‘Il-Kavallieri ħallewlna bini majestuż, l-Ingliżi ħallewlna t-town houses, u aħna? Kaxxex tas-sulfarini tal-konkrit?’
L-iskart, il-parkeġġ, l-istorbju u s-sigurtà flimkien mal-iżvilupp eseġerat, il-finazjament tal-partiti u l-famużi fat cats. Il-gazzetta titkellem mas-Sindku ta’ San Ġiljan, Albert Buttigieg
minn Marianna Calleja
Sindku u wieħed mill-ftit li baqalu l-ħila jitkellem fuq dak li jara inġust fi ħdan il-lokalità tiegħu. Albert Buttigieg m’għandu bżonn l-ebda introduzzjoni, imma is-suġġetti li l-gazzetta ILLUM iddiskutiet miegħu jaf għandhom bżonn.
Mhux ngħidu li l-istorbju, l-ħmieġ u l-bini għandhom bżonn spjegazzjoni imma qatt innutajtu kif meta nsemmu dawn iżda fil-kuntest ta’ San Ġiljan, kważi ngħidu, “u iva kont taf fejn sejjer!” jew inkella “u iva hemmhekk postu ħafna bini għoli.”
Din lis-Sindku ta’ San Ġiljan iddarrsu. Iżda x’inhu jagħmel il-Kunsill biex ibiddel kemm dan il-ħsieb, kif ukoll is-sitwazzjoni? B’dispjaċir is-Sindku jgħid li ma tantx hemm iktar x’jistgħu jagħmlu.
“L-unika saħħa li għandna hija li ‘noqgħodu neqerdu’. Fil-verità nkunu qed nagħmlu pressjoni u hawn nikkritika lil Gvern għax il-Kunsill Lokali ġie maħluq biex ikollu kontroll ta’ ċertu teritorju.”
Huwa elenka numru ta’ proposti li kien ressaq il-Kunsill, iżda li“waqgħu fuq widnejn torox.” Fosthom li l-appartamenti li jinkrew għal perjodi qosra jkollhom sistema ta’ ġbir tal-iskart bħal dik tan-negozji u li binja b’iktar minn sitt appartamenti jkollha kamra għaż-żibel u kif ukoll parkeġġ.
Proposta oħra kienet li l-Kunsill Lokali jieħu persentaġġ mit-taxxa li jiġbor il-Gvern mit-turisti. Kull turist iħallas 50 ċenteżmu għal kull lejl li jqatta’ f’Malta sa’ massimu ta’ €5. Fakkar li l-Gvern kien ġabar madwar €7 miljuni minn din it-taxxa qabel il-pandemija. Il-proposta tal-aħħar titlob biex persentaġġ minnhom jingħataw lil Kunsilli sabiex jinvestuhom fi proġetti lokali.
“Il-Kunsill issa spiċċa, jgħidulu ċapċap, imma jorbtulu idejh u jkomplu jgħidulu ċapċap. Imma jien kif nista’ nċapċap jekk idi marbuta? Trid tħallili l-libertà u sfortunatament il-Gvern hekk ġabna. Jistaqsik għaliex mhux tagħmel oġġett imma ma jħallilekx il-forza biex tagħmilha.”
Il-‘fat cats’ li Buttigieg dejjem jirreferi għalihom, min huma?
L-iżviluppaturi u l-bini żejjed, kontroversji attwali li jikteb ħafna fuqhom Buttiegieg . Il-gazzetta ILLUM tirreferi għal kitbiet tiegħu f’midja lokali, fejn għamel referenza għal ‘fat cats,’ li bla ebda mistħija jitħabbew mal-politikanti sabiex jakkwistaw li jridu.
Huwa spjega li din il-frażi amerikana kienet diġà tintuża sabiex tiddeskrivi “l-kapitaliżmu aggressiv fejn in-nies ma jinteressahomx mill-konsegwenzi tal-oħrajn, l-importanti li nsiru sinjuri.” Qal li jifhem kif il-bniedem qatt ma jkun kuntent u dejjem irid, kif jifhem ukoll li fiha innifisha din mhix ħażina għall-aħħar, li hu ħażin skont Buttigieg, huwa jekk persuna jagħmel avvanzi għad-detriment ta’ ħaddieħor.
“Hemm qed timxi bil-prinċipju tal-ġungla, għax il-ġungla timxi b’min hu l-iktar b’saħtu u fl-istess ħin tkun qed tkisser il-valuri li s-soċjetà hi mibnija fuqhom,” kompla jispjega s-Sindku ta’ San Ġiljan.
