‘It-tiġdid fil-PL qed isir mhux għax xtaqu imma għax ħafna kellhom jirriżenjaw’
L-ILLUM tintervista lil Joe Giglio wieħed mill-aktar kandidati popolari u promettenti tal-Partit Nazzjonalista. Kif sejjer fuq id-distrett? Il-PN qed isemma’ biżżejjed leħnu? Stenna li jkun co-opted hu? Lest jikkontesta għal kariga għolja fil-PN?
minn Yendrick Cioffi
L-elezzjoni tinsab fi qrib u għalhekk il-gazzetta ILLUM għażlet li tpoġġi bilqiegħda ma’ wieħed mill-aktar kandidati promettenti tal-Partit Nazzjonalista, l-Avukat Joe Giglio. Giglio se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni ġenerali fuq id-disa’ u l-għaxar distretti elettorali, li ma huma faċli xejn. Giglio se jkollu jikkompeti ma’ Jason Azzopardi, Karol Aquilina, Robert Arrigo, Kristy Debono u Karl Gouder, fost oħrajn.
L-ILLUM tibda tistaqsi lil Giglio dwar dan il-fatt u anke dwar dak li qed jgħidulu n-nies meta jżur id-djar tagħhom. Il-kandidat ikkonferma li d-distretti li se jikkontesta fihom huma “diffiċli ħafna” u ammetta li l-kompetizzjoni se tkun waħda kbira.
Saħaq li n-nies tad-distretti tiegħu qed jifhmu li l-Partit Laburista “ħa deċiżjonijiet li ma kinux fl-interess nazzjonali” u insista li huma għatxana biex jisimgħu aktar dwar dak li għandu x’joffri l-Partit Nazzjonalista. Apparti minn hekk, Giglio insista li n-nies huma għatxana wkoll biex jaraw lill-Partit Nazzjonalista jiġġedded.
“Xi kultant jilmentaw li mhux jisimgħu biżżejjed lill-PN jew inkella ma jifhmuhx,” saħaq Giglio. Ammetta li l-akbar problema hija li l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista mhuwiex qed jasal biżżejjed għax huwa maħnuq.
“Ix-xandir nazzjonali huwa mmexxi minn persuni li kulħadd jaf x’inhuma, tant li l-PN kellu jiftaħ kawża kostituzzjonali biex jindirizza dan l-iżbilanċ. L-amministrazzjoni Laburista tuża t-taxxi tagħna biex tagħmel il-propaganda tagħha nnifisha. Dan qalu l-Kummissarju tal-Istandards u anke l-Awtorità tax-Xandir. Mit-taxxi tagħna, il-Gvern nefaq miljun ewro biex jagħmel propaganda dwar il-Baġit,” insista Giglio.
Kompla jisħaq li l-PN mhuwiex qed jikkompeti biss mal-midja soċjali tal-Partit Laburista, imma mal-midja soċjali ta’ kull Ministru li hija sponsorjata mit-taxxi tan-nies.
‘Dnub li fl-2017 insejna l-programm elettorali u tkellimna fuq korruzzjoni biss’
L-ILLUM twaqqfu. Tistaqsih jekk jagħmilx sens li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jwaħħal fix-xandir nazzjonali. Huwa l-mezz ta’ kommunikazzjoni l-problema, jew inkella l-messaġġ innifsu li mhuwiex dak li jridu jisimgħu n-nies?
“Jista’ jkun dak li qed tgħid inti. Imma ma naqbilx ma’ min jgħid li l-PN qed jitkellem biss fuq korruzzjoni. Qed jitkellem ħafna fuq it-tberbiq tal-flus, il-meritokrazija, l-għoli tal-ħajja. Qed joħroġ bi proposti. Eżempju klassiku kien ir-replika ta’ Bernard Grech għad-diskors tal-Baġit, li fih ħabbar ideat u proposti. Irridu noqogħdu attenti biex mhux nemmnu biss l-ispin tal-Partit Laburista,” insista Giglio.
