Intervista | Artista b’missjoni: B’xogħolha tqajjem kunxjenza dwar il-karatteristiċi uniċi li jagħmluna Maltin

Għandha passjoni kbira għall-madum Malti iżda anke għal kull karatteristika unika li tagħti identità lill-Maltin. Jekk b’mug, imħadda, tvalja jew fardal, il-missjoni tagħha hija li tqajjem kuxjenza dwar il-preservazzjoni ta’ dawn il-karatteristiċi. L-ILLUM tiltaqa’ ma’ Stephanie Borg 

Jekk b’xi mug bil-bibien Maltin fuqu, b'xi cushion bil-madum Malti jew xi pittura tal-ferro battuto, dawn huma kollha metodi kif l-artista Stephanie Borg tesprimi lilha nnifisha iżda fuq kollox tqajjem kuxjenza biex il-Maltin japprezzaw aktar dawk il-karatteristiċi li jagħtuhom identità. 

Għall-intervista ta’ din il-ġimgħa, il-gazzetta ILLUM żaret l-istudio ta’ Stephanie Borg biex titkellem magħha dwar ix-xogħlijiet, il-missjoni tagħha u l-pjanijiet għall-futur. Żgur li ħafna minnkom iltaqgħu max-xogħlijiet ta’ din id-disinjatriċi u l-għan ta’ din l-intervista huwa li nsiru nafuha aħjar. 

Bdejna nitkellmu dwar it-tfulija tagħha, bl-artista tispjega mal-ILLUM kif l-imħabba tagħha lejn dak kollu li hu Malti u l-passjoni partikolari għall-madum Malti nibtu fiha meta kienet għadha żgħira u mal-ġenituri u ħutha kienu jgħixu Santa Venera taħt l-akwadott. 

Għalkemm telqu minn hemm meta kellha biss ħames snin, Stephanie Borg tispjega li l-interess tagħha f’dak kollu li hu Malti nibet fiha propju minn din id-dar. 

“Fl-appartament fejn konna ngħixu kellna l-madum Malti. Niftakarni nitrejsja u nħażżeż fuq il-karti d-disinji tal-madum u niġġieled ma’ ħuti biex jagħtuni l-kuluri biex inpinġi dan il-madum. Din waħda mill-ftit memorji li għandi ta’ dak iż-żmien.”  

Minn Santa Venera telgħu jgħixu r-Rabat, post għal qalb wisq Borg tant li llum, reġgħet għażlet li tmur tgħix fih, f’dar tipikament Maltija kif minn dejjem xtaqet. 

“Il-fatt li kull kamra kellha l-madum Malti differenti u f’kundizzjoni vera tajba, għidt mill-ewwel li din kienet id-dar tiegħi,” kompliet tgħidilna. 

‘Barra minn Malta tgħallimt napprezza dak li għandna f’pajjiżna’ 

Għal ħafna snin, Borg għexet ukoll barra minn Malta u din l-esperjenza wkoll kompliet tgħinna tapprezza aktar dak li hu Malti u l-karatteristiċi tal-pajjiż.  

“Għal ħafna miż-żmien kont qiegħda l-Oman f’kultura kompletament differenti. Hemm irrealizzajt kemm għandna affarijiet importanti u sbieħ li aħna lanqas biss nagħtu kashom. Issib ruħek  mdawwra b’ħafna kulturi. Ħadd ma kien jaqta’ li jien minn Malta u kont nispiċċa nirrakkonta ħafna fuq Malta. F’qalbi bdejt nirrealizza kemm qed nirrakkonta affarijiet li jiena stess lanqas kont nagħti kashom. Mingħajr qisni ma naf, f’dan iż-żmien li domt ngħix barra bdejt nirrealizza kemm għandna affarijiet li huma uniċi li mhu se ssibhom imkien aktar,” spjegat. 

 Fil-fatt, fl-ewwel wirja li tellgħet meta ġiet lura Malta, jiġifieri fl-2012, Borg ħadet dawn il-mumenti, bħal ritratti, mill-ħajja ta’ kuljum f’Malta. Il-wirja kienet semmietha ‘glimpses’ u kienu bħal pitturi tawwalin li bħal jifformaw stampa waħda imma li jaqbdu mumenti differenti tal-ħajja Maltija. 

