Filmat | Għix u ħalli l-min jgħix… [l-intervista sħiħa]

Kieku l-pajjiżi kollha tad-dinja jwarrbu t-twemmin u l-kulturi tagħhom u jkunu aktar tolleranti lejn xulxin, ma jkunx hawn problemi razzjali... L-ILLUM tiddiskuti ma’ Sara Ezabe

Sara Ezabe titkellem mal-ILLUM dwar id-differenzi bejn reliġjonijiet u kulturi
Sara Ezabe titkellem mal-ILLUM dwar id-differenzi bejn reliġjonijiet u kulturi

Għal tfajla Musulmana li tgħix Malta, il-ħajja fl-università, imdawra bi studenti u għalliema li għandhom mentalità miftuħa u tolleranti, id-differenza ta’ kultura u reliġjon hija kważi rrilevanti. Barra mill-università, fit-triq, fuq bus stops u fuq il-karozzi tal-linja, il-perċezzjoni tan-nies tinħass differenti.

Illum f’pajjiżna wasalna fi stat fejn is-sempliċi fatt li wieħed jara mara liebsa hijab, inissel fih biża’ u intimidazzjoni, ħafna drabi ġejjin mill-ġeneralizzazjoni li dak kollu li huwa Musulman jew Għarbi jitqiegħed taħt kappa waħda.

Intervista ma' Sara Ezabe | filmat ta' Chris Mangion

L-ILLUM iltaqgħet ma’ Sara Ezabe, tfajla Maltija ta’ 20 sena, li tħaddan ir-reliġjon Musulmana u li tkellmet ma’ din il-gazzetta dwar id-differenza bejn reliġjon, kultura u tradizzjoni u l-problemi li jinqalgħu f’ħafna soċjetajiet meta ma jkunx hemm distinzjoni bejn dawn.

Id-differenza ta’ kultura, tbeżża’ lil ħafna nies

Sara enfassizzat dwar il-punt li għandu jkun hemm distinzjoni bejn reliġjon u kultura, u li dan jgħodd għar-reliġjonijiet kollha. “Minkejja li hawn ħafna pajjiżi li jħaddnu l-Iżlam bħala reliġjon, kull wieħed minnhom għandu kultura differenti, li tiddetta mġiba differenti, hemm ħafna miżinformazzjoni dwar dawn”, spjegat Sara, hekk kif anke semmiet li saħansitra l-mod kif jilbsu huwa differenti, u li huwa nuqqas ta’ informazzjoni meta wieħed jittimbra l-Musulmani kollha bħala “razza” waħda li tilbes pereżempju hijab, u lbies twil u saħansitra burka. Mhux kull pajjiż għandu kultura u użanzi l-istess.

Suġġett li tkellmet fuqu anke f’kampanja bit-tema tal-identità li mexxiet hi stess, Sara għamlet distinzjoni dwar kulturi differenti, li jiġu wkoll effettwati mill-pajjiż fejn wieħed jinsab. F’ċirkostanzi ideali, spejgat Sara, f’soċjetà multikulturali jkun hemm rispett reċiproku lejn l-użanzi rispettivi, fejn pereżempju Musulman jaċċetta li sħabu qegħdin jiċċelebraw il-Milied filwaqt li huma jagħmlu l-istess waqt ir-Ramadan.

L-opinjoni ġenerali hija li kultura Iżlamika ma ġġibx rispett lejn in-nisa

Id-dinja tal-punent, li tħaddan il-libertà tal-espressjoni, l-ugwaljanza u r-rispett tad-drittijiet, ta’ spiss tittimbra l-kultura Għarbija bħala waħda li m’għandhiex l-istess valuri, speċjalment fejn jidħol ir-rispett lejn in-nisa.

Din il-gazzetta staqsiet lil Sara, bħala mara Musulmana x’taħseb dwar dan, u għaliex hi, bħala Maltija m’għażlitx li tgawdi mil-libertà ta’ esperessjoni u mġiba li jgawdu l-bqija tan-nisa Maltin. Għal darb’oħra, Sara reġgħet enfassizzat id-differenza bejn ir-reliġjon u l-kultura. Hija sostniet li dawn in-nuqqasijiet ta’ libertà mhumiex parti minn kultura Iżlamika inġenerali, iżda ta’ pajjiżi partikolari. Hija stess pereżempju, minkejja li tħaddan ir-reliġjon Iżlamika hija affetwata mill-kultura Maltija li trabbiet fiha, u din teffetwalha l-mentalità u l-imġiba tagħha.

