‘Ma jistax ikun li f'din in-nitfa ta' gżira, b’tant nuqqas ta' art miftuħa, nippruvaw nikkuntentaw lil Alla u lix-Xitan’

Bini bla rażan, irħula mirduma minn bini għoli u r-reputazzjoni Żejtunija ta’ ġellidin. L-ILLUM tiltaqa’ mal-Perit Ruben Abela minn Wirt iż-Żejtun u tistaqsi fuq il-kultura Żejtunija u l-irwol tiegħu bħala attivist ambjentali 

Ruben Abela
Ruben Abela

Iż-Żejtun huwa wieħed mill-aktar bliet kwieti f’Malta. Iż-Żejtun, jew speċifikament iċ-ċentru storiku tiegħu, għadu priservat bħala l-belt tipiku u ikona bil-karatteristiċi sinonimi tal-irħula Maltin, bħal Għargħur u r-Rabat, fost oħrajn.  

Għal dawn ir-raġunijiet iqumu diversi mistoqsijiet fuq jekk dawn il-karatteristiċi Żwieten u Maltin hux se jkunu priservati għall-ġenerazzjonijiet tal-futur jew jekk ir-residenti hux se jibdew iħossu l-ħtieġa li jimmondernizzawh u jeliminaw kompletament l-immaġini tradizzjonali ta’ din il-belt. Propju fuq hekk l-ILLUM tkellmet mal-Perit Ruben Abela, eks Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), eks Kunsillier, President ta’ Wirt iż-Żejtun u Żejtuni.  

Abela għandu passjoni kbira lejn il-belt tiegħu u dan kien evidenti waqt l-intervista hekk kif kull meta beda jitkellem dwar il-ħidma li wettaq hu biex iż-Żejtun jibqa’ ħaj; kemm issa kif ukoll fil-futur, dan għamlu bi tbissima u sens ta’ sodisfazzjon kbir.  

‘Wara sentejn nuqqas, kien hemm aspettattiva kbira’  

Din il-gazzetta għamlet referenza għall-Ġimgħa l-Kbira u l-purċissjoni, li ż-Żejtun tant hi magħrufa għalihom. Minħabba l-pandemija, din il-purċissjoni baqgħet merfugħa, tistenna sena oħra tgħaddi. B’diżappunt kbir, din is-sena minkejja l-preparamenti kollha li saru bil-għan li jerġa’ jinħass is-sens ta’ normalità, it-temp kellu pjanijiet oħra u kollox sfaxxa fix-xejn.  

“Sintendi wara sentejn nuqqas ta' dawn l-affarjiet kulħadd ikun qed jistennihom. Il-Ġimgħa l-Kbira kien hemm stennija kbira għaliha iżda sfortuntatment bit-temp tlifna sena oħra,” qal Abela.  

Huwa kompla jgħid li l-Ġimgħa l-Kbira, bħal-festa, issir permezz ta’ ħidma kollettiva min-numru ta’ volontiera, “u huma dawn l-affarjiet li jiffurmaw il-komunità. Fiż-Żejtun hemm ukoll il-festa u diversi attivitajiet ħajjin li jaraw is-sehem qawwi tal-volontarjat u komunità li tinvolvi ruħha u tipparteċipa b’mod attiv,” kompla jgħid Abela, proprju ġimgħa wara l-festa tant maħbuba miż-Żwieten ta’ Santa Katarina.  

‘Dar Nazzaret hi miraklu ħaj’  

Fuq l-istess temi ta’ komunità u volontarjat din l-intervista imbagħad iddur fuq waħda mill-aktar komunitajiet li joħolqu ġid fiż-Żejtun, il-Fondazzjoni Nazzaret.   

Il-Fondazzjoni twaqqfet fl-1995 minn Dun Anġ Seychell bil-għan li toffri kenn għal dawk il-persuni li ma għandhomx familja, persuni b’diżabilità u persuni li ma jistgħux jgħixu ma’ familthom minħabba xi abbuż jew trattament ħażin. Din il-Fondazzjoni għandha tliet idjar, Dar Jean Vanier, Dar L-Arċipriet Degabriele u Dar Nazzaret, li Abela ddeskriviha bħala “miraklu ħaj.”  

Abela żied jgħid li l-inizjattiva ta’ Dun Anġ, “persuna li ma għandha bżonn l-ebda introduzzjoni”, mhux talli rnexxiet iżda qed tkompli tikber, fil-fatt bħalissa għaddej ix-xogħol fuq ir-raba’ dar tal-Fondazzjoni.  