Qabel magħna li kienet ħasra li, fl-aħħar elezzjoni ġenerali, jiġifieri dik tal-2017, il-PN kważi nesa l-manifest elettorali tiegħu biex tkellem biss fuq il-korruzzjoni.
“Kien hemm manifest elettorali miżgħud bi proposti u li ħadd ma jaf x’inhuma għax tkellimna biss fuq korruzzjoni. Minn dak iż-żmien imxejna ‘l quddiem. Inħolqu l-clusters li qed joħorġu b’ħafna proposti,” insista Giglio.
Għoli tal-ħajja u ċekkijiet ... ‘Ma nistgħux nieqfu biss mal-ħobż u l-ħalib’
Tkellimna fuq l-għoli tal-ħajja u l-famużi ċekkijiet li se jkun qed iqassam il-Gvern. Il-Partit Nazzjonalista ħareġ jgħid li bżar fl-għajnejn. Anke l-eks Ministru Tonio Fenech ħareġ jikkritika din il-miżura. Bernard Grech bilkemm lissen kelma dwar dan. Sadanittant, il-Gvern qed jidher li għamel xi ħaġa u l-PN xejn. X’qed joffri l-PN aktar mill-PL?
Giglio insista li l-Partit Nazzjonalista indirizza konferenza tal-aħbarijiet li matulha spjega l-proposti tiegħu biex jindirizza l-għoli tal-ħajja.
Fakkar li l-Partit Nazzjonalista qiegħed iwiegħed li jieqaf darba’għal dejjem jikkalkula ż-żieda għall-għoli tal-ħajja bil-mekkaniżmu tal-COLA.
“Il-Gvern ilu disa’ snin u għadu ma għamel xejn dwar dan. Il-PN qed jagħmel impenn li din tkun riveduta darba għal dejjem. Iż-żieda ma tistax tibqa’ tkun ikkalkulata biss fuq il-ħobż u l-ħalib,” saħaq l-Avukat Giglio.
Propju għalhekk, kompla jispjega, li l-Partit Nazzjonalista qed jitkellem fuq il-prinċipju tal-Living Income li jikkalkula d-dħul li għandha bżonn familja jew persuna biex tgħix ħajja diċenti u jkollha kwalità tal-ħajja tajba.
“Illum irridu wkoll ninkludu l-Internet li huwa essenzjali, is-subscriptions għall-istazzjonijiet televiżivi, il-kirjiet u ħafna affarijiet oħra li huma parti minn ħajjitna,” saħaq Giglio. “Mhuwiex minnu li l-PN qal biss li l-Gvern qed iberbaq il-flus. Ngħiduha kif inhi, it-tberbiq ukoll għandu impatt fuq l-għoli tal-ħajja. Kieku ma berbaqnix, l-injezzjoni ekonomika tal-Gvern, kienet tkun ferm għola u aktar relevanti.”
Dwar il-kwalità tal-ħajja, Giglio kompla jisħaq li l-PN fl-aħħar snin, tkellem ukoll dwar il-fatt li l-ekonomija spiċċat tiddependi fuq l-importazzjoni ta’ ħaddiema barranin u li dan wassal biex il-ħlas u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema Maltin jinżammu baxxi.
‘Għax ma għandux l-appoġġ tal-maġġoranza, ma jfissirx li n-nies mhux jagħtu kas lill-PN’
Fid-dawl ta’ dan, l-ILLUM terġa’ tistaqsih x’se jagħmel il-PN biex iwassal dan il-messaġġ għax kollox qed jindika li mhux jasal. Jista’ jkun li n-nies mhux jieħdu lill-PN bis-serjetà għax issa ilu żmien jitlef elezzjoni wara l-oħra bi kbir?
Ma qabilx magħna li l-Partit Nazzjonalista mhux jittieħed bis-serjetà. Saħaq li anke jekk il-PN ma għandux l-appoġġ tal-maġġoranza, ma jfissirx li mhux jagħtu kas dak li qed jgħid.