Mir-risposti li tat waqt l-intervista, kien jidher biċ-ċar li Sara hija tfajla b’moħħha miftuħ ħafna, tolleranti għad-diversità u l-multikulturaliżmu tolleranti, li fil-fehma tagħha, m’għandux ikun hemm problema biex żewġ kulturi tant differenti u kontrastanti bejnithom jikkonvivu.

Mini-skirt jew Hijab? … Bikini jew Burkini?

Sara, li forsi bħala linja ta’ ħsieb, tinsab f’minorità sfortunatament, temmen li ebda reliġjon m’għandha taffetwa l-libertà u ħadd m’għandu dritt jiġġudika kif jilbes jew iġib ruħu xi ħadd ieħor. Hija tgħid li l-għażla jekk mara tilbisx mini-skirt jew hijab għandha tkun tagħha biss, mhux influwenzata u lanqas iġġudikata minn ħadd. “Il-Libertà,” tgħid Sara, “mhux li mara tilbes dublett qasir, imma li tagħmel dak li tħossha komda bih”

L-ILLUM staqsiet lil Sara, x’inhi l-opinjoni tagħha dwar każi rrapportati fil-media fl-Ewropa fejn xi rġiel Musulmani, kellhom problemi b’nisa Ewropej li kienu lebsin bikini fuq ramla f’pajjiżhom u saħansitra għajruhom u riduhom jitgħattew għax qalu li kienu qed joffendulhom il-morali tagħhom.

Għal darb’oħra, ir-risposta ta’ Sara kienet waħda ta’ persuna idealista, fejn tkellmet dwar l-importanza tal-libertà ta’ espressjoni u mod kif tilbes, li hi ddeskriviet bħala espressjoni tal-identità tal-individwu. Iżda li baqgħet ma rrispondietx, kien għaliex dawn il-każi qegħdin jiġru f’pajjiżi tal-punent u ġeneralment marbutin ma’ rġiel Musulmani. Sara baqgħet issostni l-punt li dawn l-inċidenti huma relatati ma’ kulturi ħżiena u nuqqas ta’ edukazzjoni ta’ ċerti pajjiżi partikolari, u m’għandhomx jiġu ġeneralizzati. Il-mistoqsija baqgħet li minkejja li mhux sew li tiġġeneralizza, il-fatt jibqa’ li każi bħal dawn u oħrajn anke agħar minnhom għadhom isiru.

Mhux sew li pajjiż Ewropew ibiddel l-użanzi u l-kultura tiegħu biex jakkomoda komunitajiet Musulmani

B’mod aktar frekwenti, il-media madwar l-Ewropa kollha qed tirrapporta każi fejn ħafna komunitajiet Musulmani li stabilixxew ruħhom f’numru ta’ pajjiżi, minflok addattaw l-użanzi u l-kultura tal-pajjiż li qed jgħixu fih, bħalma tagħmel Sara hawn Malta, numru ta’ komunitajiet Musulmani jippretendu, anke permezz ta’ dimostrazzjonijiet u protesti, li l-pajjiż jinbidel għalihom, u jakkomoda l-użanzi tagħhom, li ħafna drabi jmorru kontra l-mod tal-ħajja tal-pajjiż.

Dwar dan Sara, taħseb li f’ħafna minn dawn il-każi, ikun hawn ħafna informazzjoni li ma tkunx ingħatat b’mod ċar lin-nies, u li f’ħafna każi, bħal pereżempju t-tneħħija tal-kurċifissi fi skejjel Taljani, ma kinux Musulmani, iżda xi Taljani Ateji li talbu t-tneħħija tal-kurċifissi, iżda l-media ppuntat subgħajha lejn il-Musulmani. Skont Sara, il-biża’ li hawn fis-soċjetà ġejja min-nuqqas ta’ informazzjoni, filmati foloz u esaġerazzjonijiet, li jimlew moħħ in-nies kontra dak kollu li hu Musulman jew Għarbi.