Iċċara li bl-ebda mod ma jrid jinftiehem illi kull żviluppatur hu ħalliel u kriminali anzi jgħid li jaf bi żviluppaturi tal-affari tagħhom u li jaħdmu skont il-valuri. Minkejja dan, skont hu, hemm numru ta’ nies li iktar kemm jgħaddi żmien iktar jużaw is-saħħa tal-flus biex fejn ma għadhomx raġun, “il-liġi jgħawġuha biex takkomodahom”
“Din hi perikoluża, u għalkemm ma bdietx issa u ilha ġejja naħseb issa qegħdin f’sitwazzjon fejn kważi qed jiddeċiedu huma l-politika tal-pajjiż,” kompla Buttigieg. Spjega li għax jgħinu finanzjament tal-partiti, dawn in-nies jippretendu li ma jsegwux il-liġi. Huwa għalhekk, skont Buttigieg, li wieħed jippretendi illi jibni pixxina f’nofs ta’ wied jew li ieħor jbiddel il-bajja tal-Balluta f’waħda kummerċjali mingħajr ma jinteressah fil-persuni li jiffrekwentaw il-bajja.
Buttigieg jikkumparahom ma’ tfal żgħar, li jdaħħlu xi ħaġa f’rashom u għax ma jeħduhiex, jaqbdu jsabbtu saqajhom.
“Bħal min ikollu vizzju tad-droga jew sess, hawn mingħandu l-vizzju tar-regħba. Ħa nkissru pajjiż jekk ma nikkontrolawhiex din ir-regħba ... Ħares lejn Malta, se tispiċċa żona waħda tal-kostruzzjoni.”
In-nuqqas ta’ spazji miftuħa u r-relazzjoni bejn bini żejjed u s-saħħa mentali...
Is-Sindku hawn jirreferi għal studji li juru relazzjoni ċara bejn żvilupp żejjed u saħħa mentali batuta. Spjega li għalkemm kienu jieħdu għalihom fil-passat, f’Malta diġà kellna lokalitajiet li kienu jiġu referuti bħala ‘depressed areas,’ jiġifieri żoni soċjalment żvantaġġjati, b’element qawwi ta’ każi soċjali. Spjega li dan kien kaġun il-ħafna bini u l-ħafna nies li kienu jinstabu f’post wieħed.
Qal li l-iżvilupp eseġerat hu sfida kbira speċjalment meta jitkissru wkoll l-ispazji miftuħa, postijiet ta’ interess u l-arja. Intant, żied jgħid li minbarra dan kollu, l-bini li tiela’ huwa ikrah, fil-fehma tiegħu.
“Kieku qed jibnu sabiħ, tgħid paċenzja, vera sbuħija hi suġġettiva imma l-ikrah jibqa’ ikrah. Mela l-Kavallieri ħallewlna dan il-bini majestuż, l-Ingliżi ħallewlna t-town houses sbieħ, u aħna x’se nħallu lill-uliedna? Kaxxex tas-sulfarini tal-konkrit bla ebda gost?”
Saħaq li hemm bżonn illi l-politikanti jkunu kuraġġużi u jbiddlu l-politiki filwaqt li rrikonoxxa li l-politika tal-2006 ma kinitx tajba.
Hawn Buttigieg ħadna lura għal meta il-Gvern taħt l-amministrazzjoni Nazzjonalista kif ukoll il-MEPA kienu qalu li Malta kellha biżżejjed art għal aktar żvilupp tal-bini. Gvern Nazzjonalista permezz tal-MEPA, kien iddeċieda li jżid iż-żoni tal-iżvilupp biex l-art li setgħet tkun żviluppata wara l-2006 intqal li kienet tkopri l-istess spazju daqs is-Siġġiewi.
“Il-politiki tal-2006 ma kinux tajbin, mhux se ninħeba wara subgħajja. Dak iż-żmien, il-PN ħaseb li se jagħmel tajjeb, imma l-PL fl-2013 tela’ bl-għajta li se jagħmel emendi. Imma mhux biss ma għamilx l-emendi għal dawn il-bidliet, talli sab min fejn jgħaddi biex iġebbidhom iktar,” temm jgħid dwar dan Buttigieg.
‘Jekk m’aħniex se nieħdu bis-serjetà il-finanzjament tal-partit, se nibqgħu f’din is-sitwazzjoni’
Lura lejn il-finanzjament tal-partiti politiċi, Albert Buttigieg jemmen li dan kollu jħoll u jorbot fuq ż-żewġ partiti li “diġà huma maħkuma mill-‘fat cats”
Hawnhekk irrefera għal intervista li l-Editur ta’ din il-gazzetta, Albert Gauci Cunnigham, kien għamel miegħu s-sena l-oħra. Hu kien ġie mistoqsi jekk jiddejaqx li lanqas il-PN mhu jkun voċiferu kontra kuntratturi daqstant kbar. Fir-risposta tiegħu, Buttigieg kien spjega li dan il-pajjiż sar wieħed kważi fewdali, fejn “ir-Re jiġi mmexxi minn sħabu u hu jkun qiegħed hemm biss għar-ritratti.” Iżda wara sena, skont buttigieg, “ma nbiddel xejn.”
