‘Għażilt li niftaħ in-negozju biex inkun nista’ nlaħħaq mal-bżonnijiet mediċi ta’ Henry’
Minkejja l-vjaġġ turbulenti tagħha fejn hi u binha kienu f’xifer il-mewt, Lorinda Mamo toħroġ rebbieħa u b’suċċess liema bħalu. L-ILLUM tintervista ...
minn Anthea Cachia
Xi darba jew oħra kulħadd iltaqa’ mal-istorja ta’ Lorinda Mamo u binha Henry, tifel li jsaħħrek bit-tbissima tiegħu. Magħrufa aħjar bħala, ‘a bird with a french fry’ fuq Instagram hija qasmet l-istorja tagħha mal-ILLUM. Lorinda tirrakkonta dwar il-ġranet sbieħ u dawk mudlama, il-ħajja tagħha bħala intraprenditur u fuq kollox is-sigriet għal ħajja pożitiva.
Lorinda twieldet il-Kanada iżda l-għeruq tagħha huma fil-gżejjer Maltin. Minkejja li kellha xokk kulturali kbir meta emigrat lejn Malta, meta kellha ftit aktar minn 20 sena, “minn t’età żgħira, il-ġenituri tiegħi kien qaluli l-oriġini tiegħi. Lili u lil ħuti kienu jkellmuna ħafna bil-Malti u għalhekk t’età żgħira ħafna kont diġà nitkellem tajjeb bil-Malti.”
Għaliex A bird with a French Fry? Minn fejn ġie l-isem?
Mistoqsija x’wassal biex għażlet dan l-isem uniku, hija wieġbet li dan l-isem għandu sinjifikat partikolari. Hija rrakontat kif darba fost l-oħrajn kienet rat poster b’għasfur jiekol u din awtomatikament fakkritha f’meta tkun qiegħda f’ristorant u jiġu l-għasafar jittalbu għal farka ħobż.
Tispjega li din metaforikament fakkritha kif l-għasafar isibu l-kuntentizza fis-sempliċità u kif xi kultant, “nanaliżżaw iżżejjed xi tfisser il-kuntentizza, mentri fil-verità, il-kuntentizza hija sempliċi ħafna.”
‘Jien qatt ma kelli idea x’inhi Prune Belly Syndrome’
Henry, ġie dijanjostikat bi Prune Belly Syndrome (PBS) ftit wara li twieled. L-omm spjegat li meta kienet ħames xhur tqala, it-tobba kienu ndunaw li kellu problema, iżda ma kienux jafu x’kienet.
“Jien qatt ma kelli idea x’inhi l-kundizzjoni. Wara li twieled setgħu jaraw li ċertu karratteristiċi kienu kompatibbli ma’ PBS imbgħad hemm ġie dijanjostikat. X’ħin sirt naf, għamilt żball kbir u ftaħt Google u fittixt kemm flaħt fuq il-kundizzjoni, iżda Google dejjem jurik l-agħar affarjiet,” qalet Lorinda.
Hija spjegat kif il-bidu ta’ dan il-vjaġġ kien pjuttost diffiċli, b’mod speċjali għax din il-kundizzjoni tolqot lil kull tifel u tifla b’mod differenti.
“Il-kundizzjoni tvarja ħafna. 50% tat-tfal li jitwieldu bil-kundizzjoni jmutu mat-twelid. Hemm persentaġġ għoli ta’ tfal li jgħixu biss sentejn. Filwaqt li jkun hemm uħud li jkollhom bżonn ferm inqas assistenza medika,” qalet Mamo.
Il-PBS tolqot il-parti taż-żaqq, peress l-muskoli f’dik il-żona ma jiżviluppawx, jew saħansitra l-muskolu jkun tant żgħir u dgħajjef li jkun qisu ineżistenti. Din il-kundizzjoni toħloq għadd ta’ kumplikazzjonijiet problematiċi oħra. Ħafna drabi, organi oħra fil-ġisem, speċjalment f’dik iż-żona ma jiżviluppawx lanqas. Dan jinkludi l-kliewi, il-bużżieqa tal-awrina u l-ureter, il-kanal li jgħaqqad dawn iż-żewġ organi.
‘Kien ikollu jilbes tliet ħrieqi fuq xulxin’
Ta’ ftit jiem, Henry kellu jagħmel diversi operazzjonijiet korrettivi. Waħda mill-operazzjonijiet wasslet għal kumplikazzjonijiet serji tant li kellhom joħorġu l-ureter barra minn ġismu, “u għalhekk għal madwar sena u nofs kellu l-awrina, il-ħin kollu, ħierġa minn ġismu. Tant li kien ikollu jilbes tliet ħrieqi fuq xulxin.” Illum il-ġurnata Henry ikollu jagħmel użu minn kateter li jinbidel kull tliet siegħat.
Wara dan kollu ċ-ċkejken Henry kellu nfezzjoni severa f’waħda mill-kliewi u għalhekk iddeċidew li jneħħuha. Ftit snin wara, meta Henry kellu tliet snin it-tobba rrealizzaw li l-kilwa l-oħra kienet sejra għall-agħar u kellu bżonn trapjant.
