Intervista | ‘Kastilja miftuħa għal kulħadd minn investitur sa’ persuna li għandha bżonn saqaf'

Sindku tar-Rabat u jmexxi t-taqsima tal-Customer Care tal-Gvern l-ILLUM tintervista lil Sandro Craus

 

Sandro Craus
Sandro Craus

Sindku tar-Rabat, imexxi l-Operat tal-Customer Care tal-Gvern fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u wieħed mill-imħuħ wara l-Kampanja Elettorali tal-Partit Laburista. Din il-ġimgħa, l-ILLUM iltaqgħet ma’ Sandro Craus li apparti r-rwol tiegħu fil-Gvern Ċentrali, f’Mejju li għadda reġa’ ġie elett bħala sindku tal-lokalità tar-Rabat. Ma’ Craus tkellimna fuq l-isfidi tal-lokalità, l-iżvilupp tal-boutique hotel fis-Saqqajja, il-kuntratturi tal-Kunsill Lokali u r-rikjesti tan-nies li jiġu Kastilja jfittxu l-għajnuna.

Nibdew din l-intervista billi nistaqsih dwar x’wasslu biex jerġa’ jikkontesta l-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali fid-dawl tal-rwol tiegħu fil-Gvern Ċentrali. Huwa jibda biex jispjega, “l-ewwel nett lanqas kelli moħħ li nikkontesta l-elezzjoni. Tant hu hekk li l-applikazzjoni tiegħi daħħaltha fl-aħħar sigħat”. Huwa jkompli jispjega, “ma kelli xejn ippjanat iżda ovvjament jiena nirrappreżenta partit u wara ċertu diskussjonijiet mal-kap tal-partit u Prim Ministru Joseph Muscat kelli nieħu ċertu deċiżjonijiet.”

Żied jgħid, “kont naf għal xiex dieħel, għamilt disa’ snin Sindku tar-Rabat. Kont naf ix-xogħlijiet li hemm bżonn.” Madanakollu mal-ILLUM huwa jistqarr, “issa li nħares lura ngħid li bejn dak li kont naħseb u dak li sibt hemm differenza kbira.”

‘Ma kellix idea li l-kuntratturi kienu daqshekk ta’ livell baxx.’

Staqsejtu biex jelabora fuq dawn l-isfidi li qed isemmi. Huwa jirrispondi u jgħid, “għamilna sajf naħdmu u nikkordinaw il-ħidma tagħna. Ħdimna ħafna fuq il-kuntratturi, ma kellix idea li kienu daqshekk ta’ livell baxx u allura waqqafniehom.”

Mal-ILLUM Craus qal li din il-ġimgħa, il-Kunsill reġa’ ħareġ sejħa għal kuntratti fuq tbattil ta’ bins, ġbir ta’ skart u knis fit-toroq tar-Rabat.

“Dawn huma affarijiet bażiċi iżda essenzjali li żżomm il-lokalità tiegħek nadifa, speċjalment il-ġonna bi tħawwil ta’ siġar u pjanti b’hekk tagħti ħajja lir-Rabat,” sostna s-Sindku.

Ma’ din il-gazzetta huwa saħansitra jispjega parti mit-telqa li skoprew meta bdew jippreparaw għax-xhur xitwin. “Skoprejna kanali li kien ilhom ma jitnaddfu snin u kellna nużaw apparat b’saħħtu biex naddafniehom. Għandu jkun hekk?” Staqsa Craus. “Meta ma jsirx ix-xogħol il-ħsara tikber,” irrimarka s-Sindku.

Ġaladarba s-suġġett tal-intervista dar fuq il-kuntratturi, għażilt li nistaqsih dwar stejjer li kienet kitbet l-ILLUM fuq allegat malprattiċi fl-għotja ta’ kuntratti fil-Kunsill tar-Rabat, dakinhar taħt it-tmexxija tal-eks Sindku Charles Azzopardi. L-iskandlu li żvelat din il-gazzetta, ġegħlitu jbiddel dawn l-istess kuntratturi?

Huwa jirrispondi, “iva, kienet waħda mir-raġunijiet. Xtaqt li jkun hemm bidu ġdid, iżda hemm ukoll ċertu esiġenzi. M’iniex se nipponta subgħajja kulħadd iwieġeb għal għemilu, bħalma jiena għada pitgħada rrid inwieġeb għal għemili,” saħaq Craus.

