'Il-PL għamel ħafna ġid u kien hemm żmien fejn ma mexiex mal-valuri tiegħu ukoll!'
X'saħħa għad għandu Ministru tal-Affarijiet Barranin illum? Fejn jinsabu r-relazzjonijiet tagħna mal-Libja bħalissa? U maċ-Ċina? U din tal-FATF għandha x'taqsam? U x'jaħseb dwar il-PM Robert Abela? Il-gazzetta ILLUM tintervista lil Evarist Bartolo...

minn Albert Gauci Cunningham

Il-gazzetta ILLUM iltaqgħet mal-Ministru Evarist Bartolo u l-ewwel mistoqsija li tistaqsi hija kemm għadu, fir-realtà ta' Malta imsieħba mal-Unjoni Ewropea, importanti l-Ministeru tiegħu, ladarba ħafna mir-relazzjonijiet tagħna ma' barra llum jiċċentraw madwar l-UE.
Bartolo, tipikament diplomatiku bħal dejjem, jgħid illi l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin "ikollu saħħa daqs kemm il-Ministru jemmen li għandu jkollu. U jiena nemmen li għandu jkollu."
Huwa fakkar li l-Ġnus Magħquda, li Malta hija membru tagħha, fiha 193 membru filwaqt li l-Unjoni Ewropea fiha 27 membru. "Ma tistax Malta tinjora 160 pajjiż. Biss, biss aħna ninsabu fil-Mediterran u allura dak li jiġri fl-Afrika ta' fuq, fl-Afrika kollha, fil-Lvant tal-Mediterran ... dan kollu huwa importanti għalina," sostna Bartolo mal-ILLUM.
Huwa fakkar ukoll li kull pajjiż fl-UE għandu relazzjonijiet kemm ma' pajjiżi oħrajn tal-UE, u allura zammew ir-relazzjonijiet bilaterali tagħhom, kif ukoll ma' pajjiżi 'l barra mill-UE. "Allaħares kull min isir membru tal-UE, jidħol f'koma fir-relazzjonijiet tiegħu ma' pajjiżi oħrajn!"
'Aħna ħdimna mal-Gvern ta' Tripoli, ma' ta' Benghazi u anke ma' ta' Saleh'
U la semma l-Afrika ta' Fuq il-gazzetta tistaqsi dwar il-Libja - ġar ta' pajjiżna mifni b'ħafna instabilità. Kif jiddeskrivi r-relazzjoni diplomatika u kummerċjali mal-Libja u preċiżament maż-żewġ Gvernijiet Libjani bħalissa?
"Aħna attivi ħafna fil-Libja. Kemm ili Ministru żort ħafna l-Libja u żammejt kuntatt ma' kull naħa u din importanti," jisħaq il-Ministru Bartolo mal-ILLUM. "Anke meta kien għaddej l-attakk tal-Ġeneral Haftar fuq Tripoli, aħna ma ingħalaqniex fir-relazzjoni tagħna mal-Gvern ta' Tripoli (ta' Al Sarraj) biss.
Il-Gvern ta' Tripoli li kien immexxi minn Sarraj mill-2016 sal-2021 huwa dak il-forza politika Libjana rikonoxxuta mill-Ġnus Magħquda u li kellu l-appoġġ tal-istati Uniti. Il-Gvern li għandu s-sede f'Benghazi mmexxi minn Haftar sab aktar l-appoġġ tiegħu mill-Emirati Għarab Magħquda u l-Eġittu.
"Għalina kien dejjem importanti li nitkellmu mal-Gvern u man-nies ta' Benghazi wkoll u anke n-nies tal-Lvant tal-Libja, fosthom Aguila Saleh." Saleh huwa l-ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Libjana li kienet ibbażata f'Tobruk u li din is-sena stess appoġġjat Gvern ta' Għaqda bejn dak ta' Tobruk u dak fi Tripoli.
"Aħna rridu Libja magħquda fil-paċi u fl-istabbilità, li tkun Libja f'idejn il-Libjani u li magħha jkollna l-aqwa relazzjonijiet," qal il-Ministru tal-Affarijiet Barranin mal-ILLUM. Ifakkar li għal ħafna snin il-Libja kienet għall-Maltin art ta' opportuniatjiet u jfakkar ukoll li 80% tal-kummerċ dieħel il-Libja jgħaddi minn Malta u kien jgħaddi minn Malta u jmur Tripoli u Benghazi, anke meta ż-żewġ naħat kienu miġġildin.