“Nisa jpaċpċu fuq il-bankina, ġie tal-ħobż, purċissjoni tal-preċett u oħrajn. Dawn affarijiet li ma tarahomx f’kulturi oħra. Għext l-Oman, ftit l-Italja u anke l-Amerika. Ma tarahomx dawn l-affarijiet,” saħqet. “Bdejt ngħid aħna nitfa’ ta’ pajjiż li għandna ħafna x’noffru. Jekk taqbad il-ħajja fl-irħula biżżejjed, il-festi, il-madum, il-bibien, il-faċċati. Għandna rikkezza kbira ta’ ispirazzjoni li sfortunatament ma nagħtux kasha. Ma ninnutawx x’għandna u jekk ma tinnutax ma tistax tapprezza.” 

‘Kont indur naqbad il-madum Malti mill-iskips u nieħu ritratti tagħhom’ 

Kien hawn li l-ILLUM tistaqsiha kemm hu importanti għaliha bħala artista li tosserva. Ħdejna kien hemm il-famuż mug bil-bibien ta’ Malta kollha differenti u kollha kkuluruti. Kif tagħżilhom? X’tagħmel meta tilmaħ xi bieb tipiku li jogħġobha u li llum qed jogħsfru wkoll? 

Stephanie Borg saħqet li tagħmel dan ix-xogħol għax it-tir tagħha huwa propju li tqajjem kuxjenza u tgħin li n-nies jinnotaw aktar dak li għandna fl-ibliet u l-irħula tagħna. Tixtieq li x-xogħlijiet tagħha jqajmu aktar kurżità fost il-klijenti tagħha biex jinteressaw ruħhom f’dak li hu Malti. 

 “Il-missjoni tiegħi dik hi. Ġejt lura Malta fl-2008. Bdejt indur u nara bini jaqa’ naħa u bini jaqa’ n-naħa l-oħra. Madum fl-iskips, faċċati jitkissru, bini qisu kaxxa. Bdejt nistaqsi x’qed jiġri. Fi żmien li kont barra, Malta nbidlet. Kont indur, naqbad il-madum mill-iskips u nieħu r-ritratti tagħhom. Ridt nagħmel xi ħaġa,” spjegat. 

‘B’mug nilħaq aktar nies...’ 

Kien hawn li Borg bdiet tpinġi d-disinji ta’ dan il-madum Malti iżda rrealizzat li bit-tpinġija biss ma kinitx qed tasal għand kulħadd jew għand biżżejjed nies.  

“Niftakar kien il-Ġimgħa l-Kbira. Kont qiegħda d-dar, bid-deni u l-mug tal-kafè. Għidt imissni nagħmel mug bid-disinji tiegħi u ħarist lejn il-madum Malti li għandi mal-art u rrealizzajt li dak kellu jkun id-disinn biex inqajjem kuxjenza. Kulħadd juża mug. Hekk nilħaq in-nies.” 

Fil-fatt, l-ewwel ma’ għamlet Stephanie Borg kien sett ta’ mugs bid-disinn tal-madum Malti iżda użat kuluri aktar vivaċi biex tagħtihom dehra aktar kontemporanja. Kienet ħadet sehem f’suq tal-artiġjanat u l-ewwel sett ta’ għaxra nbiegħu f’salt. Fit-tieni okkażjoni għamlet għoxrin u nbiegħu wkoll. 

“Kien hemm reazzjoni. Dan kien lejn is-sena 2012. Bdejt nara ġenituri jgħidu lill-uliedhom li bħal dan il-madum kellhom huma għand in-nanna. Kien hemm reazzjoni emozzjonali. Jiena ridt inqajjem  kuxjenza dwar xi ħaġa li jiena nħobb, li hija lokali u li għandna nippreservaw. Kien hemm qisu konnessjoni nostalġika.” 

‘Qatt ma ħarist lejn il-flus ... il-missjoni tiegħi hi li nqajjem kuxjenza’ 

Stephanie Borg tisħaq li meta n-nies ifaħħru xogħolha u l-kunċetti li toħroġ bihom ikunu qed jaħsbu mill-aspett finanzjarju xi ħaġa li hi qatt ma tat prijorità. 

“Kieku bdejt dan il-vjaġġ minħabba l-flus kont inżarma wara xahar,” qaltilna bi tbissima. “Li mexxini kien l-imħabba tiegħi lejn id-disinn, il-madum Malti u l-missjoni tiegħi li nqajjem kuxjenza u ma nibqgħux inkissruhom u nagħtuhom il-ġenb.” 