“Sadanittant, ir-raġel tiegħi kien qiegħed jagħmel l-ittestjar biex naraw jekk kienx kompatibbli. Għaliex li tkun ġenitur ma jfissirx li awtomatikament tkun tajjeb biex tagħti kilwa... Konna ilna nitilgħu l-Ingilterra għat-trattament minn meta kellu sentejn. It-trapjant sar l-Ingilterra ukoll,” saħqet Mamo.
Lorinda u Henry spiċċaw it-tnejn f’xifer il-mewt
Lorinda stqarret li f’dik l-istess sena li ngħataw l-aħbar kerha li Henry kellu bżonn trapjant, Lorinda sabet boċċa f’sidirha.
“Kien żmien verament diffiċli għax il-kanċer tiegħi kien tar-raba’ grad u kien pjuttost agressiv. It-tobba kienu qaluli li għandi nirringrazzja l-Alla li ndunaw mal-ewwel għax seta’ jinfirex faċilment,” qalet Lorinda.
Hija żiedet tgħid li dan fl-istess waqt li binha kellu operazzjoni wara oħra, li lkoll kienu ta’ periklu kbir. Emozzjonata hija qalet li bdiet tipprova tlaħħaq ma’ kollox, “l-operazzjoni tiegħu kienet verament ikkumplikata. Ma kinux jafu x’se jsibu. Kollox beda jiġri f’daqqa. Naħseb dan kien l-agħar żmien minn dan il-proċess kollu. Kien ħafna agħar minn meta kellu t-trapjant innifsu.”
L-ILLUM staqsiet, ‘imma kif jirnxxielek tibqa’ daqstant pożittiva?’
Huwa minnu li wara l-maltemp jiġi l-bnazzi iżda għal din il-familja, il-maltemp kien wieħed ferm akbar minn dawk li aħna mdorrijin naraw. Minkejja dan kollu, Lorinda tibqa bi tbissima fuq fommha u tgħid li, “tgħallimt kemm il-ħajja kienet fraġli u l-affarjiet kollha li kienu jinkwetawni issa huma insijifikanti.”
Tisħaq li l-istress ikompli jmarrdek u temmen li meta tkun pożittiva tkun qed tieħu ħsieb tagħha nnifisha. Apparti minn hekk Mamo tgħid li l-akbar motivazzjoni għall-pożittività tagħha huwa binha stess.
“Għalija l-pożittività hija importanti għax nixitieq li nirriflettiha f’Henry. Naf li xi darba jew oħra se jkollu mumenti diffiċli, oħrajn diffiċli aktar minħabba l-kundizzjoni tiegħu. Nemmen li jekk nagħtih l-għodda meħtieġa biex jitgħallem ikun pożittiv, ikun jista’ jikkumbatti dawn is-sitwazjonijiet diffiċli. Affarjiet ħżiena dejjem se jiġru, imma jekk tkun pożittiv tkun tista’ taffronta l-mumenti kiefra b’mod aħjar,” irrimarkat Lorinda
‘Omm, eroj u intraprenditur … X’inhi l-akbar sfida bħala sid ta’ negozju?’
Filwaqt li qalet li tul ħajjitha qatt ma kellha l-ħajra biex issir intraprenditur hija qalet li minn dejjem xtaqet li taħdem fl-industrija tat-tfal. Illum il-ġurnata, Lorinda hija s-sid tal-kumpanija Happy Play, li hija bniet waħedha.
Mistoqsija x’inhi l-akbar sfida, bħala intraprenditriċi, hija wieġbet li l-akbar diffikultà li ssib hi li tibbilanċja x-xogħol u l-ħajja personali.
“Mhux biss il-ħin ma’ Henry iżda l-bżonnijiet mediċi tiegħu wkoll. Mill-ġurnata tiegħi ikolli parti minnha ddedikata għax-xogħol iżda aktar minn hekk nara li nieħu ħsiebu. Ikun hemm ġranet fejn ikollna niltaqgħu ma’ tobba, żjarat għand l-ispiżerija eċċ. Apparti minn hekk irrid nara li nqatta’ ħin miegħu u nara li jkollu ħin għalih ukoll. U din għalija hija sfida enormi,” wieġbet Lorinda.
'Jekk nimrad jien jew xi ħadd madwaru jkun ma jiflaħx, ikollu jmur l-isptar.'
U l-pandemija, affetwatek bħala intraprenditur?
Mil-lat ta’ Covid-19 u l-bżonnijiet tal-familja, Mamo tgħid li, kuntrarju ta’ ħafna nies, ma kinitx il-pandemija li laqqathom mal-kunċett ta’ kwarantina. Tgħid li peress li Henry għamel it-trapjant u jkollu jieħu medikazzjoni immunisoppressanti, minn dejjem kienu joqgħodu attenti ħafna minn irjieħat u mard ieħor.
Tgħid li minkejja li minn ċertu aspetti, is-sitwazzjoni tal-pandemija kienet familjari, il-Covid-19 għamlet affarjiet oħra aktar diffiċli. Hija tgħid li, “kien hemm ħafna affarjiet li affetwawna minħabba l-Covid-19. Eżempju biex insiefru għall-mediċina u trattamenti kienet aktar diffiċli. Biex immorru l-Isptar kienet diffiċli wkoll.”