"Huwa fl-interess ta' Malta li fil-Libja jkun hemm il-paċi u l-istabilità biex ngħixu mal-Libja bħala ġirien."
Imma tbexxaq xi ftit reġa' l-bieb għal negozji bejn il-pajjiżi?
Bartolo jwieġeb fl-affermattiv u jgħid li l-Gvern Malti diġà fetaħ il-kuntatti neċessarji biex jerġgħu jissaħħu r-rabtiet kummerċjali.
Ħafna kumpaniji Maltin fetħu u qed jagħmlu l-flus f'pajjiżi Afrikani
Il-gazzetta ILLUM tistaqsi dwar ir-relazzjonijiet ta' Malta ma' pajjiżi oħrajn tal-Afrika. Jgħid illi filwaqt li Malta għandha relazzjoni tajba mal-pajjiżi l-oħrajn tal-Maghreb (Alġerija, Tuneżija u Marokk), qed tibni wkoll kuntatti aktar b'saħħithom ma' pajjiżi Afrikani.
"Fl-aħħar sena u nofs għamilna passi ġodda ma' pajjiżi Afrikani. Naturalment ma nistgħux inkunu fl-54 pajjiż tal-kontinent imma bdejna bil-Ghana u hemmhekk għandna preżenza kummerċjali," jispjega l-Ministru Bartolo. Huwa jgħid illi l-Afrika hija ħafna iktar mill-mard, miżerja u faqar biss li ħafna jaħsbu li hi...
Il-gazzetta iżda tistaqsi għaliex il-Gvern fetaħ kummerċ ma' dan il-pajjiż u x'qed iħallu dawn it-tentattivi diplomatiċi?
"Jekk wieħed jitkellem mal-industrijalisti u l-kummerċjanti Maltin isib li hemm bosta li qed jinvestu, li fetħu negozju, qed joħolqu x-xogħol u qed jagħmlu flus għalihom infushom f'dawn il-pajjiżi ... u l-istess qed nagħmlu mal-Irwanda, id-Djibouti u nittamaw li sal-aħħar tas-sena inkunu ftaħna ambaxxata f'Addis Ababa - il-Kapiltali tal-Etjopja - li qisha l-Brussell tal-Afrika."
Il-Ministru jispjega kif f'Malta hawn saħansitra kumpaniji li huma bħal ċentru loġistiku ta' kumpaniji li qed joperaw fl-Afrika.
Bartolo jgħid li r-relazzjonijiet tajbin bejn il-pajjiżi fetħu t-triq biex diversi Maltin għamlu ħafna flus ibiegħu l-ikel u l-ħwejjeġ fost oħrajn. Huwa qal iżda li l-affarijiet qed jinbidlu xi ftit hekk kif pajjiżi Afrikani resqin lejn il-kunċett ta' suq ħieles bejniethom, li jfisser dazji fuq prodotti deħlin minn barra.
Għalhekk appella lin-negozjanti u investituri biex jinvestu fl-Afrika stess, xi ħaġa li qal illi hemm interess lokali fiha.
U finalment, ir-relazzjonijiet Maltin maċ-Ċina. Evarist Bartolo jfakkar li s-sena d-dieħla ngħalqu 50 sena ta' relazzjonijiet ma' dan il-pajjiż ġgant, biex pajjiżna jkollu waħda mill-itwal relazzjonijiet maċ-Ċina - hekk kif l-eks PM Laburista Dom Mintoff kien wieħed mill-ewwel mexxejja li żar u rrikonoxxa lill-Gvern Komunista taċ-Ċina.
Huwa qal illi filwaqt li Malta trid tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet maċ-Ċina, hemm problema għax iċ-Ċina tant għandha suq kbir li jkunu interessati li jaħdmu fuq proġetti kbar biss.
"Aħna rridu naħdmu ma' kulħadd, għax huwa fl-interess tagħna. Naħdmu dejjem bl-użu tar-raġuni u mhux tal-konfrontazzjoni," sostna Bartolo.
'L-FATF huwa club kbir ta' pajjiżi ...'
