‘Min jgħid li jien ħalliel u korrott huwa giddieb kbir’ - Moggi

''Jien bqajt dejjem niġġieled għall-innoċenza tiegħi u nfatti, mal-medda tas-snin beda tiela' ż-żejt f’wiċċ l-ilma'' 

Imlaqqam bħala Lucianone, Luciano Moggi huwa wieħed mill-iżjed bnedmin kontroversjali fl-istorja tal-futbol. L-istorja tiegħu hija waħda paradossali hekk kif bħala diriġent, dejjem ħalla mpatt tajjeb mat-timijiet li kien jaħdem magħhom, kemm impatt barra l-grawnd u kemm fil-grawnd permezz tar-riżultati, u baqa' dejjem protagonist sas-sena 2006, iżda din id-darba kien seraq l-ewwel paġni tal-gazzetti b’mod ħażin għall-aħħar, permezz tal-iskandlu ta’ Calciopoli, li kien ixxokkja kemm lill-futbol Taljan iżda anke dak Ewropew.

Madankollu, mat-tim ta’ Juventus huwa laħaq il-qofol tiegħu fejn flimkien ma’ Antonio Giraudo u Roberto Bettega, magħrufin bħala t-‘Triade’, tefgħu lis-soċjetà Juventina fil-quċċata tal-futbol mondjali, hekk kif rebħu kull tazza possibli, inkluża anke t-Tazza Interkontinentali fl-1996. Huwa ngħaqad ma’ Juventus fl-1994, fejn kien rebaħ kwalunkwe kompetizzjoni li kien fiha. Matul is-snin li għamel mas-soċjetà minn Turin, huwa għen lil Juventus iqumu fuq tagħhom, mhux biss fil-grawnd iżda anke barra l-grawnd, speċjalment fil-lat ekonomiku. Kien hu l-moħħ wara t-trasferimenti ta’ Zinedine Zidane, kemm meta ġie mingħand Bordeaux u kemm meta telaq għal cifra impressjonanti biex mar ma’ Real Madrid. Ta’ min isemmi, li wara li telaq Zidane, huwa kien kapaċi jżomm lit-tim kompetittiv billi jakkwista plejers ta’ potenzjal li fil-futur komplew jiktbu l-istorja tal-istess klabb, fosthom Gianluigi Buffon, Lilian Thuram u Gianluca Zambrotta. Dam 12-il sena jokkupa dik il-kariga, sas-sajf tal-2006 fejn imbagħad kien żbroffa l-każ ta’ Calciopoli. F’dan il-każ, is-sentenza li nqatgħet, rat lil Juventus jiġu mneħħija minn żewġ kampjonati, dak tal-2004/2005 u anke dak tal-2005/2006 filwaqt li ġew relegati għall-kampjonat tas-Serie B, fejn kellhom saħansitra jibdew b’ammont ta’ punti mnaqqsa.

Minkejja dan kollu, ma jkunx ġust jekk ma nsemmux lil Moggi fil-pożittiv wkoll. Bħala plejer ma kellux xi karriera ta’ barra minn hawn, infatti meta ra li ma kienx raġjonevoli li jibqa' jilgħab mingħajr ma jitħallas, huwa ra futur fis-settur tal-iscouting.

Beda mat-tim ta’ Juventus fis-snin 70, fejn beda b’ħidma kontinwa sabiex iġib l-aqwa talenti ġewwa Turin. Fost il-plejers li rnexxielu jġib, insemmu lil Paolo Rossi, Claudio Gentile u Gaetano Scirea. Kollha ismijiet li kitbu kapitli importanti fl-istorja ta’ dan il-klabb.

Wara din l-esperjenza, huwa ngħaqad mat-tim ta’ Roma wara battibekk ma’ Giampiero Boniperti. Ma’ Roma baqa' jagħmel xogħol siewi fejn żamm lit-tim tal-kapitali fl-ogħla livelli tal-futbol Taljan.

It-tappa ta’ warajha, kienet ftit kilometri biss 'il bogħod, hekk kif huwa kien mar ma’ Lazio. Hawnhekk iżda, ma kellux esperjenza feliċi hekk kif huma kienu qegħdin fis-Serie B, filwaqt li kellhom ħafna problemi finanzjarji, biex b’hekk ma setgħux isaħħu l-iskwadra.

Il-kapitli ta’ Torino u Napoli, kienu kapitli ta’ xogħol importanti wkoll. Mar-rivali ta’ Juventus, huwa kellu żewġ esperjenzi, fejn fl-ewwel waħda kien kemxejn deludenti fejn ġieli m'għamilx akkwisti tajbin jew inkella ma rnexxielux jagħlaq xi trattattivi. Min-naħa l-oħra, fit-tieni esperjenza, huwa kien ħalla impatt ikbar hekk kif Torino kienu tim iżjed kompetittiv, fejn waslu t-tieni fil-Kampjonat Taljan wara Hellas Verona, rebħu l-Coppa Italia u saħansitra telgħu fil-finali tat-Tazza UEFA.

F’nofs dawn iż-żewġ avventuri, Moggi kien mat-tim ta’ Napoli ta’ Diego Armando Maradona. Miegħu wasal it-talent Brażiljan ta’ Careca, fejn flimkien ma’ plejers bħal Bruno Giordano u Diego Armando Maradona, rebħu t-Tazza UEFA tal-1989 u fl-istaġun suċċessiv, ittrijonfaw kemm fis-Serie A kif ukoll fis-Supercoppa Italiana.

