Franklin Mamo: Leħen il-Maltin li jaħdmu u jgħixu l-Belġju
'Lil ibni jien inkellmu bil-Malti, ommu bil-Finandiż u l-iskola jitgħallem bil-Franċiż'
minn John Busuttil minn Brussell
Kif imwiegħed, se nkomplu nlaqqgħukom ma’ Maltin li jaħdmu fi Brussell. Iltqajna ma’ Franklin Mamo li għandu 42 sena. Għaxar snin ilu kien għadda mill-eżami li jissejjah ‘concours’ u ntagħżel biex jaħdem mad-direttorat tar-riċerka mal-Kummissjoni Ewropea.
Iżda lil Franklin sirt naf bih għax waqqaf assoċjazzjoni ta’ Maltin li jaħdmu fi Brussell fejn għandu wkoll paġna fuq Facebook ‘Maltin fil-Belġju asbl’. Interessanti li kien organizza żjara għal ħaddiema Maltin fil-Belġju lejn Mechelen fejn raw it-tapestriji ta’ San Ġwann jiġu restawrati, “u skoprejna wkoll l-ewwel suldat Malti li ġġieled għall-Belġju u li miet fl-ewwel gwerra dinjija, fejn anke poġġejna kuruna mal-memorial tas-suldati maqtula fejn kienu mistiedna familjari tiegħu. Ismu kien Frederick Paul Bernard u kien jgħix l-Ingilterra għax missieru kien suldat Ingliż li kien stazzjonat Malta, fejn kien iltaqa’ ma’ ommu.”
Franklin, li kien jaħdem maċ-ċivil f’Malta jara differenza bejn ix-xogħol f’Malta u dak fi Brussell. “Tant taħdem ma’ nies ġejjin minn kulturi u pajjiżi differenti li titgħallem ħafna minnhom. Ir-ritmu kif jaħdmu hawn hu differenti mir-ritmu kif naħdmu Malta. Anke hawn kulturi li jaċċettaw ċertu ċajt li oħrajn kapaċi joħduh bħala offiża. Il-varjetà u d-diversità hi sabiħa iżda hi sfida wkoll għax trid issib dejjem kompromessi mal-kollegi tiegħek anke amministrattivi biex japplikaw għal kulħadd l-istess.”
Franklin bena l-familja tiegħu fi Brussell, meta ltaqa’ mal-mara tiegħu Maarit, li hi Finandiża li kienet taħdem ma’ kumpanija li kienet toffri servizz ta’ kommunikazzjoni fil-Parlament Ewropew. Iżżewġu seba’ snin ilu u għandhom tifel ta’ tliet snin u nofs bl-isem ta’ Enki, “għax ridna isem li jkun faċli għal kulħadd li jippronunzjah u jaqbel ukoll ma’ kunjomi, Enki Mamo. Anke fi żwieġ imħallat ukoll trid issib ċertu kompromessi.” Franklin qal li lil ibnu hu jkellmu bil-Malti, ommu bil-Fillandiż u l-iskola bil-Franċiż. “Primarjament, il-lingwi li jitkellem huma l-Franċiż u l-Finlandiż filwaqt li l-Malti jifhmu. L-ulied bħal ibni ma tistax tgħid eżatt x’inhuma jekk humiex Maltin, Finlandiżi jew Belġjani. Huma ‘third culture kids’.” Franklin Mamo hu minn Ħal Qormi, u stqarr ukoll li xi kultant iħoss in-nuqqas tal-ħobż ta’ Ħal Qormi, “iżda hawnhekk hawn għażla mhux ħażin ta’ ħobż u allura ma ngergirx,” kompla jgħid bi tbissima.