Fakkret li l-madum Malti huma uniċi għas-sempliċi raġuni li kull maduma hija differenti minn oħra għax isiru bl-idejn min-nies tas-sengħa. L-ebda waħda ma hi bħall-oħra. 

“Jiena ridt niċċelebrahom billi noħloq bihom arti, affarijiet li jintużaw kuljum. L-arti sabiħa imma jiena ridt ukoll affarijiet li n-nies jużaw kuljum u li jpoġġu fuq il-bank tal-kċina.” 

Fil-fatt, Stephanie Borg għandha għażla wiesgħa ta’ oġġetti, minn mugs, sa ornamenti għad-dar, cushions, fradal, tvalji u elf ħaġa oħra, kollha bid-disinn tal-madum Malti jew inkella b’xi karatteristika unika Maltija. 

‘Qed nisparaw f’saqajna’ 

L-ILLUM tistaqsi lill-artista xi tħoss meta tara djar b’karatteristiċi Maltin li hi tirrepplika f’xogħolha jitwaqqaw biex minflokom jitilgħu kaxxi tal-konkrit, bi twieqi sempliċi tal-aluminju u xi bieb lixx tal-injam bla l-ebda karatteristika ta’ xejn.  

“X’ħasra. X’ħasra li mhux nieħdu ħsieb xi ħaġa li ma nistgħux nerġgħu nġibu lura. Mela nsiefru u noqogħdu ngħidu xi ħlew u kemm huma sbieħ l-affarijiet li huma jippreservaw. Tmur f’xi villaġġ u tgħid qisu tal-kartolini. Aħna għandna affarijiet qishom tal-kartolini imma ma nistgħux inħalluhom biss għall-Belt, l-Imdina u forsi xi ċentri ta’ xi rħulha żgħar,” wieġbet Borg. 

Qalet li hija sfortuna kbira u jekk nibqgħu nitilfu dan il-patrimonju se nispiċċaw nisparaw f’saqajna anke għat-turiżmu. 

‘Irrid nappella għaż-żgħażagħ ... qed tiżdied il-kuxjenza’ 

Staqsejna wkoll lil Borg kemm hu diffiċli li taqbad xi ħaġa li hija antika bħalma hu l-madum Malti jew il-bibien tradizzjonali u tagħtihom dehra kontemporanja permezz tal-kuluri u d-disinn tagħha. 

“Ma hemm l-ebda formola. Nipprova nżomm id-disinn kemm jista’ jkun vivaċi għax jiena rrid nappella mhux għal min għandu 60 jew 80 sena biss.  Jekk il-missjoni tiegħi hija li nqajjem kuxjenza, irrid nappella għaż-żgħażagħ,” kompliet tgħid. 

Propju għalhekk li fix-xogħlijiet tagħha, Borg tiffoka fuq element wieħed. Mhux se tiffoka fuq faċċata ta’ dar, imma element minn dik il-faċċata, bħalma huwa l-bieb. Anke jekk madum. Se taqbad maduma waħda jew madum tal-istess disinn. 

“Meta tagħmel hekk, tapprezza aktar l-oġġett. Mhux l-ewwel darba li mort għand xi ħadd li għandu l-madum Malti. Nieħu ritratt partikolari u nibda nurihom. Ġieli lanqas jindunaw li jkunu tagħhom.” 

Fil-fatt, Stephanie Borg l-hena tagħha meta jmorru għandha xi żewġ żgħażagħ li se jiżżewġu u jgħidulha li d-dar għandhom fuq il-modern, kollox newtrali imma jridu jagħtu ftit kulur u jridu xi ħaġa lokali. 

L-ILLUM tistaqsiha kemm huma komuni dawn it-talbiet minn koppji żgħażagħ, li jinkludu fid-dar tagħhom xogħlijiet lokali. 

‘Ridt ngħolli wkoll il-livell tal-prodott Malti’ 

Qalet li l-kuxjenza qed tiżdied u t-talbiet miż-żgħażagħ qed jiżdiedu. Spjegat kif meta kienet għadha tibda, ħafna ma kinux japprezzaw brands lokali imma llum anke din inbiddlet u bosta qed ifittxu xogħlijiet ta’ kumpaniji u artisti Maltin. 