“Żgur li l-mezz li bih l-aħbarijiet jasal għand in-nies, joffri aktar opportunitajiet lill-Gvern milli lill-Partit Nazzjonalista. Jekk żewġ min-nies qegħdin f’foresta u qed jagħjtu, jekk wieħed għandu leħnu aktar b’saħħtu u jinstema’ iżjed, ma jfissirx li l-ieħor mhux qed jgħajjat ukoll,” kompla l-kandidat.
Tiġdid fil-PN: ‘L-elettorat se jkollu għażla’
Morna lura għad-distretti li fuqhom se joħroġ Giglio u l-fatt li fi kliemu, in-nies iridu jaraw lill-PN jiġġedded. Imma kemm iġġedded il-PN? L-ILLUM tistaqsih fuq kandidati tad-distrett tiegħu, bħalma huma Jason Azzopardi u Karol Aquilina li diġà kienu hemm meta l-PN tilef bi kbir. Dawn ma għandhomx jagħmlu spazju għal nies ġodda?
Giglio insista li fuq kull distrett elettorali, il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta kandidati ġodda.
“L-elettorat qed jingħata għażla. Jekk l-elettorat jaqbel ma’ dak li qed tgħid inti, li hemm persuni li huma sinonimi mat-telfiet tal-PN u għandhom jagħmlu spazju, dan għandu l-għażla f’idejh,” insista Giglio.
Fakkar ukoll kif fl-aħħar xhur mhux biss inbidel is-Segretarju Ġenerali, biex issa hemm Michael Piccinino, imma kien hemm ukoll tibdil fil-President tal-Eżekuttiv u l-Amministrattiv, fost oħrajn.
“Kellek persuni li warbu, bħal Francis Zammit Dimech, Ċensu Galea, Alex Perici Calascione u Carm Mifsud Bonnici u posthom ħaduhom nies bħal Graham Bencini, Mark Anthony Sammut, Joseph Grech u oħrajn,” fakkar l-Avukat Giglio.
‘Il-Kabinett tal-PL iġġedded għax ħafna kellhom jitilqu’
Dawwar ħarstu fuq il-Partit Laburista u saħaq li l-kabinett tiegħu ġġedded għax kien hemm persuni li kellhom jitilqu minħabba li spiċċaw jiffaċċjaw akkużi serji ta’ korruzzjoni.
“Chris Cardona ma telaqx għax ried hu. Konrad Mizzi l-istess u anke Justyne Caruana,” kompla Giglio. “It-tiġdid fil-PL qed isir mhux għax kien hemm ix-xewqa imma għax ħafna mill-membri tal-Kabinett kellhom iwarrbu.”
Iżda l-ILLUM tfakkru li bis-saħħa ta’dan, il-Partit Laburista kien għaqli biżżejjed biex idaħħal nies validi mmens, bħalma huma Miriam Dalli, Clyde Caruana, Oliver Scicluna u Jonathan Attard.
“Jekk dehrlu li kellu jagħmel hekk, għamel tajjeb, imma kienu ċ-ċirkostanzi tal-konfużjoni fil-Kabinett li tawh l-opportunità jagħmel dan,” insista Giglio.
Giglio naqqas l-impenn tiegħu fil-PN?
Tkellimna dwar is-sehem tiegħu fil-Partit Nazzjonalista fl-aħħar xhur, anke għax kien hemm min innota li Giglio donnu naqqas mill-impenn tiegħu. L-ILLUM tistaqsih x’ġara.
“L-impenn tiegħi għadu hemm u jibqa’ hemm. Kien hemm ħafna okkażjonijiet fejn il-PN talabni nkun preżenti u ma stajtx. Sa ċertu punt minni naqas. Kien hemm żmien fejn ma stajtx minħabba affarijiet personali. Serraħ rasek li l-impenn tiegħi għadu hemm u jibqa’ hemm,” insista.
‘Is-sondaġġi jfissru biss li trid ixxammar il-kmiem’
Tkellimna dwar is-sondaġġi li għadhom qed juru ftit li xejn avvanzi għall-Partit Nazzjonalista. L-ILLUM irrapportat kif Bernard Grech qed jgħid li jekk inaqqas id-distakk għal 30,000, jibqa’ Kap. Telfa ta’ 30,000 vot hija aċċettabbli wara dak kollu li smajna fl-aħħar snin? Hemm Deputati li titkellem magħhom u li diġà qalbhom maqtugħa. Kif inhu l-ambjent fil-PN bħalissa?