Fuq l-istess nota huwa qal li l-Kunsill qiegħed ukoll idaħħal ċertu bidla fil-ħsieb dwar kif isir ix-xogħol bażiku fir-Rabat. “Jagħmel sens li jkollok numru żgħir ta’ kenniesa meta nies qed jokorbu biex ikollhom lokalitajiet aktar nodfa? Jew biex min jiġbor l-iskart jibqa’ bil-metodu l-antik?” staqsa s-Sindku.

Hu spjega li f’dawn it-tenders il-ġodda se jiffokaw ukoll fuq makkinarju ġdid tal-ogħla livell li jaħdem bl-elettriku u li se jibda jintuża għall-indafa fil-lokalità.

‘Irridu naraw li l-ħaddiema tal-kuntratturi ma jkunux qed jaħdmu bil-prekarjat’

Apparti minn dawn il-bidliet, mal-ILLUM Craus tkellem dwar proveddiment ċar li huwa ħadem fuqu sabiex jonqos ix-xogħol prekarju għall-ħaddiema li jiġu ingaġġati mill-kuntratturi li jagħmlu xogħol fil-lokalità tar-Rabat. “Irridu naraw li l-ħaddiema tal-kuntratturi ma jkunux qed jaħdmu bil-prekarjat. Fit-tenders tlabt biex nara l-pagi li l-kuntrattur qed iħallas lill-ħaddiema tiegħu. Il-Kunsill flus tajba se jħallas u għalhekk irrid nara l-pagi. Il-ħaddiema għandhom ikunu mħallsa tajjeb.”

Fuq l-istess nota huwa qal li għalkemm ma jistax jiġġeneralizza, huwa tal-fehma li parti sostanzjali min dawn il-ħaddiema ma kinux qed jitħallsu tajjeb.

“Għamilna sajf sħiħ naħdmu fuq din il-bidla, stħarriġna wkoll mudelli barranin. Dawn huma prattiċi li jiena nemmen se jgħollu l-livell. Ħafna minn dawn il-ħaddiema huma barranin, jiena rrid ukoll nissalvagwardjaw l-interessi tagħhom. Imnalla jkunu huma jagħmlu biċċa xogħol iebsa u essenzjali.”

'Kif tista’ tibdel villa li nbniet fil-bidu tal-perjodu kolonjali b’dak il-mod?'

Naqilbu daqsxejn id-diskors u nistaqsih dwar l-applikazzjoni għal boutique hotel fis-Saqqajja li din il-ġimgħa ġiet irtirata. Craus kien wieħed minn tal-ewwel, li fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook ħareġ kontra dan l-iżvilupp żmien qabel ma kien reġa’ ġie elett Sindku. Nistaqsih kellux riżervi qabel joġġezzjona għal dan il-proġett, minħabba l-pożizzjoni tiegħu f’Kastilja.

Huwa kien pront jgħid, “le. B’mod etiku tkellimt mal-Prim Ministru u għidtlu li se noġġezzjona huwa qalli, ‘go ahead, l-enerġija tiegħek iddedikaha biex dan l-iżvilupp ma jsirx.’ U hekk għamilt,” qal Craus.

Mal-ILLUM huwa jistqarr li ħassu xxokkjat. “Kif tista’ tibdel villa li nbniet fil-bidu tal-perjodu kolonjali b’dak il-mod. Apparti li dik hi ż-żona rikka ferm fl-istorja. Ma kontx Sindku u rajt artiklu fuq il-gazzetti, u għalhekk il-ġurnalisti huma importanti għaliex għenuna ħafna fl-argumentazzjoni tagħna.”

Huwa kompla jirrakkonta kif flimkien mal-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista Rudolph Grima, bdew jaħdmu fuq kampanja żmien qabel ma kellu ħsieb biex jikkontesta l-elezzjoni tal-Kunsilli u finalment ġabru 3,000 firma.