“Jiena graphic designer ukoll u dik għenitni. Dejjem ħdimt biex il-prodott tiegħi nippreżentah bl-aħjar mod possibbli. Il-preżentazzjoni dejjem ridt li tkun tajba daqs il-prodott jekk mhux aktar ukoll. Jiena ridt ngħolli wkoll il-livell tal-prodott Malti li jinħoloq Malti. Meta bdejt 14-il sena ilu kont irrid nikkumbatti mentalità u kultura sħiħa.” 

Madanakollu llum temmen li l-kuxjenza qed tiżdied u l-paġna ftit ftit qed tinqaleb. Qalet li anke l-Covid-19 kellha xi ftit impatt pożittiv għax peress li żdiedu l-problemi minħabba l-kummerċ minn barra, ħafna bdew iduru għal rigali mis-suq lokali u għalhekk bdew jinnutaw prodotti li forsi qabel lanqas biss kienu jafu jew semgħu bihom. 

It-turisti jfittxu xogħolha? 

U t-turisti jfittxuhom il-prodotti tagħha? Borg wieġbet fil-pożittiv u qalet li jżuru l-istudio tagħha fir-Rabat ħafna turisti li jkunu fittxew qabel dwar ix-xogħlijiet tagħha u jkunu jafu biha.  

“Ikun hemm min ifittex qabel. Oħrajn jiġu hawn bit-taxis għax jgħidulhom tal-lukanda għax ikunu qed ifittxu xi ħaġa lokali. Jistaqsuni u jinteressaw ruħhom ħafna,” kompliet. 

‘Kollox fih storja, raġuni jew kunċett’ 

Kull kollezzjoni li tagħmel, Borg tagħtiha isem u tuża wkoll il-Malti. Fost l-aħħar kollezzjonijiet tagħha għandha dik li sejħitilha “nwar” li tfisser “blossom.” L-idea nibtet fi żmien il-pandemija meta riedet toħloq sett ta’ affarijiet li persuna jkollha bżonn biex tarma d-dar, minn cushions, sa tvalji u ħafna affarijiet oħra. 

Fid-disinji tagħha, f’din il-kollezzjoni, għaqdet flimkien il-madum Malti u l-ferro battuto. “Għalhekk nwar għax hija xi ħaġa ġdida li nibtet. Fuq il-kulur blu għax aħna pajjiż Mediterranju. Jiena kollox inħobb nagħmel bi ħsieb. Kollox fih storja, raġuni jew kunċett warajh.” 

‘Hawn min għandu ħiliet u ma għandux fejn jirmaħ ... hemm bżonn nagħtu aktar importanza lis-snajja’ 

Fl-aħħar nett, l-ILLUM tħalli f’idejn Borg biex twassal messaġġ lis-soċjetà Maltija. L-appell tagħha kien wieħed sempliċi, jiġifieri dak li hemm bżonn aktar edukazzjoni. 

“L-iskop ta’ ħajtek qatt ma għandu jkun il-flus imma li tagħmel dak li tħobb tagħmel,” bdiet tappella. 

Saħqet li fis-sistema edukattiva għandha terġa’ tingħata l-importanza lis-snajja għax hawn min għandu ħiliet li ma għandhomx fejn jimirħu biha. 

“Aħna pajjiż żgħir. Probabbilment dak li nagħmel jien, jien biss nagħmlu, bħalma hawn nies oħra li dak li jagħmlu huma ma jagħmlu ħadd ieħor. Jekk lit-tfal insibulhom dak li vera jħobbu se jkun hawn ħafna ħiliet li huma uniċi. Dan apparti li hawn snajja li qed intuhom bis-sieq u qed jintesew.” 

Għalhekk l-appell tagħha huwa biex il-kuxjenza tibda mill-iskola u anke fil-ħarġiet tal-iskola, minflok tingħata attenzjoni dejjem lil żewġ suġġetti biss, anke dawn l-affarijiet jingħataw aktar prijorità. 

“It-tfal illum rashom fit-tablets u qed nitilfu ħafna ħiliet soċjali u apprezzament ta’ dak li għandna. Dawn l-affarijiet ġew bi storja. L-istorja hija importanti u t-tagħlim tagħha għandu jkun mandatorju. Ma tistax tapprezza l-preżent jekk ma għandekx għarfien tal-passat. Kif se żżomm il-futur imbagħad? Fuq xiex se tibnih? Fuq il-konkrit? Hemm bżonn edukazzjoni,” temmet tgħid l-artista. 

More in Intervisti