“Il-volontarjat huwa importanti għaliex ġenituri li għandhom tfal b'diżabilità l-ikbar inkwiet tagħhom huwa x’se jiġri minn uliedhom, la darba jiġu neqsin huma. Apparti minn hekk il-ġenituri jkollhom bżonn anke ħin ta' mistrieħ. L-impenn biex tieħu ħsieb persuna b'diżabilità huwa wieħed kbir u l-Fondazzjoni toffri dawn il-postijiet għal dawn il-persuni żvantaġġjati,” saħaq Abela.  

Huwa kompla jgħid li s-sabiħ ta' Dar Nazzaret huwa li dawn il-persuni jiġu integrati fil-komunità, li ma jkunux f'dar 'il bogħod mill-ħajja soċjali, jinvolvu ruħhom billi fosthom; jitilgħu l-knisja, jmorru l-festa u joħorġu jaraw il-purċissjoni fost oħrajn.  

‘L-irħula tagħna spiċċaw bħal ġamm f’nofs donut’ 

Bħalma għidna qabel, meta wieħed iħares lejn iż-Żejtun jara diversi karatteristiċi fil-bini li jmur tajjeb mal-karattru tal-belt. Kien għalhekk li l-ILLUM staqsiet lill-Abela jekk jaħsibx li din il-karatterstika hux se tiġi mhedda maż-żmien, speċjalment meta wieħed iqis l-ammont ta’ bini modern li qed jiddomina l-irħula Maltin.  

Saħaq li ħafna nies li jmorru joqogħdu ż-Żejtun u li ma jkunux imrobbija hemm, iduru għaċ-ċentru tar-raħal, “għaliex għadu priżervat b'mod tajjeb u sabiħ. Jien li ngħix u noqgħod hemm nemmen li kien hemm inizjattivi permezz ta' sussidji bħall-iskema ‘Irrestawra Darek’, fejn diversi binjiet ġew restawrati u rijabilitati, però waqfna hemm,” qal Abela.  

Hawn huwa staqsa għaliex. Jgħid li dan ġara għaliex il-policies tal-għoli fil-bini, li bdew jinbidlu fl-2005 “miflok ġew irranġati fl-2015, komplew jiġu aggravati. L-irħula u ċ-ċentri storiċi tagħna spiċċaw bħal ġamm f’nofs donut.”  

Qal li l-periferija qed tinbena kollha blokkok u appartamenti, “minkejja li huma l-istess għoli tal-policy tal-2005 - dik li ngħidulha streetscape - li ġiet irrovinata kompletament. Qabel l-għoli tas-sulari kienu konformi ma’ dak li hemm fil-madwar u għaldaqstant l-estetika tat-triq kienet tkun waħda uniformi.”  

B’dispjaċir huwa jgħid li llum il-ġurnata, tieqa f’blokka appartamenti ġodda fl-ewwel sular, tiġi għal ġot-tieqa tal-bini ta’ ħdejha. Żied jgħid li dan huwa żball kbir u jemmen li immedjatament għandha tittieħed azzjoni billi jiġu iddikjarati buffer zones madwar iż-Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana (UCA). “Imbagħad hemmhekk, il-policy skabruża li saret fl-2015, ma tiġix applikata. Din hija xi ħaġa li l-Gvern jista’ jagħmel.”  

Il-ġlieda biex insalvaw il-bdiewa mitlufa?  

“Din hija tema li ta’ spiss titqajjem però sfortunatament ħafna drabi nibqgħu biss bil-kliem.” Hekk wieġeb Abela, filwaqt li saħaq li x-xogħol tal-biedja huwa wieħed iebes ħafna u ħafna żgħażagħ ma jitħajrux.  

Huwa jemmen li ma hemmx biżżejjed inċentiva biex wieħed iħajjar liż-żgħażagħ għal din il-linja tax-xogħol, “għaliex bħalissa l-miri nazzjonali huma bbażati fuq konvenzjonijiet u direttivi barranin li kemm jista’ jkun iż-żgħażagħ huma kollha gradwati. Sfortunatament jista’ jagħti l-każ li xi kultant inbaxxu l-livell edukattiv biex il-lasta jilħaqha kulħadd.”  

Kawża ta’ hekk jemmen li Malta qed titlef żgħażagħ li għandhom talenti oħra fosthom dawk illi dak li jaraw b’għajnejhom, jagħmluh b’idejhom.  

