filmat | ‘Ma naħsibx li l-arroganza li jsemmu li kellu l-PN hija kbira daqskemm jgħidu'

F'intervista mal-gazzetta ILLUM, Ċensu Galea jgħid li ma jaf lil ħadd onest daqs Simon Busuttil

Ċensu Galea intervistat mill-gazzetta ILLUM

Ċensu Galea: Deputat Nazzjonalista, eks Ministru għat-Trasport u Infrastruttura u issa qed jissemma li se jkun kandidat tal-PN fuq Għawdex jitkellem mal-ILLUM dwar diversi temi, minn Għawdex sa San Pawl il-Baħar, mill-korruzzjoni sal-istħarriġ, li minkejja kollox għadhom qed juru lil Muscat f’vantaġġ ċar.

Nibda l-intervista fil-fatt, billi nikkwotalu l-aħħar stħarriġ li sar mill-MaltaToday u li juri li Muscat għadu jgawdi minn vantaġġ ċar ta’ 7% fuq l-avversarju politiku tiegħu.

‘Nixtieq niltaqa’ ma’ dawk l-iswitchers li kienu jgergru għall-klikek u nara kif jaħsbuha llum’

Ċensu Galea ilu 30 sena fil-Parlament bħala Deputat tal-Partit Nazzjonalista u għalhekk, tlabtu biex mill-esperjenza tiegħu jispjega aħjar x’inhu dan il-fenomenu li qed joħroġ kontinwament mill-istħarriġ tal-gazzetta MaltaToday, jiġifieri li dawk li telqu lil Partit Nazzjonalista ma jridux jirritornaw fih jew jivvutawlu.

“Ejja ngħidu li dak li jgħidu s-surveys hu minnu, anke jekk illum għadu kif kellna fenomenu fl-Istati Uniti li r-riżultati ma marrux skont l-istħarriġ pubbliku. Mis-60 sena li għandi, ili 42 sena f’dan il-partit. Għext mal-partit rebħiet minimi u kbar u anke telfiet żgħar u kbar. Mhix faċli li tirbaħ lura dawk it-18,000 li telquna,” jgħid Galea, filwaqt li jispjega kif, “kien hemm nies li telquna għax kienu jgħidu li konna arroganti man-nies u dik għamlitilna ħafna ħsara. Kien hemm grupp ta’ persuni li minkejja li kibru bil-ħidma tagħhom, bdew jikkomparaw lilhom infushom ma’ oħrajn li kibru aktar minnhom. B’hekk bdiet l-għajta tal-klikka u li dawn kibru mhux mertu tagħhom. Issa nixtieq li niltaqa’ ma’ dawn l-istess nies u naraw kif jaħsbuha llum. Għax jekk qatt xi darba kien hemm f’pajjiżna gvern li jimxi u jmexxi bi gruppi daqshekk ristretti huwa l-gvern tal-lum,” jallega Galea fil-konfront tal-Gvern.

 “Vera li hawn flus fl-idejn u dan ma niċħdux,” jammetti Galea, “iżda rrid infakkar ukoll li bejn l-2009 u l-2012, id-dinja għaddiet minn riċessjoni kbira u aħna bqajna mexjin aħjar minn kulħadd.”

‘Għad hemm rabja għall-iswitchers’

Ċensu Galea qal li min-Nazzjonalisti akkaniti, jammetti li għad hemm rabja għall-iswitchers, iżda qal li bħala partit mhux il-każ. “Il-Partit hu miftuħ għal kulħadd. Hemm min irritorna iżda għad hemm min għadu ma aċċettax li l-Partit hu aħjar minn dak li kien meta telquh. Iżda hi verità wkoll li hemm numru ta’ Laburisti li qed jgħidulna li mhux se jivvutaw inkella li se jivvutaw lill-PN. Din esperjenzajta biss fl-1998,” l-aħħar darba u l-unika darba li l-PL kien fil-Gvern f’25 sena, “meta l-Labour tilef il-fiduċja tan-nies tiegħu u erġajna qed inħossuha llum.”

Mistoqsi għaliex Joseph Muscat igawdi popolarità fis-sondaġġi aktar minn Simon Busuttil, Ċensu Galea qal li jemmen li fost in-Nazzjonalisti hemm min jgħid li mhux kuntent b’Simon Busuttil, filwaqt li l-Laburisti meta mistoqsijin dwar Muscat ma jgħidux li mhux kuntenti bih anke jekk ma jkunux. “Iżda meta tiġi elezzjoni, tivvota għal partit u mhux għal kap u hawn id-differenza mhix daqstant kbira.”

