‘Jiena kull filgħodu nimxi fit-triq b’rasi mgħollija’

‘Xarabank: Jekk ikollok żiemel rebbieħ għaliex għandek taqflu fi stalla?’ - L-Intervista sħiħa ma' John Bundy

L-ILLUM kienet l-aħħar li intervistatu qabel ingħata l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tax-Xandir tal-istat u xahrejn u nofs wara, l-ILLUM hi l-ewwel li qed tintervistah bħala Kap Eżekuttiv. John Bundy wara 38 sena jaħdem fil-qasam tax-xandir, ingħata l-inkarigu li mhux biss ixandar iżda jkollu subgħajh f’dak li jixxandar. Iltqajt ma’ Bundy u quddiemi sibt l-istess Bundy li kont naf għal snin sħaħ. Bundy għadu dak li dejjem kien, fabbli, skjett u b’direzzjoni ċara quddiemu. Fil-fatt, sew qabel kif ukoll wara l-intervista lmaħtu jdur f’kull dipartiment isellem lill-ħaddiema. Xi ħaġa li jagħmel ta’ kuljum skont kif qalulna l-istess ħaddiema li jħossuhom komdi li jistgħu jgħaddu l-ilmenti tagħhom waqt dawn iż-żjarat qosra tal-Kap Eżekuttiv tagħhom, barra li skonthom, huwa qalilhom, “jien wieħed minnkom.”

Qagħda finanzjarja

Jingħad li l-qagħda finanzjarja tal-PBS mhix waħda daqshekk b’saħħitha, li jista’ jfisser li Bundy ħa f’idejh vapur li qed jegħreq. “Kull kumpanija tgħaddi minn diffikultajiet, iżda fil-PBS hemm ukoll l-ispazju għal soluzzjonijiet u arranġamenti tajbin. L-ebda kumpanija ma toħroġ il-ħwejjeġ barra biex turi f’liema sitwazzjoni tinsab. L-istat finanzjarju tal-kumpanija hu dak li hu u kulħadd iħares lejh mil-lenti tiegħu, jew kif jaqbillu. Qabel kien hawn kap li jħares lejn il-lat finanzjarju tal-kumpanija mod, jien qed inħares lejn il-lat finanzjarju tal-kumpanija b’ottimiżmu. Inħares ’il quddiem biex il-kumpanija tkompli timxi ’l quddiem.”

Bundy qal ukoll li meta daħal, sab ħafna affarijiet tajbin bħall-bini, l-apparat b’teknoloġija mill-aktar avvanzata u l-mod kif taħdem is-sistema. Iżda qal li kulħadd ikollu strateġija għalih u hu bidel il-mod kif jiġu magħżula l-programmi u kif jiġu finalizzati. “Ma nħallux lid-djar tal-produzzjoni jistennew ħafna ġimgħat biex ikunu jafu l-proposti tagħhom jekk ġewx aċċettati. Biddilna l-iskeda tar-radju u anke fl-iskeda li kienet mibdija għamilt xi arranġamenti favur l-ispettatur. Mhux kulma tbiddel ifisser li jkun tajjeb mill-ewwel. L-importanti hu li jekk għamilt xi ħaġa li ma ħadmitx, nibdilha. Jien kap eżekuttiv tal-kumpanija u mhux l-eroj tal-kumpanija. Hawnhekk ma nagħmilx l-affarijiet waħdi, għandi tim tajjeb ħafna. Għandi numru ta’ managers li jikkoperaw u l-esperjenza tagħhom nista’ jsarrafha f’suċċess fid-deċiżjonijiet li nieħu.”

Proġetti ġodda

Semma wkoll proġetti ġodda li qed jinħmew biex tinħoloq sezzjoni fix-xandir għal nies biex jingħataw l-opportunità li jekk għandhom xewqa li jidħlu fid-dinja tax-xandir, ikunu jistgħu jingħataw taħriġ, speċi ta’ akkademja għal uċuħ ġodda. “Flimkien fassalna diversi proġetti għall-futur. Ftit tal-ġimgħat ilu kellna l-aħbar li ngħatajna fondi mill-Unjoni Ewropea biex nagħmlu sistema diġitalizzata tal-arkivji tagħna li huma teżor għal pajjiżna. Filmati ta’ avvenimenti storiċi li jmorru snin kbar ilu u anke programmi radjufoniċi se jiġu preservati kollha. Proġett li se jibda s-sena d-dieħla hu proġett kbir tar-Radju li sejjaħtlu ‘Radio Project’ fejn Malta se jkollha stazzjon tar-radju li jkun jinkorpora fih l-aqwa elementi u se jkollu tibdil fl-istruttura u anke fl-apparenza.” Mistoqsi jekk Radju Malta 2 hux se jispiċċa, Bundy wieġeb mill-ewwel, “Radju Malta 2 se jibqa’ hemmhekk mal-istazzjonijiet l-oħra kollha li għandna.”