Kien hawn li hu saħaq li l-għeluq tal-iskejjel tas-snajja u l-iskola tal-biedja u oħrajn simili kienet daqqa ta’ ħarta kbira għas-snajja. Jgħid li problema oħra li qed taffaċċja din l-industrija hi li sfortunatament it-talent ma ntiritx bil-konsegwenza li spiċċa meta irtiraw jew mietu l-għalliema f’dawn l-iskejjel. Kompla jgħid li din mhix kwistjoni li l-Gvern iħares l-art għax, “huwa inutli li jħares l-art, jekk ma għandekx minn jaħdimha.”  

Apparti minn hekk huwa żied jgħid li illum mhux qed inħarsu lejn biedja produttiva imma r-raba' aktar qed infittxuha, “biex immorru nagħmlu l-picnics u l-BBQs nhar ta' ħadd jew fil-weekend milli biex tiżra' l-patata u nkabbru l prodotti lokali. Qed insibuha aktar faċli li nsibu l-prodott lest u ġej minn barra u l-benna tal-prodott Malti qed nitilfuha,” żied jgħid Abela.  

“Dan ma jfissirx li l-art għandna nibnuha, waħda torbot mal-oħra, però rridu naraw x’se nagħmlu mil-lat ta’ politika,” qal Abela. Għaldaqstant Abela saħaq li ma jistax ikun li “f’din in-nitfa ta’ gżira, b’tant nuqqas ta’ art miftuħa, nippruvaw nikkuntentaw lil Alla u lix-Xitan.”  

‘Għalkemm nitkellmu favur l-ambjent, meta nibdew naraw l-interessi personali kulħadd jara butu’ 

Meta l-pjanijiet tal-yacht marina f’Wied il-Għajn reġgħu ittieħdu lura mill-Prim Ministru Robert Abela, il-Perit Abela kien stqarr ma’ din il-gazzetta li għandha ssir bidla fil-pjanijiet lokali. Kien għalhekk li l-ILLUM staqsiet; “sinċerament, ma taħsibx li din hija xewqa li mhux se ssir verità? Tara li ż-żewġ partit saru wisq jaqdu l-interessi tal-kuntratturi?”  

Abela stqarr li l-lobbying favur l-ambjent huwa b’saħħtu ħafna u dan flimkien mal-lobbying favur l-ispekulazzjoni. “Ma ngħidx żvilupp; għax il-kelma żvilupp inkunu qed ninsulentawha jekk nużawha f’dan il-kuntest. Hemm aspetti ta’ żvilupp li huma denji iżda l-ispekulazzjoni mhux qed tagħmel ġieh lill-kelma żvilupp”.  

Attiv fil-lobbying favur l-ambjent u l-ħarsien tiegħu huwa jgħid li ma jaqtax qalbu. Jisħaq li l-pjani lokali suppost ġew riveduti ħames snin ilu però baqa’ ma sar xejn u dan huwa jattribwieh għat-talbiet esaġerati li hemm min-nies biex jiġu estiżi l-iskemi tal-iżvilupp biex artijiet Barra miż-Żona tal-Iżvilupp (ODZ) ikunu jistgħu jinbnew.  

“Forsi l-politiku hemm jinqabad f'morsa. Għaliex? Għax għalkemm individwalment, ħafna drabi nitkellmu favur l-ambjent, meta imbagħad nibdew naraw l-interessi individwali, kulħadd jara butu,” kompla jgħid Abela.  

Huwa stqarr li jekk persuna jkollha għalqa li qiegħda nofs kilometru barra miċ-ċentru jew mit-tarf tal-Belt, wieħed se jara x’jagħmel biex dik l-għalqa b’xi mod issir tajba għal bini.  

“Dan huwa sigriet magħruf li l-Awtorità tal-Ippjanar kull meta tħabbar li se tagħmel reviżjoni tal-pjanijiet lokali ma jidħlux talbiet favur konservazzjoni iżda jidħlu eluf ta' talbiet biex għelieqi jiġu mogħtija għall-iżvilupp,” qal Abela.  

Huwa stqarr li fuq hekk ma jagħtix tort lill-politiku li jgħid; “isma aħjar inżomm pass lura milli noqros jew ma nikkuntentax lil dawn in-nies”, iżda jisħaq li trid tittieħed deċiżjoni biex l-Awtorità tkun aktar ċara. 