“Jien personalment, m’għandi problema b’xejn; la qatt indħalt lil sħabi x’jieklu jew x’jilbsu. Jekk jien inħoss li m’għandix nagħmel xi ħaġa, ma nagħmiliex. Ħadd m’għandu d-dritt jimponi xejn fuq ħadd ieħor”.

Din hija l-opinjoni u l-mentalità ta’ Sara, persuna Musulana waħda li taħsibha b’mod vera liberali u tolleranti.

Għaldaqstant, il-mistoqsija u l-biża’ ta’ ħafna tibqa’ xorta waħda… kemm hawn oħrajn jaħsbuha bħal Sara?

La liebsa mqaċċat ħaqqha tiġi stuprata… u dawk il-gays kollha għall-mewt…

L-intolleranza lejn nies ta’ etniċità u sesswalità differenti u n-nuqqas ta’ rispett lejn in-nisa huma żewġ affarijiet deplorevoli li anke Sara Ezabe personalment tikkundanna. Hija, peress li twieldet u trabbiet Malta, pajjiż Ewropew, taħsibha bħall-maġġoranza tal-Maltin dwar ir-rispett li għandu jinġieb lejn in-nisa. Meta mistoqsija dwar kif taħsibha dwar l-omosesswali, Sara ma ħasbithiex darbtejn tgħid li la hemm l-imħabba bejn żewġ persuni, ħadd m’għandu d-dritt jiġġudika jew jippersegwita. L-ILLUM qajmet dan l-argument ma’ Sara minħabba l-fatt li f’ħafna pajjiżi Musulmani, bil-kulturi rispettivi tagħhom, l-omosesswali huma ppersegwitati u f’ċertu pajjiżi, bħalma anke ġie rrappurtat fil-media internazzjonali, uħud ġew saħansitra maqtula. Bħal fl-argumenti l-oħra li qajmet din il-gazzetta ma’ Sara, hija tat l-opinjoni personali tagħha, li hija kollha favur rispett, tolleranza u ugwaljanza.

Dan iqajjem daqsxejn ta’ dubji jekk fil-verità huwiex sew li Sara tkun kelliema f’isem il-komunità Musulmana kollha, għax sfortunatament, ftit ħafna minn dawn li qegħdin jgħixu fl-Ewropa ma jaħsbuha bħalha, jew iġibu ruħhom bl-istess mod.

Immaġina n-nies kollha, jgħixu ħajja ta’ paċi…

Il-mentalità ta’ “għix u ħalli lil min jgħix”, li għandha Sara, kieku jaħasra tiġi addotata minn kulħadd, irrispettivament minn reliġjon u kultura, żgur li ma jkunx hawn problemi razzjali fid-dinja. Ir-realtà hija iżda li la Sara u lanqas ħaddieħor fid-dinja, mhu qed jgħix f’din is-soċjetà utopika fejn kulħadd huwa tolleranti u jirrispetta lil xulxin.

Forsi Sara, bħal ħafna żgħażagħ oħrajn tal-età tagħha, qegħdin fit-triq it-tajba biex iwittu t-triq għal futur aktar tolleranti fejn il-kunċett ta’ multikulturaliżmu jaħdem vera. Il-problema li ddiskutiet magħha din il-gazzetta hija iżda, dwar is-sitwazzjoni preżenti, fejn il-persentaġġ ta’ nies li jaħsbuha bħalha, kemm Musulmani, kif ukoll ta’ reliġjonijiet oħrajn għadu żgħir, u l-każi ta’ intolleranza għadhom ħafna.

Forsi l-aħjar mod biex tingħalaq din l-intervista, b’rispett għall-idealiżmu paċifiku u tolleranti ta’ Sara Ezabe, ikun li tiġi kkwotata d-diska ‘imagine’, ta’ John Lennon, li f’silta minnha tgħid…

“Immaġina kieku m’hemmx pajjiżi

Mhux diffiċli li tagħmel hekk

Xejn li għalih toqtol jew tmut

U mingħajr reliġjonijiet ukoll

Immaġina n-nies kollha

Jgħixu ħajja ta’ paċi…

 

Tista’ tgħid li jien wieħed li noħlom

Imma miniex l-uniku wieħed

Nispera li xi darba tingħaqdu magħna

U d-dinja tkun ħaġa waħda…”

More in Intervisti