“Għamilna ħafna pressjoni, laqgħat mal-Awtorità tal-Ippjanar, mal-kuntrattur u mas-sid. Aħna għidnielu li naqblu li l-binja eżistenti, mingħajr żvilupp addizzjonali tinbidel f’boutique hotel iżda ma naqblux li jsir żvilupp addizzjonali li jeqred il-madwar. “B’ferħa, din il-ġimgħa s-sid irtira l-applikazzjoni, din hi storja ta’ suċċess għall-Maltin kollha u mhux għall-ambjentalisti biss,” sostna Craus.

Il-pjan biex jonqsu l-karozzi miċ-ċentru tar-Rabat

Ma’ din il-gazzetta s-Sindku tkellem ukoll dwar proġett ambizzjuż li għandu f’moħħu bl-għan li jonqos il-karbonju u l-konġestjoni fil-qalba tar-Rabat.

“Għandna sfida li nnaqqsu l-karozzi miċ-ċentru tar-Rabat. Irridu li jkun hemm konnettività fir-Rabat b’karozzi żgħar li jaħdmu bl-elettriku minflok li nies jużaw il-karozzi tagħhom li jibqgħu jduru mar-Rabat kollu u qatt ma jsibu parking.”

Skontu wara li l-isfida tal-indafa u wara li proġetti kapitali jkunu qabdu ritmu tajjeb, se jibdew jaħdmu għal aktar mobbiltà. Iżda huwa kien ċar fi kliemu, “in-nies irridu nagħmluhom komdi, irid ikun hemm provvista tajba ta’ dan is-servizz. Resident irrid joħroġ issib rikba, twasslu, jinqeda u jerġa’ jsib rikba lura d-dar. Dan huwa l-mod ta’ kif ir-Rabat għandu jieħu r-ruħ.”

‘Minn investitur sa persuna li għandha bżonn dar. Nisimgħu r-rikjesti ta’ kulħadd’

Nerġgħu naqilbu d-diskors u nitkellmu dwar ir-rwol tiegħu fil-Gvern Ċentrali. Nistaqsih biex jispjega xi jkunu l-aktar rikjesti li jirċievi l-uffiċċju tiegħu. “Hawnhekk naraw ir-rikjesti ta’ kulħadd minn investitur sa persuna li m’għandhiex dar u saħansitra nies li ma jibdewx jifhmu ċertu affarijiet u għalhekk jiġu hawnhekk jistaqsu. Daqshekk hi miftuħa kastilja.”

Huwa qal ukoll li l-impjegati ta’ dan l-uffiċċju ġew imħarrġa biex joffru servizz ta’ għajnuna professjonali. “Il-klijenti dejjem għandhom raġun. Imxejna bil-mod ta’ kif klijenti jiġu servuti fil-privat nisimgħu, insegwu l-każ u nieħdu ħsieb ir-rikjesti tan-nies.”

Hu spjega li matul iż-żmien ir-rikjesti tal-pubbliku nbidlu. “Fil-bidu l-aktar rikjesta komuni kienet ix-xogħol. Iżda llum ħadd ma jiġi hawn għall-impjiegi. L-ekonomija bidlet ir-rikjesti.”

Apparti minn hekk Craus qal li l-uffiċċju tiegħu jagħmilha bħala punt ta’ referenza bejn il-Ministeri kollha. “Il-Prim Ministru jirċievi ammont kbir ta’ emails u messaġġi, hu jaqrahom, imbagħad jgħaddu għandna u flimkien naħdmu fuq dawn l-affarijiet kollha.”

Ma’ din il-gazzetta huwa jagħmel referenza għall-każijiet fejn l-uffiċċju tiegħu kien strumentali. “Minn dan l-uffiċċju ġibna film li kien se jintilef u ltaqjna ma’ diretturi kbar inkluż Michael Bay. Domna sa tard bil-lejl u ssiġillajna l-film. Dan kien ifisser miljuni ta’ ewro għall-Maltin u l-Għawdxin,” sostna Craus.

Ovvjament ma stajtx ma nsaqsihx fuq il-Baġit, ġaladarba din il-ġimgħa bħal kull sena, tkun iddominata minn dan l-eżerċizzju annwali. Ir-rikjesti tan-nies jinfluenzaw il-Baġit? Huwa spjega li l-Prim Ministru stess jitolbu biex jispjegalu l-aktar rikjesti li jsiru min-nies li jfittxu l-għajnuna fl-uffiċċju tiegħu.

More in Intervisti