Żied jgħid li jekk vera nħobbu lill-ambjent għandna niddikjaraw b'mod ċar li estensjonijiet ta' żoni urbani mhux se jsiru. Dan filwaqt li jistaqsi jekk dawn l-estensjonijiet għandniex bżonnhom.  

Qal li ta’ sikwit nisimgħu statistika ta’ kemm qed joħorġu permessi fuq appartamenti iżda statistika kemm verament hawn domanda għalihom ma nafux. Spjega li qed noħolqu suq għall-iżvilupp u l-bini imma dan għaliex in-nies qed jarawhom bħala l-uniku sors ta' investiment li wieħed jista' jiggwadanja minnu. 

‘L-istorja hi dik li hi u ħadd ma jista’ jmeriha. Dak li ġara fil-passat huwa kundannabli’  

Aktar minn 35 sena ilu Malta esperjenzat waħda mill-aktar avvenimenti politiċi vjolenti li qatt rat pajjiżna u dan seħħ f’Bulebel, iż-Żejtun.  

Jiem wara l-qtil ta’ Raymond Caruana, aktar minn 30,000 persuna rħewla lejn Tal-Barrani (triq li tgħaqqad iż-Żejtun, Ħal Għaxaq, Ħal Tarxien u Santa Luċija) biex imorru għall-meeting tal-Partit Nazzjonalista, dak iż-żmien immexxi minn Eddie Fenech Adami. Madankollu dan wassal biex twaddbu l-ġebel, inqala’ ġlied kbir u saħansitra ingiddmu l-ponot ta’ mnieħer żewġ persuni. Sussegwentement il-pulizija kellhom iwaddbu gass tad-dmugħ f’attentat biex jikkalmaw lill-folla. Dan u xi karattri partikolari Żwieten wassal biex għas-snin ta’ wara ż-Żwieten ġew ittimbrati b’ħafna aġġettivi u b’reputazzjoni negattiva.  

Mistoqsi fuq hekk, huwa wieġeb li kull komunità għandha t-tajjeb u l-ħażin tagħha u dan jiddependi mill-mod kif tipproġetta ruħha. “Ġo l-istess komunità jista’ jkollok spazji jew partijiet li l-stess residenti jistmerru.” 

Jisħaq li l-istorja hi storja u ħadd ma jista’ jmeriha u dak li ġara fil-passat huwa kundannabli. Qal ukoll li permezz tal-Kunsill Lokali taż-Żejtun saru diversi inizjattivi u kampanji biex il-mod ta’ kif jidher iż-Żejtun jiġi trasformat kemm kulturalment u bil-mod ta’ kif jinżamm il-lokal.  

“Dan ma jfissirx li l-istigma ta’ xi nies inqatgħet għal kollox. Hawn min jara lin-naħa ta’ isfel ta’ Malta kollu bl-istess mod. Issa jekk hux għal xi raġuni politika jew soċjali ta’ klassi ma nafx, iżda għadha teżisti,” saħaq Abela.  

‘Irrid li ż-Żwieten jibqgħu bil-karattru li għandhom issa! Ta’ żaqqhom f’fommhom’  

Fl-aħħar din il-gazzetta staqsiet dwar kif jidher iż-Żejtun li jixtieq iħalli warajh. Abela stqarr li ħafna jixtiequ li r-raħal tagħhom ikun turistiku, “iżda jien ma noħlomx hekk.”  

Jgħid li huwa jrid li ż-Żwieten jibqgħu bil-karattru li għandhom, “ta’ żaqqhom f’fommhom u li tkun taf fejn qiegħed magħhom.” Jisħaq li meta jkun hemm masses ta’ turisti, minkejja li dan ikollu impatt ekonomiku pożittiv, eventwalment ikun hemm riperkussjonijiet fosthom il-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċertu nħawi. Dan jinkludi ristoranti, bars u lukandi.  

“Jiena nara liż-Żejtun bħala niċċa tat-turiżmu li jattira lil dak it-turist li jmur fuq sit ta’ attrazzjonijiet, li jiskopri l-ħajja ġewwa villaġġ Malti kif verament hu u jiġi fit-triqat tagħna u jimxi,” kompla jgħid Abela.  

Huwa temm jgħid li dan huwa ż-Żejtun li jrid iħalli warajh, belt li żżomm il-karratterstiċi tipiċi u Maltin tagħha.  

More in Intervisti