Sostna li għalkemm dejjem jissemma’ l-PN, il-PL qiegħed ukoll f’sitwazzjoni fejn jirċievi donazzjonijiet minn dawn il-‘fat cats.’ Fakkar li l-politika u l-istrutturi politiċi jiswew flejjes kbar biex ikomplu jimxu iżda wissa li jekk dan kollu mhux se nieħduh bis-serjetà, “se nirvinaw pajjiż.”
“La l-politika tiswa’ l-flus, x’se tagħmel? Tbiegħ ruħek! Bħal ma ġralu l-Partit Laburista. Jekk tara l-PL illum, lanqas tgħarfu. Jekk xi ħadd barrani li jifhem fil-politika jħares lejn il-PL tal-lum, ma jgħarfux bħala il-partit soċjalista, laburista u tal-ħaddiem. Issa jara partit liberali, partit kważi kapitalist. Sar jagħti importanza lin-negozjant u lill-fqir jużah. Il-vulnerabbli jagħtihom iċ-ċejċa, bħall-€100 qabel l-elezzjoni biex jixtrih.”
Il-gazzetta ILLUM hawnhekk fakkritu li bl-istess argument, issib nies li jgħidulek li l-PN għal-kuntrarju tal-PL, tant hu mweħħel mal-valuri tal-passat li mhux jinbidel skont il-karba tal-poplu. Huwa qabel li dik hi waħda mir-raġunijiet għaliex il-PN jinsab fil-pożizzjoni li jinsab fiha iżda skont hu l-problema tibqa’ illi “nitkellmu u nanalizzaw lill-partit fl-Opożizzjoni u ninsew lill-partit fil-Gvern.”
Insista li ma jistax il-poplu jibqa’ jweħħel fil-PN għax il-PL ilu 10 snin fil-Gvern u jekk kellu problema seta’ jirranġaha.
“Għalxejn ngħidu għax fiż-żmienkom! Jekk nibqgħu sejrin hekk mela tort tal-Kavallieri għax bnew is-swar u tort tal-Knisja għax bniet il-knejjes. Ma nistgħux nibqgħu inkaxkruha bħal Adam iweħħel f’Eva u Eva tweħħel fis-serp. Issa inti qiegħed fil-Gvern u int għandek responsabbiltà li ssib is-soluzzjoni,” tenna Buttigieg.
Portomaso... ‘Dak li kien ħażin dakinhar, ma sarx tajjeb illum’
Induru fuq il-proġett il-ġdid ta’ Mercury House li kważi ddomina d-diskussjoni dwar San Ġiljan fl-aħħar snin. Il-gazzetta semmietlu l-episodju tad-90ijiet fejn attivisti kontra Portomaso kienu marru San Ġiljan jipprotestaw u kienu saħansittra għamlu strajk tal-ġuħ. Iżda issa huma ftit li jaqblu li jitneħħa jew inkella li jarawh bħala binja kerha.
Dwar dan is-Sindku ta’ San Ġiljan spjega li dak li kien ħażin dakinhar, ma sarx tajjeb illum. Saħaq li llum in-nies drawh f’għajnejhom u meta tidra xi ħaġa tibda’ taċċetaha. Għaldaqstant, l-argument ma jibqax l-istess fil-konfront tal-Mercury House għax, skont Buttigieg, il-problema mhix il-proġett innifsu iżda il-proġett flimkien ma’ sebgħa oħra tal-istess xorta fl-istess lokalità li għaddejin bħalissa jew li huma proposti. Insista li fid-dawl ta’ dawn il-proġetti kollha, il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan għandu bżonn masterplan.
“Mhux il-masterplan li għamel il-Gvern madwar ħames snin ilu, fejn kienet qisha lista tar-rigali tal-Milied, bil-Father Christmas iroxx ir-rigali. Fir-realtà jekk tara dik il-lista, kollha saru, jekk ma daħlux mill-bieb daħlu mit-tieqa.”
Hu qal li dan il-pjan għandu jinkludi pjanijiet infrastrutturali inkluż tad-dranaġġ, tal-iskart, u tal-bankini, fost oħrajn. Talab lill-Gvern biex ipoġġi mal-Kunsill, ir-residenti, il-periti, in-negozjanti u l-iżviluppaturi u jara kif San Ġiljan se jimxi ‘l quddiem.