‘Ma naf lil ħadd onest daqs Simon’

Ċensu Galea qal li ilu jaf lil Simon Busuttil minn qabel ma ħareġ kandidat, u qal li ma jaf lil ħadd li jaħdem b’daqshekk determinazzjoni u onestà daqsu. Qal ukoll li għalkemm jiġi akkużat li hu mdawwar b’ħafna nies tal-passat jew li għandhom xi sħab griż jew iswed fuqhom, “hu fatt li għandu ammont kbir ta’ deputati ġodda u anke l-amministrazzjoni tal-partit hi kważi kollha kemm hi ġdida.

Hawn, Galea jdur fuq kwistjoni li kienet inqalgħet fil-passat dwar korruzzjoni fl-Awtorità tat-Trasport u meta hu kien Ministru. Ifakkar kif kien għamel libell lill-eks mexxej Laburista Alfred Sant dwar l-istess każ. “Wara seba’ snin, ma jitlax quddiem il-maġistrat, Sant fl-aħħar deher u qal li lil Ċensu Galea ‘nafu bħala bniedem tal-affari tiegħu u qatt ma kelli ħsieb li nweġġgħu’.”

‘Il-korruzzjoni tibqa’ teżisti għal miljun sena oħra’

Sentenza li sirt tismagħha kuljum u kullimkien hi: ‘Il-Partit Nazzjonalista għamel korruzzjoni f’25 sena iżda l-Labour għamlu daqshom fi 3 snin. In-Nazzjonalisti kienu korrotti, imma dawn aktar.

Nistaqsi lid-Deputat Nazzjonalista, allura dan ifisser li hu tajjeb li tagħmel korruzzjoni inqas mill-ieħor? Aċċettabbli fil-politika li tkun korrott? Tivvota għall-inqas korrott? U fl-aħħar nett, skontok kienu korrotti n-Nazzjonalisti?

“Kif nisma’ l-kelma korruzzjoni, nirribella. Fi 30 sena fil-Parlament, 16 minnhom bħala ministru, ovvjament weġġgħajt lil xi ħadd bid-deċiżjonijiet li ħadt. Iżda ma nafx każi li l-Ministri jew in-nies ta’ madwarhom talbu l-flus biex jagħmlu xi pjaċiri. Ħa nkun ċar, il-korruzzjoni tibqa’ teżisti għall-miljun sena li ġejjin,” jisħaq Galea.

Apparti minn hekk imma, mal-ILLUM hu jistaqsi wkoll dwar ir-responsabbiltà f’każ ta’ allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni. “Min ikun għamilha l-korruzzjoni? Il-Prim Ministru? Il-Ministru? In-nies madwar il-ministru jew xi ħadd down the line li jieħu xi ħaġa biex iqabbiżlek xi fajl?”

“F’dan il-livell,” jgħid Galea b’referenza għal xi ħadd ‘down the line’, “iva kien hemm korruzzjoni, hawn u jibqa’ jkun hawn. Xi forma ta’ nies li jabbużaw se ssib dejjem. Iżda li nista’ ngħid hu li qatt ma nafu li pajjiżna kien korrott daqs kemm hu llum. Issa f’liema livell, dak irridu narawh.”

Simon ċert minn rebħa…Ċensu jgħid li l-poplu jiddeċiedi

Fl-aħħar staqsejtu jekk jaqbilx ma’ Simon Busuttil li f’intervista ppubblikata fuq din il-gazzetta kien stqarr li jinsab ċert li l-PN se jirbaħ l-elezzjoni li jmiss, tant li għalih ma riedx jgħid x’jagħmel kieku l-PN jitlef.

Galea huwa xi ftit iktar kawt. “In-Nazzjonalisti jridu jaħdmu biex jirbħu l-elezzjoni. U Simon hu determinat li dak kollu li jrid jagħmel ħa jagħmlu biex jirbaħ elezzjoni. Issa rridu mmorru nivvutaw u l-poplu Malti jiddeċiedi. Bħalma aċċettajt u fraħt meta rbaħna u bħalma aċċettajt u ma fraħtx meta tlifna, il-partit għandu jkun lest li jaċċetta kull riżultat li tagħtih l-elezzjoni. Jiena nemmen li bid-determinazzjoni kollha li għandu Simon li jirbaħ l-elezzjoni, jekk il-poplu Malti se jagħżel mod ieħor, se jaċċetta r-riżultat.”

More in Intervisti