Il-Eurovision

Min kien isegwi lil Bundy fuq Facebook, kulħadd jaf li hu kien kritiku qawwi tal-Kap Eżekuttiv ta’ qablu, Anton Attard. “Ħa nagħmluha ċara,” jibda jgħid Bundy, “Jien kont nikkritika dwar il-Eurovision u kienu mumenti żgħar ħafna jew rari li kont insemmi lill-Kap Eżekuttiv b’ismu. Jien ma qbiltx kif sar l-aħħar Eurovision. Kelli r-raġunijiet tiegħi. Kont konsistenti fil-kritika u r-riżultati tawni raġun u dan ifisser li m’iniex se nagħmel l-istess żbalji.

“Nista’ niżvela ċar daqs il-kristall li l-kantant li se jirrapreżenta lil Malta fil-Eurovision se jintagħżel mill-poplu. Il-Eurovision hu l-festival tal-poplu. Iċ-ċittadini Maltin m’għandhom xejn inqas minn popli oħra li kapaċi jagħżlu lil min jirrapreżentahom. Tintagħżel il-kanzunetta u mhux il-kantant, għax il-festival mhux singer festival iżda Eurovision Song Contest. Għalhekk se tintagħżel il-kanzunetta li l-poplu Malti jaħseb li għandha tirrapreżentah fl-Ukraina.”

Il-Bilanċ fix-Xandir

Kull oppożizzjoni tipponta subgħajha lejn il-PBS dwar żbilanċ. Dan dejjem sar u għadu jsir. Barra minn hekk, ħafna qed jakkużaw lill-PBS li jkun hemm indħil politiku mill-Gvern. “Sal-lum nista’ ngħid li ma ndaħalli ħadd. X’kien isir qabel ma nafx, għax ma kontx hawn. Ma nemminx li kemm indum hawn jien se jiġi xi ministru u jimponi fuqi xi programm. Jekk kumbinazzjoni dan jiġri, lest li npoġġi bilqiegħda ma’ min jagħmilli din il-proposta jew joħroġ din l-ordni u nispjegalu li m’għandux raġun. Jista’ jkun li xi ħadd jipproponilek programm tajjeb u xorta nemmen li jrid joqgħod għad-diskussjoni mat-tim li flimkien naraw x’inhu l-aħjar għall-ġid tal-kumpanija. Aħna leali lejn iċ-ċittadini kollha. Nammetti li rridu nimxu mal-politika tal-gvern tal-ġurnata għax hu joħloq il-‘policies’ u aħna rridu nimxu magħhom. U dment li aħna nimxu mal-policies, ma nħossx li għandu jkun hemm min ifixkel.”

Bundy qal ukoll li jemmen li l-programmi għandhom ikunu bilanċjati, “u għalkemm ikollna ħafna kritika u kellna ħafna kritika qabel ukoll, il-programmi dejjem kienu bilanċjati. Il-problema tal-bilanċ noħolquha aħna billi ħloqna sistema ta’ minuti biex mingħalina jinħoloq bilanċ. Ma naqbilx li l-minuti li jingħata min ikun qed jiddiskuti jkunu qed joħolqu bilanċ.   Għax hawn min jieħu żewġ minuti u jitkellem bis-sens, u hemm min tagħtih żewġ minuti u ma jgħid xejn bis-sens jew jaqbeż mis-suġġett.” 

Skont Bundy, il-bilanċ hu li jkun hemm argumenti tajbin minn kull naħa u mhux bil-ħin. Bundy qal ukoll li hu jieħu deċiżjonijiet dwar kollox, iżda dejjem jiddiskuti mal-bordijiet ta’ management rispettivi.

L-Iskeda ta’ Bundy x’se toffri ġdid?

Qal ukoll li f’din l-iskeda kien hemm ‘input’ tiegħu iżda mhux kollox. U hawn reġa’ kkonferma li ma kellux x’jaqsam mal-programmi mneħħija li tant qamet għagħa fuqhom. Però, l-iskeda tal-2017 se tkun kollha tiegħu. “Mhux tiegħi iżda tal-PBS.”

Bundy, illum hu amministratur, iżda fl-istess waqt hu xandar, preżentatur u producer ta’ programmi tul dawn l-aħħar 38 sena. Dan se jgħin biex hu jdaħħal produzzjonijiet lokali fejn jidħlu t-tfal u programmi serji ta’ divertiment ta’ kwizzis li tant iħobbu l-Maltin. “Dawn huma programmi li jiswew ħafna flus iżda se nagħmel l-almu tiegħi biex it-telespettatur Malti jara dawn il-kwizz xows bil-lingwa tiegħu u mhux irid joqgħod jara l-istazzjonijiet Taljani jew Ingliżi.”