Minn naħa l-oħra mill-lat ta’ negozju, qabel ma’ faqqgħet il-pandemija, l-intraprenditur, kellha studio fejn setgħet taħdem, madanakollu, peress li dan l-istudio kien jinsab ġewwa ħanut, ma setgħetx tibqa’ tagħmel użu minnu.
Minkejja dan, bħala persuna kreattivà u li ma taqtax qalbha faċilment, sabet alternattiva temporanja u issa qiegħda taħdem f’darha, minkejja li m’għandhiex spazju daqs li kieku għad kellha l-istudio.
Madankollu, il-pandemija ma ħolqotx affarjiet negattivi biss. “Kont diġà qiegħda naħdem fuq Happy Play. Inizzjalment kont ibbażajt fuq prodott wieħed u l-playdough kien it-tieni wieħed. Meta faqqgħet il-pandemija rajt il-ħtieġa; li t-tfal kellhom bżonn jagħmlu xi ħaġa, il-ġenituri kienu frustrati u kien hawn li ddeċidejt li nibda nbiegħ il-playdough. F’dan il-perjodu l-playdough kien suċċess kbir għax tat l-opportunità lit-tfal jagħmlu xi ħaġa. Kif ukoll marret tajjeb ghax mhux tossiċi, la għat-tfal u lanqas għall-ambjent.”
'Għalijja din kienet iebsa biex naċċettaha. Ma tantx kont ilni naħdem f’dan l-ispazju u kont ħerqana għal ftit normalità.'
X’inhu l-pass li jmiss? X’hemm ippjanat għall-futur?
Din il-kumpanija diġà bdiet tħalli frott fil-gżejjer Maltin iżda issa se tibda timraħ f’pajjiżi oħra. Ftit jiem ilu Lorinda ħabbret fuq il-midja soċjali li se tkun qiegħda tbigħ il-prodotti tagħha f’ħanut ewlieni fir-Renju Unit.
Mistoqsija x’inhu l-pass li jmiss hija qalet li tixtieq li l-kumpanija tagħha tibda’ tespandi f’pajjiżi oħra filwaqt li tintroduċi prodotti oħra fis-suq. Tgħid iżda li minn wara kwinti isir ħafna xogħol. Madankollu tinsab ħerqana li tara l-kumpanija tikber.
Xi rwol għandu Henry f’Happy Play?
Lorinda spjegat li Henry għandu rwol sinjifikanti fil-kumpanija tagħha tant li ssejjaħlu Happy Executive Officer (HEO).
Lorinda spjegat li, “dejjem nipprova ninkludih kemm nista’. Jekk inkun se nintroduċi prodott ġdid dejjem nistaqsi lilu għal opinjoni u nagħmlu laqgħat flimkien biex inġiegħlu jħossu parti mill-kumpanija. Anke jekk inkun qiegħda nfittex xi materjali ġodda, nieħdu miegħi biex jgħini. Meta jkollna kollox komplut, hu jkun l-ewwel persuna li jipprovhom. Jekk ma jkunux tajbin, jgħidli u nbiddlu kollox.”
“Għażilt li niftaħ in-negozju biex inkun nista’ nlaħħaq mal-bżonnijiet mediċi ta’ Henry,” qalet Mamo filwaqt li spjegat li jiġu ġranet fejn ikollha tieqaf minn xogħolha biex tieħu ħsieb binha. Dan b’mod partikolari jekk ikollu bżonn imur l-isptar.
Għalhekk, tgħid li mhuwiex xieraq li kieku kienet impjegata ma’ kumpanija u kien ikollha tieqaf ħesrem mix-xogħol u mingħajr ma tkun taf meta se tirritorna. Kien għalhekk li hija ddeċidiet li tiftaħ il-kumpanija tagħha għaliex xtaqet li jkollha l-flessibiltà.
“Għalija din hija problema kbira. Jekk inkun naf li hu ma jiflaħx ikolli nieqaf. Nikkuntattja l-klijenti umbad nerġa’ nibda’ meta jħossu aħjar. Jiena grata ħafna li għandi klijenti li jagħtuni ħafna sapport,” kompliet tgħid hija.
‘Li kieku kellek treġġa l-arloġġ lura, x’tgħid lilek innifsek?’
“Kieku ngħid lili nnifsi biex ma niddubitax il-kapaċitajiet tiegħi. Din hija xi ħaġa li tgħallimt maż-żmien, iżda nixtieq li tgħallimta qabel,” wieġbet Mamo. Minn naħa l-oħra tgħid li kieku kellha tmur lura għal qabel ma saret omm kienet ma kienet tbiddel xejn.
“Ma kont inbiddel xejn, lanqas il-ħazin. Kollha għandna l-isfidi tagħna. Isma lilek innifsek u gawdi l-mument. Anke l-mumenti l-ħżiena, għax fl-aħħar minn l-aħħar, dawn għamluk l-omm li int illum,” temmet Lorinda.