‘Il-Kunsill għandu viżjoni imma l-Gvern ma jridx jisma’, ma jridx ipoġġi magħna’
Is-sindku ta’ San Ġiljan saħaq mal-ILLUM li huwa jifhem li San Ġiljan sar il-mekka tad-divertiment u n-negozju iżda jiddispjaċih meta jara dan in-nuqqqas ta’ sforz. Irrakkonta kif hemm turisti li jħallsu ħafna flus biex joqgħodu fl-aqwa lukandi iżda malli joħorġu, jkunu milqugħha minn żibel fit-triq u bankini mkissra.
“Minkejja li partiti differenti, naf biċ-ċert li l-Ministru għat-Turiżmu qed jagħmel sforzi enormi biex inġibu turisti wara l-pandemija imma ħadd ma jinduna li għandna lukandi ta’ ħames stillel b’infrastruttura ta’ stilla waħda,” kompla jgħid.
Din il-gazzetta staqsietu kif il-Kunsill mhux jieħu responsabbilità tas-sitwazzjoni bl-iskart jekk il-ġbir hu f’idejh. Buttigieg spjega fid-dettall kif dan mhux dejjem hu l-każ.
Ħareġ ritratt ta’ żibel miġbur fil-kantuniera tat-triq quddiem lukanda rinomata u spjega li dak iż-żbel hu ta’ ħanut kummerċjali. Bil-liġi suppost li tan-negozju stess jieħu ħsieb li jħallas kumpanija privata biex jinġabar iż-żibel qabel it-8:00 a.m. Kompla jgħid kif dawn in-negozji jippruvaw iħallu iż-żibel barra sabiex jinġabar mill-ħaddiema li jqabbdu l-Kunsill u jiffrankaw li jħallsu. Iżda bil-liġi ukoll, il-persuna mqabbda mill-Kunsill ma tistax tiġbor żibel tan-negozji għax taqla’ multa.
‘Qed nitkellmu fuq il-Belt Valletta, l-istess diskors konna ngħiduh lir-residenti tagħna u ara illum fejn spiċċa paceville’
Ma nistgħux ngħidu li l-problema tal-istorju u s-sigurtà mhux sfidi oħra f’din il-lokalità. Buttigieg dawwar id-diskors fuq l-Avviż Legali dwar il-mużika ġewwa l-Belt Valletta. Ammetta li meta jisma’ ċertu politikanti jgħidu li se jikkontrollaw il-mużika u li l-Belt Valletta mhux se ssir Paceville ieħor, jinfaqa’ jidħak.
“Dan hu l-istess diskors li kien jingħad lir-residenti tagħna u ara illum fejn spiċċa Paceville. Dak kollu bżar fl-għajnejn. Illum ir-residenti tajnihom raġun f’kollox!”
F’Paceville fil-preżent hemm madwar 400 ruħ, li ħafna minnhom huma anzjani. Hawn Buttigieg qal li ma jistax jifhem kif anzjana trid tbiegħ darha fl-aħħar ta’ ħajjitha għax ma tiflahx għall-istorbju. Dan filwaqt li min diġà jgħix hemm jissakkar f’daru fis-sigħat ta’ bil-lejl bil-biżà li taħkmu.
‘Il-PN m’għandux għalfejn jieħu azzjoni kontrija għax jien fil-verità ma għamilt xejn kontra l-istatut’
Il-gazzetta ILLUM, fl-aħħar tal-intervista, staqsiet lil Albert Buttigieg dwar l-allegazzjoni li kien għamel meta qal li uffiċjal tal-PN wiegħed kuntrattur ewlieni b’interess kbir f’San Ġiljan li se jkunu qed “jagħlqulu” ħalqu u dan għax fi kliem Buttigieg, kien “xewka” għalih.
Buttigieg mal-ILLUM qal li huwa se jibqa’ jsostni dak li kien qal. Spjega li għamel diversi mistoqsijiet dwar ir-rakkonti li ħaddieħor qallu. Jiem wara l-allegazzjoni, il-Partit Nazzjonalista kien qal li ma jistax jinvestiga l-allegazzjonijiet li qed jagħmel Buttigieg jekk ma jsemmix b’ismu lill-uffiċjal tal-Partit li hu qed jakkuża.
Mistoqsi mill-ILLUM jekk jafx min kienu l-persuni li riedu jwarbuh huwa wieġeb, “naf min huma l-persuni involuti imma isimhom inżommu għalija.”
Is-Sindku ta’ San Ġiljan temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista m’għandux għalfejn jieħu azzjoni kontrih ġaladarba ma għamel xejn kontra l-istatut. “Jien staqsejt għax hekk tippermetili d-demokrazija,” temm jgħid mal-ILLUM.