L-ILLUM saret taf li Bundy ġieli tefa’ proposti ta’ programmi fuq PBS u dawn ma ġewx milqugħa. Meta tlabnieh jgħidilna dwar dan, Bundy kien ferm diplomatiku, “jiena ‘biker’ u l-‘biker’ ma jistax iħares lura għax jieħu daqqa tajba u ma jqumx għal oħra u għalhekk irrid inħares dejjem ’il quddiem. Dak kien il-passat, kien iweġġgħani, illum għandi pożizzjoni li nista’ nagħmel ħafna ġid lil kull min irid jibda karriera fix-xandir u lit-telespettatur Malti li nwasslulu l-informazzjoni korretta, għax il-midja hi dwar il-fatti u mhux dwar l-opinjonijiet.”

Bundy se jippreżenta programm

Il-pożizzjoni ta’ Bundy fil-PBS mhux se twaqqfu milli jagħmel dak li tant iħobb, jiġifieri li jxandar u jippreżenta. “John Bundy se jkompli jippreżenta. Reno Bugeja hu l-Kap tat-Taqsima tal-aħbarijiet u għandu programm. Emilio Fede direttur fil-Mediaset u jippreżenta programm. Pippo Baudo direttur fir-Rai u jippreżenta programm. Gerry Scotti hu wieħed mill-ogħla uffiċjali tal-programmi tal-Mediaset u jippreżenta programmi. X’fiha ħażin li John Bundy, CEO tal-PBS li minn dejjem kien preżentatur u producer jippreżenta programm għal vapur li qed imexxi? Iva, John Bundy se jippreżenta programm ta’ taħlita ta’ ġrajjiet kurrenti imżewġa ma’ divertiment u b’hekk jinħoloq il-vera bilanċ.”

Iżda jekk il-programm ma jkunx jilħaq il-livell meħtieġ, min se jiddeċiedi li ma jsirx? Għax finalment, hu l-istess John Bundy li jiddeċiedi. “S’issa, jiena dejjem għamilt programmi ta’ livell. Jekk ma jkunx programm ta’ livell, lanqas biss jidħol fil-ħsieb tiegħi aħseb u ara nagħmlu. Jien ma nemminx fil-perfezzjoni iżda nemmen fl-eċċelenza u għalhekk lest għal kull kritika u skrutinju tal-programm li jkolli.”

Bundy dwar Xarabank

L-aktar programm li ilu għaddej fuq l-PBS, u l-aktar programm li jiġi kritikat hu l-istess programm li hu l-iktar segwit f’Malta. Dan hu ‘Xarabank’. Staqsejna lil Bundy jaqbilx li l-istess programm idum iġebbed għal daqs dawn snin? “Naħseb li sakemm il-produtturi ta’ programm jaġġornaw ruħhom maż-żminijiet u jkun popolari mal-ispettaturi, m’għandux jieqaf. Għaliex għandu jkollok żiemel li qed jirbaħ it-tiġrijiet u taqflu fl-istalla?”

Bundy kompla jgħid li l-PBS barra li hu l-istazzjon tal-Istat irid iħares mil-lat kummerċjali u għalhekk irid iħares lejn programmi li jattiraw il-massa, “għax barra l-baġit li jagħtina l-gvern, irridu nieħdu ħsieb id-dħul finanzjarju wkoll. Iżda fl-istess waqt ma tistax twarrab dak li hu kulturali, soċjali, is-saħħa u li nagħtu leħen lill-NGOs. Il-PBS dan kien qed jagħmlu, se jkompli jagħmlu u fl-iskeda tal-2017 se jkun hawn iżjed opportunitajiet.”

Fl-aħħar, Bundy tkellem dwar il-kummenti li nkitbu dwaru fuq blogs meta ngħata l-inkarigu ta’ kap eżekuttiv, u qal, “jien difensur tal-libertà tal-espressjoni u ma niddejjaq xejn mill-kritika. Li ddejaqni meta l-kritika tkun waħda personali, bi kliem mhux xieraq u miktuba fuq blogs b’nom de plume. Rajt kummenti li minkejja li jweġġgħuk, fl-istess ħin tidħak kif nies li ma jkunux jafuk, jaqbdu u jiktbu dwarek. Li jimmeraviljawk li dawn jgħajru lin-nies u m’għandhox ‘guts’ juru isimhom. X’kuraġġ irid ikollok miegħek innifsek li tiċħad ismek meta għandek il-libertà kollha li tikkritika mingħajr ħadd ma jwaqqfek? Meta kelli xi ngħid xi ħaġa, jien dejjem għidtha b’ismi u ktibtha b’ismi. Jiena kull filgħodu nimxi fit-triq b’rasi mgħollija, ma niddejjaq nitkellem ma’ ħadd, ma niddejjaq inpoġġi fuq mejda biex niekol ma’ ħadd, meta jċempel it-telefon nirrispondih, meta nirċievi xi email nirrispondiha mill-ewwel u anke sms. F’ħajti ppruvajt inkun dejjem korrett anke jekk żbalji għamilt ukoll, iżda dejjem ikkoreġejthom. Missieri qalli din il-frażi u se ngħidielek u nieqaf hawn, ‘ibni, nippermetilek tagħmel 100 żball kuljum, imma ma nippermetilek qatt li tirrepeti l-istess wieħed.”

 

 

More in Intervisti