Induru fuq id-deċiżjoni tal-FATF. Meta Mintoff kien irrikonoxxa liċ-Ċina kien hemm diversi poteri tal-punent li ma kinux kuntenti. Jaħseb li l-vot biex Malta tmur fuq il-Lista l-Griża tal-FATF mill-Istati Uniti kienet imnebbħa minn xi nuqqas ta' qbil fuq livell diplomatiku fil-mod kif Malta taħdem mal-Libja u mal-Istati Uniti nnifisha, per eżempju?
"Le, ma naħsibx," jibda t-tweġiba tiegħu Bartolo. Huwa jgħid li d-deċiżjonijiet tal-Fatf huma bbażati biss fuq it-tħaddim tas-sistema finanzjarja, "u ftakar li fl-FATF għandek madwar 200 ġurisdizzjoni, inkluż postijiet li mhumiex stati, bħal Cayman Islands. U ma' dawk il-pajjiżi li ddeċidew dwar Malta kien hemm iċ-Ċina, it-Turkija, Franza u pajjiżi oħrajn. Jiġifieri dan mhux club żgħir ta' pajjiżi."
Huwa qal li Malta trid dejjem tkun attenta li s-sistemi finanzjarji jitħaddmu b'mod tajjeb u li qatt ma jintużaw għal skopjijiet ta' ħasil ta' flus jew iffinanzjar tat-terroriżmu.
Panama: 'L-FATF trid li nieħdu passi kriminali, mhux passi amministrattivi biss'
Il-gazzetta tfakkru li huwa kien kritiku tal-fatt li tnejn minn nies għolja fil-Gvern ta' Joseph Muscat fetħu kumpaniji fil-Panama u l-fatt li dawn ma rreżenjawx, minkejja dawn l-istrutturi. Kemm jemmen li din kienet kruċjali fid-deċiżjoni tal-Fatf? Kemm jaħseb li għamlet ħsara? U jemmen li ż-żmien tah raġun?
Diplomatiku bħal dejjem, Bartolo jisħaq li l-kwistjoni tal-Panama u kif din tintrabat mal-FATF "Tmur lilhinn minn dawk li semmejt."
Huwa jfakkar kif b'kollox kien hemm 700 kumpanija Maltija fil-Panama Papers u oħrajn fl-Iswissleaks (fosthom l-eks Ministru Austin Gatt). "Issa l-FATF tgħid li mhux biżżejjed li pajjiż jieħu passi amministrattivi, hemm bżonn li jieħu wkoll passi kriminali!"
Evarist Bartolo qal li allura l-FATF tistaqsi kemm minn dawk li kellhom kumpanija fil-Panama tressqu l-Qorti u kemm minnhom weħlu piena, "għax dan ikun deterrent għal ħasil tal-flus."
Huwa kompla jispjega kif Malta hija obbligata li tagħmel dak kollu possibbli biex ikollha sistema tajba ta' investigazzjoni kriminali, finanzjarja u liġi b'saħħitha kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.
Il-gazzetta ILLUM tfakkar lil Bartolo iżda li passi kriminali kontra dawn is-700 kumpanija ma tteħdux.
Jammetti: "Dik żgur li ma għinitx. "
Jisħaq iżda fl-istess ħin li Malta għamlet ħafna xogħol u saru ħafna passi fid-direzzjoni t-tajba fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet tal-Moneyval. "Il-Moneyval qaltilna li aħna għaddejna minn kważi kull rekwiżit - u ma ninsewx li din hija sfida anke għall-pajjiżi kbar ta! Xħin ġejna għall-FATF qalulna li minn 40 rekwiżit 37 qed jaħdmu tajjeb, imma jrid isir xogħol fi tliet punti oħrajn.
Imma jiġifieri Bartolo qed jgħid li ma jemminx li ċerti żviluppi politiċi u akkużi fuq persuni b'kariga għolja ma affetwawx?
"Kieku ħadna ċerti passi kieku konna inkunu f'pożizzjoni aħjar illum," beda jispjega l-Ministru.
Huwa qal illi bħalma Malta għandha fama tajba fejn tidħol il-paċi, permezz tan-newtralità, huwa importanti li s-sistemi finanzjarji tagħna ma jintużawx kontra pajjiżi oħrajn permezz tal-ħasil tal-flus.
'Ma sibniex sodda mifruxa fl-2013'
Bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin, kemm jaħseb li r-reputazzjoni ta' pajjiżna hija verament trietaq kif ikun hemm min jisħaq?