Bħala assoċjazzjoni, Franklin jgħin ħafna lil dawk il-Maltin li jkunu jridu jafu eżatt fejn se jolqtuhom il-liġijiet tal-pajjiż fejn ikunu qed jaħdmu, “aħna l-Maltin dejjem konna nies migratorji. Fil-fatt, il-eurobarometer ta’ Brussell kien għamel stħarriġ fejn Malta ġiet fl-ewwel post, b’żewġ terzi tal-Maltin li pparteċipaw fli stħarriġ qalu li għandhom qarib tagħhom li jgħix barra l-pajjiż, u dawn kienu qraba tal-ewwel grad, jiġifieri ġenituri, ulied jew aħwa u mhux xi kuġini. Kulħadd jaħseb li l-emigranti Maltin huma dawk biss li emigraw lejn l-Awstralja, l-Amerika jew il-Kanada. Aħna hawnhekk ukoll emigranti anke jekk b’xi mod għadna mqabbdin ma’ Malta. Aħna naraw kif se ngħinu lil dawk il-Maltin li jaħdmu hawn u jgħixu hawn biex ngħinuhom ikollhom ħajja aħjar f’dawk li huma liġijiet. Per eżempju l-liġi tat-testmenti. Fejn trid tagħmlu testment Malta jew il-Belġju? Meta għandek proprjetà f’żewġ pajjiżi liema liġi tapplika? Kif ġiet ir-regola issa, tista’ tagħżel jew il-post fejn l-interessi tiegħek jinsabu inkella l-pajjiż fejn int ċittadin tiegħu. Personalment, jien nagħżel Malta għax il-liġijiet Maltin iktar familjari magħhom minn dawk tal-Belġju.” Semmieli aktar dwar liġijiet oħra li l-assoċjazzjoni li jmexxi hu tixpruna fl-Unjoni Ewropea biex jinbidlu l-liġijiet, u bihom il-Maltin li jgħixu fi Brussell ikunu aktar moqdijin, “bħal fil-fatt taċ-ċertfikati tal-magħmudija, żwieġ eċċ li biex jiġu aċċettati hawn, ma jistgħux ikunu miktuba bl-Ingliż jew bil-Malti għax mhumiex lingwi magħrufa fil-Belġju u tkun trid tittraduċihom minn ditta rikonoxxuta u b’timbru mill-ministeru Belġjan. U dan huwa ċertifikat wieħed għal persuna waħda. Issa ħdimna biex sa sentejn oħra, jidħol regolament li jkollok ċertifikat wieħed b’format wieħed mingħajr ebda timbri.”
Franklin Mamo qalilna li skont l-uffiċċju tal-istatistika Belġjan, hawn inqas minn 500 Malti meqjusa bħala residenti Belġjani li huma reġistrati fil-Belġju. Għax dawn ma jinkludux dawk li jkunu jaħdmu l-Belġju fuq kuntratti qosra. Mistoqsi jekk il-komunità Maltija fil-Belġju hix magħquda bħal dik Awstraljana jew Kanadiża, Franklin qalilna li hemm diferenza. “Ħafna minnha li jgħixu l-Belġju spiċċaw tħalltu ma’ nazzjonijiet oħra sew fiż-żwieġ kif ukoll fix-xogħol. Allura ċ-ċirku li tgħix fih, qatt mhu esklussivament Malti.”
Mamo qal li fuq il-grupp ta’ Facebook iżommu kuntatt man-nies Maltin li jgħixu hemmhekk, billi jattendu l-attivitajiet anke dawk li jiġu organizzati mill-ambaxxata Maltija. Iżda wieħed ma jistax iqabbel l-emigrant Malti fl-Awstralja ma’ dak fil-Belġju. Għax fl-Awstralja iżżomm ruħek b’kuntatt mal-komunità Maltija biex tħoss inqas in-nuqqas ta’ Malta. Iżda jekk hawn ikolli aptit festa Maltija, illum hawn 11-il titjira fil-ġimgħa lejn u minn Malta u taqbad u tmur pajjiżek.”
Billi l-maġġoranza tal-Maltin huma Kattoliċi, Franklin qalilna li darba fix-xahar jiġi ċertu Fr Vella iqaddes bil-Malti għand il-Ġiżwiti. “Imma hawn hu pajjiż Kattoliku u knejjes issib kemm trid. Għal żmien il-Milied, fl-ambaxxata Maltija jorganizzaw ukoll quddiesa għall-Maltin li jaħdmu hawn u jkollna riċeviment.”
Franklin qalilna wkoll li hu jinżel regolarment Malta speċjalment għall-festi tar-raħal tiegħu fejn ma riedx jikkometti ruħu jekk hux ma’ San Ġorġ inkella ma’ San Bastjan, “Konna l-ewwel noqogħdu San Ġorġ u mxejna għan-naħa ta’ San Bastjan. Hawnhekk, għamilna żmien fl-assoċjazzjoni konna nagħmlu l-festa ta’ San Martin għax hawnhekk, speċjalment fin-naħa tal-punent tal-Belġju, San Martin jiċelebrawh bi kbir. Hawnhekk, persunaġġ liebes ta’ Ruman jiġi fuq żiemel abjad u konna nqassmu l-boroż ta’ San Martin, li konna npoġġu fihom ġewż u lewż u mhux ħelu bħalma llum qed jagħtu f’Malta. Issa waqafna, għax fil-bidu dawk li ġew hawn, konna mixtiqin għat-tradizzjonijiet Maltin iżda issa tħallatna wisq.”
