‘Tinqala’ problema, u kulħadd iwaħħal f’Joe Mizzi’
Kollox tort ta’ Joe Mizzi, imma Joe Mizzi jaħseb li għandu tort? L-ILLUM tintervistah
minn Veronica Lynn Mizzi
Meta persuna tinqabad f’xi serbut karozzi hi u sejra lejn ix-xogħol jew lura lejn id-dar, u tispiċċa tasal tard għal xi appuntament, spiss tisma’ l-frażi, ‘tort ta’ Joe Mizzi,’ mhux dejjem b’nofs tbissima, minħabba li dawn ir-responsabbiltajiet jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu.
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi huwa konxju minn dan, u f’intervista mal-ILLUM, irrimarka l-fatt li jekk ikun hemm xi problema, “għid li se jiġu jgħidu lili n-nies, anke jekk jafu li tkun xi ħaġa li m’għandix x’naqsam magħha.”
Fil-fatt, meta kien qed jitkellem dwar il-problemi u l-intoppi li jinqalgħu fir-rigward tat-trasport pubbliku, Joe Mizzi, saħaq li, “n-nies il-ħin kollu jibagħtu l-messaġġi lili u jien vera nagħti kas, għax malli jibagħatuli, mal-ewwel inqabbad in-nies biex jaħdmu fuq is-sitwazzjoni.”
‘F’kull pajjiż żviluppat hemm il-konġestjoni tat-traffiku’
Indubbjament, problema li qiegħda fuq moħħ kulħadd u li taffettwa lin-nies kollha, mill-kbir saż-żgħir hija l-problema tat-traffiku, li tirriżulta f’sigħat twal fis-sena moħlija f’waqfien fit-toroq.
Immedjatament, il-Ministru jatribwixxi din il-problema għas-suċċess li qed jagħmel il-pajjiż u jisħaq li, “waħda mill-problema, għalkemm hi pożittiva, hi li l-pajjiż ikun miexi ’l quddiem. Meta għandek iktar nies jaħdmu, awtomatikament wieħed jixtri karozza, u t-trend tagħna f’Malta hi li mat-18-il sena, wieħed jixtri karozza.”
Għal dan, din il-gazzetta rrimarkat li Malta mhux l-uniku pajjiż li għandu ekonomija sejra tajba jew li huwa ekonomikament avvanzat, allura kif il-problema hi daqstant prevalenti f’pajjiżna. “Il-problema tagħna hi li Malta qed titqies bħala pajjiż, meta f’termini ta’ daqs u traffiku, hi meqjusa bħala belt.” Il-Ministru Mizzi jmur lura fiż-żmien u jitkellem dwar iż-żmien li kien jaħdem fuq il-baħar, fejn fost l-oħrajn isemmi kif f’Seoul fil-Korea t’Isfel, il-konġestjoni hi waħda reali u jinsisti li, “f’kull pajjiż żviluppat hemm konġestjoni tat-traffiku. Hemmhekk, kien ikollok 15-il lane fuq iż-żewġ naħat tat-triq, imma filgħodu jew filgħaxija, xorta waħda teħel. Issa dan qed nitkellmu fuq wieħed mill-aktar pajjiżi avvanzati. Jiġifieri bilfors se teħel jekk fit-toroq ikun hemm iktar karozzi minn kemm dawn jifilħu.”
Għaldaqstant, saħaq li l-ewwel għan tiegħu huwa li jitnaqqqas l-ammont ta’ karozzi mit-toroq. Imma dan kif se jkun qed jagħmlu, tistaqsi din il-gazzetta?
100% qatt ma jista’ jkun it-trasport pubbliku, imma aħna rridu naraw li s-servizz jiġi iktar effiċjenti
It-trasport pubbliku tjieb imma...
Waħda mis-soluzzjonijiet sabiex tittaffa l-konġestjoni tal-karozzi fit-toroq hija li minflok il-karozza personali tagħhom, in-nies jużaw mezzi alternattivi ta’ trasport, bħalma huwa t-trasport pubbliku. Biex dan isir, fi kliem Mizzi stess, “irid ikollok trasport pubbliku effiċjenti.” Żied jgħid li l-ammont ta’ passiġġieri li nġarru permezz tat-trasport pubbliku kien kbir u mhux mistenni, hekk kif dan laħaq is-46 miljun, meta mqabbel mat-32 miljun li kien hemm qabel ir-riforma. Il-Ministru responsabbli mit-trasport irrikonoxxa li s-sistema tat-trasport mhix waħda perfetta u qal li, “kulħadd jara l-biċċa tiegħu u qabel, anke jien bħalhom kont naħseb. Imma llum nisma’ li jgħiduli ħafna oqsma ta’ nies u nipprova ngħaqqadhom f’daqqa, mhux biex naqdi persuna waħda u nagħmel li jaqbel lilu.” Mizzi jkompli jgħid li, “nafu li l-puntwalità wkoll żdiedet, imma għad jonqosna.”