Huwa mill-ewwel imur lura għall-2013: "Fl-2013 ma kellniex sodda mifruxa u tħassar kollox ta. Kien hemm xogħol li kellu jsir mir-rapport tal-FATF tal-2002 u baqa' ma sarx," jibda jwieġeb Bartolo. Huwa qal li l-affarijiet li kellhom jibdew isiru mill-2002 u ma sarux "qed isiru llum" u dan jgħid li huwa ta' krittu għall-PM preżenti.
Nitlob għal daqxejn onestà. Aħna kellna problema li r-regolatur tas-sistema finanzjarja stess kien qed jinvesti f'kumpaniji offshore! Ma għamlitx ġid din hux?!"
Huwa qal li għalhekk il-pajjiż irid jara kif se tinġarr ir-responsabilità billi jbiddel dak li hemm bżonn jinbidel.
Il-PL għandu storja ta' 100 sena: Għamel ħafna ġid u kien hemm żmien fejn ma mexiex mal-valuri tiegħu
Resqin lejn l-aħħar ftit tal-intervista. Il-gazzetta tistaqsi lil Evarist Bartolo dwar Robert Abela. X'inhu l-ġudizzju tiegħu tal-PM Abela? Hu jħossu aktar komdu llum milli kien ihossu komdu qabel?
"Jekk trid thossok komdu tirtira minn kollox..." beda jgħid Bartolo b'daħka.
Jisserja u jfakkar li l-Partit Laburista għandu storja ta' 100 sena u matulhom għamel ħafna ġid u kien hemm żmien ukoll fejn ma mexiex mal-valuri tiegħu, jgħid mingħajr ma jispeċifika. "Din bħal Knisja. Allaħares inkejluha mill-abbużi u affarijiet ħżiena biss u ninsew il-ħafna ġid li għamlet."
Bartolo sostna li l-affarijiet fil-Gvern inbiddlu grazzi għat-tiġdid u tibdil fil-Partit Laburista.
Dwar Abela huwa jgħid li dan "ġab bidliet importanti ħafna fi żminijiet diffiċli ħafna! Min kien jgħidilna li apparti t-taqlib politiku li waslu biex isir Prim Ministru, Robert Abela kellu jiffaċċja wkoll pandemija?" jistaqsi rettorikament Bartolo.
Covid-19: 'Il-Gvern għen kemm seta' lil madwar 30 pajjiż'
F'termini ta' għajnuna u ħidma diplomatika sabiex pajjżi li għadhom lura ħafna fil-ġlieda kontra l-Covid-19, inkluż pajjiżi ġirien bħat-Tuneżija - il-Gvern Malti qed jippjana xi forma ta' diskussjonijiet?
Bartolo jgħid li l-Gvern Malti mhux biss qed jiddiskuti imma fl-aħħar 18-il xahar kien qed jgħin b'mod attiv u kemm seta' madwar 30 pajjiż fl-Ewropa, fil-Mediterran, fl-Afrika u anke fl-Indja - fejn ifakkar li intbagħatu oxygen generators.
"Fiċ-ċokon tagħna qed ngħinu kemm nistgħu u milli nistgħu," jgħid Bartolo.
'Jiddeċiedu n-nies ...'
U finalment Bartolo ħabbar ftit ġimgħat ilu li se jerġa jikkontesta l-elezzjoni ġenerali, proprju ma' partit li qed jakkuża lill-Oppożizzjoni li qed iressaq biss l-istess uċuħ. Wara kważi 30 sena fil-Parlament Bartolo żgur mhiwiex wiċċ ġdid.
Għaliex il-votanti tal-10 u t-12-il distrett għandhom jerġgħu jivvotawlu?
"Naħliflek li fi 30 sena fiż-żjarat li mort fid-djar qatt ma tlabt l-unu ... qaddis m'inix, pero' li nista' ngħidlek huwa li jiena dejjem għidt lin-nies li għandhom il-libertà li jivvotawli."
Huwa jgħid iżda li meta jħares lura lejn dawn is-snin jara nuqqasijiet u żbalji wkoll. "Nagħraf li fl-edukazzjoni, fid-drittijiet ċivili permezz tal-ħidma favur l-introduzzjoni tad-divorzju, fil-governanza permez tat-tneħħija tal-libell kriminali fil-liġi tal-istampa u anke fix-xogħol, permezz taċ-childcare centres b'xejn, xi ftit kisbiet għamilt ukoll. Issa jiddeċiedu n-nies," temm jgħid mal-ILLUM l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo.