Iżda l-fatt li Franklin għandu dan il-blogg, ‘Maltin fil-Belġju’ (www.maltin.be) u anke paġna ta’ Facebook ifisser li hu stess jixtieq jerġa’ jqajjem u jgħaqqad il-komunità Maltija imqar fuq is-siti tal-internet. “Iva ħalli anke wliedna jħossu li għandhom parti minn Malta. Barra minn hekk, anke l-Belġjani sar jinteressahom minn Malta għax anke meta wieħed jara li hawn żewġ titjiriet kuljum ta’ RyanAir u Air Malta mill-Belġju, ifisser li huma l-ħafna Belġjani li qed iżuru Malta. Tant li anke fl-ajruplani lura lejn Malta, qabel kont tiltaqa biss ma’ Maltin, imma llum issib ħafna aktar Belġjani minn Maltin. Il-Belġjani jħobbuha lil Malta anke minħabba l-kultura Kattolika tagħha. Nirċievi anke emails minn Belġjani, fosthom anke studenti li jkunu jridu jkunu jafu xi ħaġa dwar Malta fl-istudji tagħhom u biex nagħtihom kuntatti tal-ambaxxata jew dipartimenti Maltin.”
Min jgħix Brussell jaf li l-belt kollha u anke oltrè minnha hi mimlija komunitajiet kbar ta’ Għarab u anke suwed, li donnu integraw mhux ħażin fil-pajjiż. “Ifhem, tisma’ stejjer differenti u sfortuna li dejjem l-istejjer estremi li jagħmlu l-ħoss. Hawnhekk, meta tara attakki terroristiċi tinduna li dawn ma jkunux saru minn emigranti tal-ewwel ġenerazzjoni, iżda minn uliedhom, għax l-anzjani huma integrati aktar minn ulied uliedhom. Il-proġett tal-integrazzjoni, la wieħed ma jista’ jgħid li tlesta b’suċċess, għax kultant jieħu daqqa lura, u lanqas tista’ tgħid li qed javvanza b’konsistenza bl-istess mod. Il-Marokkini u t-Torok huma komunità enormi u dawn jaħdmu u jmexxu negozji li għalhekk ifisser li mhux se jagħmlu xejn biex ixekklu l-futur tagħhom u ta’ familthom. Iżda kultant, jiġri xi ħaġa li jitfa’ kollox lura. Il-Belġju hu pajjiż ta’ diversità kbira. Personalment, qatt ma kelli diffikultajiet magħhom għax trid taċċetta li dan hu pajjiżhom aktar milli hu pajjiżi. Meta tikber f’pajjiż ta’ 400,000 ruħ, ma tirrealizzax li int issa qed tgħix ġo belt li għandha popolazzjoni akbar minn pajjiżek kollu. Għalhekk, l-ewwel li titgħallem hu li ma tistax tiġeneralizza. Per eżempju titgħallem iż-żoni ta’ fejn huma t-Torok u l-Marokkini, li huma l-akbar komunitajiet barra mill-Ewropa. Hawn ukoll Taljani li ġew waqt il-kriżi finanzjarja li kellhom dan l-aħħar u fetħu negozji hawn.”
“Ifhimni, kien hemm żmien li anke t-Taljani meta ġew fis-sittinijiet, xejn ma kienu milqugħa tajjeb u kienu jgħidu li dawn ġew biex jgħixu bl-assistenza soċjali. Fil-fatt, it-Taljani kienu ġew biex jaħdmu fil-minjieri iżda l-Belġjani xejn ma kienu jħarsu lejhom b’mod sabiħ.”
Franklin qal li hu jħossu komdu jgħix fi Brussell fejn il-prezzijiet tal-proprjetà mhumiex daqshekk għoljin meta mqabbla ma’ bliet kbar oħra Ewropej bħal Londra u Amsterdam. “Barra minn hekk, il-konnettività li hawn, minn hawn għal pajjiżi Ewropej hi waħda perfetta. Anke soċjalment, hawn ħajja ‘easy going’ u s-sitwazzjoni ekonomika qatt ma ntlaqtet ħażin bħalma ntlaqtu pajjiżi Ewropej oħra. Taf x’nuqqas tħoss hawn li ma ssibx lin-nanniet jieħdu ħsieb it-tfal meta jkollok bżonn min iżommomlok!”
Franklin iqis ruħu bħala Belġjan jew Malti? “Inevitabbli li nibqa’ nħossni Malti. Iżda pjuttost inħossni integrat sew fejn nitkellem bil-Franċiż, u ftit għalkemm mhux wisq, bil-Flemish (Olandiż). Jien fil-fatt nivvota fl-elezzjonijiet muniċipali hawn. Involut f’għaqdiet Belġjani, u bla ma rrid inżomm magħhom anke fil-futbol. Fejn noqgħod jien, jiġifieri f’St Gilles hemm komunità Portugiża u anke Brażiljana u meta jilagħbu l-Brażil kontra l-Portugall jew Benfica kontra l-Porto jkollhom jingħalqu t-toroq. Jagħmlu l-purċissjoni bil-Madonna ta’ Fatima, għalkemm mhux kbira bħal ta’ San Ġorġ u ta’ San Bastjan ta’ Ħal-Qormi,” temm jgħidli bid-daħka.