Din il-gazzetta staqsiet allura x’qed isir biex jitjieb is-servizz, u Mizzi dlonk wieġeb li “100% qatt ma jista’ jkun it-trasport pubbliku, imma aħna rridu naraw li s-servizz jiġi iktar effiċjenti, u qed naraw kif nistgħu ntejbu s-sistema ta’ meta karozza tieqaf, ma tibqax f’nofs ta’ triq li tirriżulta f’iktar konġestjoni.” Rigward problemi ta’ ffullar fuq il-karozzi tal-linja, Mizzi qal li qed jiġu monitorati ċertu rotot sabiex tiġi indirizzata din il-problema.
‘Il-proġett tal-Kappara huwa avvanzat iktar mill-iskeda’
Mizzi tkellem ukoll dwar l-infrastruttura u l-proġetti fit-toroq, fejn sostna li, “ma stajniex nibdew proġetti oħra, u ma nlestux dawk li kienu pjanati. Jien mhux se noqgħod inħares u ngħid għax dak il-proġett ma bdejniehx aħna, imma nemmen li rridu mmexxu l-proġet u mmexxuh malajr. Imbagħad minn hemm tista’ tibda proġetti oħra.” Fil-fatt, semma kif wara t-tlestija tal-proġett tal-Kappara, jibda dak tal-Marsa. Kompla billi qal li minbarra li jagħmel miżuri li jtaffu l-problema fl-immedjat, jeħtieġ li jibdew ukoll dawk il-miżuri li se jgħinu l-problema fit-tul. Meta mistqosi dwar il-progress tal-proġett tal-Kappara, Mizzi aċċerta li l-proġett miexi tajjeb, u saħansitra jinsab avvanzat iktar milli skedat.
Uliedi u ulied uliedi jgħidu li xi darba kien hemm xi ħadd li ħaseb għall-quddiem biex ma nerġgħux niġu f’sitwazzjoni bħalma qegħdin fiha llum
‘Mhux kastelli fl-arja, imma pjani fattwali’
Joe Mizzi semma l-istrateġija għat-trasport li ġiet imnedija ftit taż-żmien ilu, b’riċerka u proposti sabiex titjieb is-sistema tat-trasport b’mod ħolistiku. Fil-fatt, Mizzi jisħaq li b’dawn il-pjani, sal-2025 il-veloċità fit-toroq fil-peak hours, għandha titjieb b’20% u dik tat-trasport pubbliku b’29%. Insista li dawn huma pjanijiet studjati sew mill-esperti u “huma fattwali u mhux kastelli fl-arja.”
Parti minn din l-istrateġija titkellem dwar konnettività taħt l-art. “Iva, aħna qed naraw bis-serjetà l-pjanijiet għal proġetti taħt l-art, kif ukoll il-mina bejn Malta u Għawdex, u ninsabu għaddejjin bl-istudji.” Dwar is-sistema ta’ underground, ikompli jgħid li s-sistema trid tkun waħda ħolistika fejn mhux sempliċiment tgħaqqad iż-żoni taħt l-art, imma wkoll tgħaqqadhom mas-sistema tat-trasport pubbliku. “Kollox hemm imniżżel f’dan il-pjan, li qatt ma kellna bħalu. Dan il-pjan għandu jkun lest f’Diċembru, u jkun qed jorbot ħafna affarijiet, għax mingħajr dan il-pjan, ma nistgħux nieħdu fondi tal-UE, u b’hekk aħna se nkunu qed nintrabtu żgur,” żied jgħid Mizzi.
Il-Ministru Mizzi jkompli jgħid li hu għandu missjoni li għada pitgħada, “uliedi u ulied uliedi jgħidu li xi darba kien hemm xi ħadd li ħaseb għall-quddiem biex ma nerġgħux niġu f’sitwazzjoni bħalma qegħdin fiha llum. Illum qegħdin f’din is-sitwazzjoni għax ma ħasbux għall-quddiem. Kien min kien.” Allura, din il-gazzetta tistaqsi lil Mizzi jekk hux konvint li b’dan il-pjan se jkun hemm titjib u se jagħtu r-riżultati? Mizzi jwieġeb bla tlaqliq, “Iva, konvint li dawn se jagħtu r-riżultati. Mhux illum se jagħtuna r-riżultati, imma nagħmel dak li nista’ nagħmel illum.”
Il-ministru Joe Mizzi aċċerta lil din il-gazzetta li l-ilmenti u l-problemi tan-nies rigward it-trasport pubbliku, b’mod partikolari jaslu għandu b’mod dirett. “Il-mara tiegħi kullimkien tmur b’tal-linja kuljum, u kull min jgħarafha jwassal l-ilment tiegħu għandha, u meta mmur id-dar tiġi tgħidli bl-ilmenti kollha.”