens u kulħadd idur magħha. Dawn jidħlu bi krejns kbar, jieħdu l-parkeġġi, kissrulna l-bankini u l-Kunsill Lokali ma jieħu xejn. Min fejn se nħallsuhom il-bankini? Jien nitkellem dak li hu u niġġieled mal-Gvern fejn hemm bżonn niġġieled mhux imbilli jgħidu għax jiena Laburist,” kompla jisħaq is-Sindku. 

‘Hemm stabbilimenti li d-dekorazzjoni tagħhom ma tixraqx lill-Belt’ 

Iżda dwar l-istabbilimenti u l-bars ma waqafnix biss mal-mużika. Is-Sindku Belti qal li hemm stabbilimenti li għandhom ċertu dekorazzjonijiet fuq barra, bħal tined u affarijiet oħra li ma jixirqux lill-Belt Valletta. 

Insista mal-ILLUM li mhux l-ewwel darba li ġibed l-attenzjoni iżda insista li waħdu ma jista’ jagħmel xejn u għandu jkun hemm linji gwida, anke mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, biex ikun stabbilit dak li hu aċċettabbli u le għall-Belt Valletta.  

Saħaq li hu jemmen li anke fejn jidħlu l-imwejjed u s-siġġijiet fil-Belt Valletta għandu jkun hemm uniformità, bil-Gvern jgħin biex l-istabbilmenti jinvestu f’għamara li tixraq lit-toroq tal-Belt Valletta. 

‘Jiena ħdimt biex il-parkeġġi tal-ministeri filgħaxija jipparkjaw fihom ir-residenti’ 

Tkellimna dwar il-parkeġġ fil-Belt Valletta. Din min dejjem kienet problema anke għax il-Belt hija limitata fejn jidħlu toroq imma dan l-aħħar it-tgergir żdied b’residenti jisħqu li l-parkeġġi riservati għall-Ministri u l-impjegati tagħhom qed ifaqqsu l-ħin kollu. 

Dwar dan, is-Sindku insista li fil-liġi hemm miktub ċar li kull ministeru jista’ jkollu ħames parkeġġi u ftit jista’ jagħmel il-Kunsill Lokali biex ibiddel dan. Madanakollu, Zammit insista li mhux l-ewwel darba li ġibed l-attenzjoni ta’ xi ministeri li ma jkollhomx għalfejn jieħdu ħames parkeġġi. 

Apparti minn hekk qal li l-Kunsill Lokali jitkellem kontinwament mal-ministeri bil-għan li l-parkeġġi riservati isiru f’postijiet fejn l-inqas jolqtu lir-residenti. 

“Aħna rranġajna u din ftit jafuha, biex il-parkeġġi s-sofor tal-ministeri, filgħaxija jkunu jistgħu jipparkjaw fihom ir-residenti. Din aħna għamilniha,” insista Zammit. 

‘Irrid inbiddel kif jgħaddi t-traffiku fil-Belt; Nistgħu nżidu ħafna parkeġġi’ 

Kien hawn li Zammit insista li l-pjan tiegħu huwa li qabel jispiċċa minn Sindku, ibiddel il-mod kif jgħaddi t-traffiku fil-Belt Valletta, anke għax il-pjan li għandu hu jista’ jżid ħafna parkeġġi. 

Fost oħrajn, il-pjan tas-Sindku huwa li fit-triq li ddawwar il-Belt, id-direzzjoni tat-traffiku jkun lejn naħa waħda biss, biex il-parkeġġi jkunu jistgħu jiġu organizzati mill-ġdid, bit-tir li jiżdiedu xejn inqas minn 1,000 parkeġġ. 

“Imma bħal dejjem, inkaxkru, inkaxkru u inkaxkru,” kompla jisħaq Zammit. 

Sadanittant, qal is-Sindku, il-Kunsill Lokali qed iżid ‘bi kbir’ il-parkeġġi l-ħodor (jiġifieri dawk riservati għar-residenti biss). 

Fakkar li kien dan l-istess Kunsill Lokali li neħħa l-parkeġġi li kienu riservati għad-Deputati Parlamentari, fi Triq ir-Repubblika, ‘l isfel mill-Palazz tal-Gran Mastru. Zammit insista li anke jekk il-Parlament ilu li mexa lejn Bieb il-Belt, dawn il-parkeġġi kienu baqgħu sofor u jintużaw minn ħaddiema ta’ Deputati Parlamentari u saħansitra l-qraba tagħhom. 

“Aħna konna li neħħejna dawn il-parkeġġi u għamilnihom ħodor. 

‘Kieku nista’ l-Belt kollha nagħmilha pedonali’ 

Minkejja dan, Zammit saħaq li t-tgergir jibqa’, anke għax il-Belt hija limitata. Tant hu hekk, li s-Sindku jixtieq li xi darba jara l-Belt kollha żona pedonali. 

“Nifhem li diffiċli imma nixtieq hekk anke għas-saħħa tagħna għax it-tniġġis huwa kbir.” 

Qal li jiddispjaċih ħafna għar-residenti ta’ Triq San Mark, triq dejqa ħafna li spiċċat kważi kważi triq arterjali fil-Belt. 

