'Mhux vera li l-banek ma fdawniex…għax aħna m'għandniex bżonn iżjed nisselfu mill-banek'

Chris Said f'intervista mal-ILLUM qal ukoll li “Jekk xi ħadd wara għaxar snin jiddeċiedi li l-flus iħallihom bħala donazzjoni, hemmhekk irridu nsemmu ismu” u li bħala garanzija hemm il-kwartieri li hu stmat li jiswa €17-il miljun

Sadanittant, il-Partit Laburista qed jakkuża lill-Partit Nazzjonalista b’nuqqas ta’ trasparenza dwar l-iskema taċ-ċedoli. “Il-PN, fejn jidħol il-finanzjament tiegħu ħadd ma jista’ jipponta subgħajh lejh, għax kieku kien jagħmel deals illegali, mhux qiegħed fis-sitwazzjoni li jinsab fiha llum. Il-partit għandu self leġittimu mal-banek li akkumula minħabba l-bini tad-dar ċentrali u t-telf li kien qed isir minn NET TV. Irnexxielna nnaqsu l-ispejjeż bir-ristrutturar qawwi, u naqqasna l-ħaddiema. Kien imiss il-pass li nħallsu d-dejn.”

Said qal ukoll li mhux veru li l-banek ma fdawhomx kif qed jingħad, “din hi ħrafa li qed jgħidha l-Partit Laburista. L-ewwel ħaġa, il-Partit m’għandux għalfejn jissellef mill-banek għax m’għadux jagħmel telf wara r-ristrurazzjoni li kelli sehem fiha jien meta kont segretarju ġenerali.  Aħna qed nisselfu biex inħallsu d-dejn mal-banek.

“Il-banek iżommulna interessi għoljin, għalhekk l-iskema qiegħda biex il-partit iħallas id-djun u jiffranka mill-interessi għoljin mill-banek, u minflok, tagħti 4% imgħaxijiet lill-partitarji li jiddeċiedu li jisilfu l-flus lill-Partit u jorbtuhom għal 10 snin.”

Chris Said qal li hi gidba min jgħid li dan is-self qed isir biex idur mal-liġi tal-finanzjament tal-partiti. “Il-liġi stess taħseb għal dan is-self. Jekk xi ħadd wara 10 snin jiddeċiedi li l-flus jagħtihom bħala donazzjoni lill-Partit, hemmhekk irridu nsemmu ismu għax hekk hemm fil-liġi.”

Mistoqsi jekk il-flus li qed jisselfu humiex garantiti, Chris Said qal li l-partit kien bil-għaqal u xtara proprjetà, u mhux ħadha lill-poplu bħal fil-każ tal-Partit Laburista, u għandu każini li jiswew miljuni, u hawn semma anke l-kwartieri, li huma stmati li jiswew €17-il miljun, “u dawn huma garanzija għall-flus li qed isellfuna n-nies.” Said qal li hu ma jafx min huma n-nies li qed isellfu flus lill-partit, “iżda l-indikazzjonijiet huma li huma n-nies normali li jħossu li għandhom jgħinu lill-Partit b’dan il-mod u fl-istess ħin jieħdu xi ħaġa lura wkoll.”

 

More in Intervisti