“Jiena qalbi maqtugħa m’iniex. Is-sondaġġi jfissru biss li trid ixxammar il-kmiem u tkompli tirsisti,” saħaq Giglio.
Dwar ir-rapporti fuq dak li qed jgħid Bernard Grech, Giglio la ċaħad u lanqas ikkonferma. Qal biss li l-istatut tal-Partit Nazzjonalista jistabbilixxi li wara kull elezzjoni, anke jekk jirbaħ, il-Kap irid jissottometti ruħu għal vot ta’ fiduċja.
Lest jikkontesta għal kariga għolja fil-PN?
“Hekk se jiġri din id-darba wkoll,” saħaq Giglio u propju hawn li l-gazzetta tieħu l-opportunità u tistaqsih jekk jikkunsidrax li wara l-elezzjoni, jitfa’ ismu għal xi waħda mill-karigi importanti fil-Partit. Għandu appoġġ?
Wieġeb li huwa jimxi pass pass.
“Se nkompli naħdem biex in-nies jifhmu li l-PN huwa alternattiva relevanti u importanti. Imbagħad naraw minn hemm. Ma għandi l-ebda ħsieb. Nibqa’ naħdem kuljum ġurnata b’ġurnata,” insista Giglio.
Għandu jkollna Parlament full-time?
L-ILLUM staqsiet lil Giglio jekk jaqbilx li jkollna Deputati full-time anke għax mill-aspett finanzjarju, ma tantx huwa ‘worth-it’ għal avukat bħalu jew tabib li jħalli l-professjoni tiegħu biex jidħol fil-politika. Ma jaħsibx li dan il-fatt jista’ jkun li qed iżomm persuni validi mmens milli jagħtu sehemhom?
Giglio saħaq li jekk wieħed iħares biss lejn l-aspett finanzjarju, ma jagħmilx sens li tabib jew avukat joħroġ għall-politika. Madanakollu insista li min jidħol għall-politika, ma jagħmilx dan għall-aspett finanzjarju.
“Worth-it li tidħol fil-politika jekk trid tagħti servizz u kontribut,” insista Giglio. “Imma iva jista’ jkun li hemm persuni li jibqgħu lura minħabba l-aspett finanjarju.”
Dwar Parlament full-time, Giglio saħaq li għad ma għandux opinjoni ċara. “Jista’ jkun li tagħmel sens għax tattira nies differenti u hemm min jgħid li mhijiex idea tajba li jkollok parlamentari full-time għax inkella jinqatgħu min-nies.”
Jekk fuq din il-kwistjoni, Giglio għadu ma ffurmax opinjoni, mill-banda l-oħra huwa jaqbel ħafna li l-partiti politiċi jkunu ffinanzjati mill-istat.
Spjega li jaqbel ma’ dan, mhux għax fiha xi ħaġa ħażina li persuni jagħtu donazzjonijiet lill-paritit, iżda għax jekk ikun hemm finanzjament mill-istat, ikun hemm aktar trasparenza.
‘Kieku ġejt avviċinat biex inkun co-opted ma kontx naċċetta’
Kien hemm min kien qed jistenna li Joe Giglio jkun co-opted fil-Parlament wara li rreżenja David Thake. Xtaq li jkun co-opted hu? Ġie avviċinat?
“Lanqas biss għaddietli minn moħħi li nkun avviċinat biex inkun co-opted. Ma ppretendejtx u ma ġejtx avviċinat. Kieku ġejt avviċinat biex inkun co-opted ma kontx naċċetta. Din hija spin oħra tal-Partit Laburista,” insista Joe Giglio.
Insista li fil-laqgħa tal-Eżekuttiv, meta ġiet imressqa t-talba biex tkun co-opted Graziella Galea, hu kien l-uniku persuna li għamel intervent u ħeġġeġ lill-membri tal-eżekuttiv biex jappoġġjaw din id-deċiżjoni, li ġiet approvata unanimament.