“Jiena rrid li din issir pedonali, biex anke t-turisti li jaslu bil-lanċa minn Tas-Sliema jgħaddu minnha bla tfixkil.” 

‘Nemmen li l-parkeġġi l-blu għandhom jispiċċaw għax qed ikun hemm l-abbużi ’ 

Iżda din mhijiex l-uniku xewqa tas-Sindku. Zammit jemmen li l-parkeġġi l-blu, jiġifieri dawk riservati għar-residenti bejn is-7pm u s-7am, għandhom jispiċċaw u jsiru jew kollha għar-residenti jew inkella jinqasmu għar-residenti u dawk li jżuru l-Belt, b’vantaġġ għar-residenti. 

“Mhux vera li huma riservati għar-residenti bejn is-7pm u s-7am. Ejja fi tmiem il-ġimgħa u ara. Hemm min jipparkja filgħodu u jħalli l-karozzi hemm għax jaf li l-uffiċjali tal-LESA ma jeżistux fil-Belt,” kompla Zammit. “Meta jiġu, għax indejquhom aħna.” 

Madanakollu saħaq li ma jagħmilx sens l-argument ta’ wħud li l-parkeġġi fil-Belt għandhom ikunu għar-residenti biss. Fi kliemu, jekk isir hekk, il-Kunsill ikun qed jispara f’saqajh stess. 

“Ma nistgħux ninsew li fil-Belt hemm ukoll attività kummerċjali u hemm l-investimenti. Dan irridu nieħdu ħsiebu wkoll.” 

‘Hemm proġett li ilu fuq l-ixkaffa ... Ħdejn Hastings jista’ jsir parkeġġ taħt l-art’ 

Iżda hemm soluzzjonijiet oħra għall-parkeġġ, bis-Sindku jsemmi proġett, li issa ilu ftit fuq l-ixkaffa, li jinkludi ż-żona madwar il-ġnien ta’ Hastings. 

Zammit qal li dan il-proġett beda jinħema fi żmien is-Sindku Alexiei Dingli imma hu jemmen li huwa tajjeb u jixtieq itejbu u jmexxih ‘il quddiem. 

Is-Sindku spjega li l-proġett ma jinkludix biss it-tkabbir tal-ġnien u taż-żona pedonali li twassal għalih, imma anke parkeġġ taħt l-art. 

“Dan huwa l-uniku post fejn nistgħu nagħmlu parkeġġ taħt l-art fil-Belt. Hemm il-pjanti u d-disinji. Nemmen li sular minnhom għandu jkun bla ħlas għar-residenti Beltin,” kompla s-Sindku. 

‘Nappella lill-Gvern; Irranġaw fejn jgħixu r-residenti għax hemm blokok nieżla biċċiet’ 

Mas-Sindku tal-Kapitali tkellimna dwar l-aħħar ċensiment li wera, għal darb’oħra, kif il-popolazzjoni tal-Belt Valletta reġgħet naqqset. Mhux talli hekk, talli l-Maltin qed jitilqu mill-Belt u jidħlu l-barranin.  

Il-prezzijiet tal-proprjetà fil-Belt huma dawk li huma u diffiċli għal kopja żagħżugħ biex jixtru post il-Belt. Dan ma jinkwetahx lis-Sindku? 

Zammit irrikonoxxa li din hija realtà li tinkwetah ħafna anke jekk hu fenomenu li ilu s-snin. 

“Fil-ftehim mal-UNESCO, għax il-Belt hija protetta mill-UNESCO u din ġieli ninsewha, hemm ċar u tond li rridu nipproteġu l-komunità Beltija mhux biss lill-monumenti, lill-knejjes u lis-swar,” qal is-Sindku. “Jekk jispiċċaw ir-residenti, il-Belt issir biss mużew.” 

Madanakollu, is-Sindku ma jemminx li l-Belt se tasal f’dik l-estremità, anke jekk saħaq li l-Gvern għandu jieħu ħsieb lil dawk il-ftit residenti li għadhom jgħixu l-Belt, biex almenu dawn ma jitilqux. 

“Nappella lill-Gvern, lill-Ministru tal-Akkomodazzjoni, biex b’mod urġenti jirrestawra l-blokok tar-residenti tad-Due Balli li qed jaqgħu biċċiet. Hemm hemm ir-residenti. Fejn fadlilna r-residenti almenu ejja ngħinuhom jibqgħu jgħixu hawn. L-istess il-Kamrata.” 

‘Iva! Erġajt ħiereġ għall-Kunsill. Jekk ma nitlax, inbaxxi rasi’ 

Fadlilhom sentejn, imma malajr insibu l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali wara l-bieb. Kien għalhekk li l-ILLUM staqsiet lil Zammit jekk hux se jerġa’ jikkontesta. 

“Iva se nerġa’ nikkontesta,” wieġeb minnufih. “Jekk ma nitlax, inbaxxi rasi u nwarrab għax hekk titlob id-demokrazija. Imma se nikkontesta bil-motto: Kburin li Beltin.” 

More in Intervisti