Intant, bħala President Onorarju tal-Juventus Club DOC Vero Amore, Luciano Moggi, kien f'Malta bejn it-13 u l-15 ta' Mejju li għadda, fuq stedina tal-istess klabb immexxi mill-President Joseph Fenech, fejn kien akkumpanjat minn membri tal-familja tiegħu kif ukoll mill-eksplejer leġġendarju Franċiż ta' Juventus u tat-tim nazzjonali Franċiż, David Trezeguet.

 

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Meta kont żgħir, kien beda jogħġobni l-futbol iżda mal-ewwel indunajt li xogħli kien se jkun ieħor fil-futbol. Għamilt kors fl-amministrazzjoni tal-futbol u ftit wara dħalt fid-dinja tal-futbol bħala osservatur. Bdejt niskopri plejers tajbin u minn hemm bdejt nagħmel karriera fil-futbol.

Kont diriġent ma’ Roma. Irrakontalna l-esperjenza tiegħek fil-kapitali Taljana.

Kienet waħda mill-ewwel esperjenzi tiegħi, fejn qabel kont osservatur għal Juventus iżda mbagħad ġietni din l-opportunità. Minkejja li ma tantx konna mmorru tajjeb, irnexxieli nġib xi plejers tajbin bħal Bruno Conti fejn eventwalment irnexxielna niġu t-tielet post u anke nirbħu l-Coppa Italia.

Kont ukoll amministratur ma’ Torino, x’tgħidilna fuq din l-esperjenza?

Ma' Torino kienet esperjenza tajba oħra, fejn konna mingħajr flus iżda rnexxielna nagħmlu kampjonat importanti wkoll. Kellna ċans nirbħu l-kampjonat iżda ġejna t-tieni wara Verona, irbaħna l-Coppa Italia u tlifna l-finali tat-Tazza UEFA kontra l-Ajax, fejn ilqatna tliet lasti. Wara dik l-esperjenza, ingħaqadt ma’ Napoli, fejn kien hemm Diego Armando Maradona.

Immorru għall-esperjenza ma' Juventus. Il-kummenti tiegħek.

Ma' Juventus irbaħna kollox flimkien, saħansitra anke t-Tazza Interkontinentali. Kien hemm żmien fejn ekonomikament ma konniex b’saħħitna, fejn fost oħrajn kellna nbiegħu lil Zinedine Zidane lil Real Madrid, iżda madankollu bqajna kompetittivi.

Fost il-bosta plejers li int kont il-moħħ biex setgħu jiġu ngaġġati mit-tim li tiegħu int kont Direttur Sportiv, tista' ssemmielna xi wħud minn dawn?

Kien hemm ħafna, iżda fost oħrajn kont jien il-moħħ biex Diego Armando Maradona u Careca jingħaqdu ma' Napoli, u Zinedine Zidane, Pavel Nedved u Zlatan Ibrahimovic jingħaqdu ma' Juventus dejjem għal ftit flus biex imbagħad spiċċaw inbiegħu lil timijiet oħra kbar għall-miljuni kbar ta' Ewro.

Wara l-iskandlu ta’ Calciopoli, anke fil-ktieb tiegħek, bqajt issostni li inti innoċenti. Xi twieġeb għall-ħafna kritiċi u tgħajjir li taqla', fost oħrajn li int ħalliel u korrott u li jkunu ġejjin anke minn partitarji ta' Juventus għax skont huma kont int il-kaġun li l-Bianconeri kienu waqgħu fis-Serie B?

Min jgħid li jien ħalliel u korrott huwa giddieb kbir. Dan għall-fatt li min qara l-istorja u l-ktieb tiegħi, kulħadd jaf x’ġara. Jien bqajt dejjem niġġieled għall-innoċenza tiegħi u nfatti, mal-medda tas-snin beda tiela' ż-żejt f’wiċċ l-ilma. Jien qatt ma għamilt xejn biex ikolli iżjed poter.

Fiex tikkonsisti l-ħajja tiegħek illum?

Għadni nsegwi l-futbol sew, iżda mil-lenti ta' ġurnalist.

X’taħseb mill-problemi tal-imħatri fil-futbol?

Hija ħaġa barra minn postha, iżda ma naħsibx li hija l-problema prinċipali fil-futbol. Ma ninsewx, li fil-futbol hemm ħafna flus involuti llum il-ġurnata, anke bi skopijiet tajbin.

Liema hi l-aqwa skwadra ta' Juventus, dik li tagħha int kont Direttur Sportiv fil-passat riċenti jew dik ta’ issa?

Ma tistax tikkumparahom. Juventus tibqa' dejjem skwadra b’saħħitha, speċjalment kif rajna matul l-aħħar staġun, fejn mit-12-il post baqgħet tiela' sabiex rebħet il-Kampjonat tas-Serie A.

Il-messaġġ tiegħek lejn il-partitarji Juventini Maltin.

Napprezza li ħawn ħafna Maltin iżommu mal-Juventus, anke għall-fatt li ġewwa Turin, regolarment jitilgħu ħafna Maltin jaraw il-partiti ta’ Juventus. Inħeġġiġhom biex ikomplu jsegwu lil Juventus mill-viċin fejn nassigurahom li bl-iskwadra preżenti li hemm, is-suċċessi se jkomplu jaslu b'moti!

More in Intervisti