Joe Giglio u l-Bank Pilatus. Spin jew verità?
Tkellimna dwar il-kontroversja fuq is-€17,000 fix-xahar li ħadet il-kumpanija legali tal-Prim Ministru mill-Awtorità tal-Ippjanar. L-ILLUM tfakkar lil Giglio li anke hu għandu kumpanija legali. Se neħduha kontrih għax hu ddefenda uffiċjali tal-Bank Pilatus? Il-kumpanija tal-Prim Ministru mhux xogħlha wkoll kienet qed tagħmel?
“Iż-żewġ affarijiet ma għandhomx x’jaqsmu. Robert Abela u l-kumpanija legali tiegħu, kienet diġà ngħatat il-kuntratt fi żmien l-amministrazzjoni Nazzjonalista. Fit-2013, meta ġie elett il-Partit Laburista, il-ħlas sploda. Fl-istess ħin, li Abela kien qed jagħti assistenza legali lill-Awtorità tal-Ippjanar, kien ukoll konsulent tal-Gvern. Mela għandek sitwazzjoni, fejn il-Gvern ressaq ħafna applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar, fl-istess żmien li l-istess Awtorità kienet qed tirċievi pariri mingħand Abela.”
Dwar ix-xogħol tiegħu mal-Bank Pilatus, Giglio insista li jrid jagħlaq din il-kwistjoni darba għal dejjem. Insista li għall-kuntrarju ta’ dak li qal il-Partit Laburista, hu qatt ma kien l-Avukat tal-Bank Pilatus.
Jien qatt ma kont l-Avukat tal-Bank Pilatus
“Jiena kelli kawża waħda fejn iddefendejt persuni mill-Bank Pilatus, li kienu Maltin tal-affari tagħhom. Dak iż-żmien, il-Bank Pilatus kellu l-liċenzja maħruġa mill-awtoritajiet Maltin u dwaru ma kien issemma xejn. Dawn ġew quddiemi għax kienu qed jiġu akkużati minn impjegata li ma ħallsuhiex il-paga,” insista Giglio, waqt li saħaq li l-evidenza kienet turi mod ieħor.
Spjega kif l-akkużi kontra dawn il-persuni ġew fi żmien meta din l-istess persuna kienet se titwaqqaf mill-impjieg għax skoprew li din abbużat minn karta tal-kreditu li ġiet fdata lilha. Din il-persuna ma hija ħadd ħlief Maria Efimova, il-whistleblower fil-każ Egrant.
“Jiena kont qed niddefendi lil dawn il-persuni. Jiena għamilt xogħol għal klijenti tiegħi u mhux f’isem entità li qed titħallas mit-taxxi tagħna,” saħaq Giglio. “Jien qatt ma kont l-Avukat tal-Bank Pilatus.”
Ambjent, edukazzjoni u kwalità tal-ħajja...
Lura għall-elezzjoni. L-ILLUM tistaqsi lil Giglio biex isemmi proposti li jixtieq jara lill-Partit Nazzjonalista jaħdem u jirsisti fuqhom.
Minnufih semma li jixtieq li l-Partit Nazzjonalista jitkellem aktar fuq l-ambjent u l-viżjoni tiegħu biex jindirizza l-problema tat-tibdil fil-klima.
Saħaq li jixtieq jara lill-PN jispjega kif se jirriforma s-sistema edukattiva tal-pajjiż biex din ma tibqax imsejsa biss fuq l-eżamijiet.
“Ma nixtieqx li nibqgħu nkejlu s-suċċess ekonomiku billi nħarsu lejn id-defiċit u s-surplus. Minflok irridu nibdew nitkellmu fuq il-kwalità tal-ħajja. Irridu naqilgħu pagi tajbin u fl-istess ħin ikollna ħin biżżejjed għall-familja, ħin biex insiefru, ħajja itwal u aktar b’saħħitha u żgħażagħ li jkomplu jistudjaw,” temm jisħaq Giglio.
Insista li ma għandu l-ebda dubju li dan kollu se jkun indirizzat fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista.