‘Il-vuċi tar-Renju Unit fl-UE mhix b’saħħitha daqs dik tal-Ġermanja u Franza’ - Jon Craig (SkyNews)

Il-korrispondent ta' Sky News jitkellem mal-ILLUM

F’intervista mal-ILLUM, il-korrispondenet politiku ewlieni ta’ Sky News, Jon Craig, qal li laqgħat bħalma huma dawk ta’ waqt iċ-CHOGM, jistgħu jidhru pwerili u bla sustanza għal xi pajjiżi, iżda jservu ta’ okkażjoni importanti għall-pajjiżi ż-żgħar.

Craig ikkwota l-Prim Ministru Ingliż meta saħaq fuq l-importanza li tingħata biżżejjed għajnuna lill-pajjiżi żgħar, speċjalment il-gżejjer, bħalma hi Malta. Dan anke fid-dawl tal-fatt li l-gżejjer iż-żgħar huma l-iktar li jiġu affetwati mit-tibdil fil-klima.

Spjega li din, fuq kollox hija okkażjoni tajba biex il-Presidenti u l-Prim Ministri ġodda tal-pajjiżi, jiltaqgħu ma’ mexxejja oħrajn, bħal mhu qed jiġri fil-każ tal-Prim Ministru l-ġdid tal-Kanada, Jason Trudeau u Malcolm Turnbull tal-Awstralja.

‘Qed nirrealizzaw li l-attakki terroristiċi jistgħu jseħħu kullimkien’

Mistoqsi jekk verament jemminx li se joħroġ xi ħaġa ta’ sustanza mil-laqgħat tal-Commonwealth, il-ġurnalist qal li, “xi ħaġa ta’ ġid joħroġ żgur, speċjalment fejn jidħol terroriżmu.”

“L-attakk terroristiku fi Franza biddel kollox. Qed nirrealizzaw li l-attakki terroristiċi jistgħu jseħħu kullimkien, anke f’postijiet turistiċi,” żied jgħid Craig. “Kull pajjiż li qed jattendi ċ-CHOGM, b’xi mod qed jibża’ minn xi attakk, u għalhekk nemmen li fid-diskussjoni żgur se jissemma t-terroriżmu.”

Dwar dan, semma kif anke l-President Franċiż, Francois Hollande għamel mezz biex jattendi minkejja li l-ġimgħa d-dieħla hemm summit importanti ieħor f’Pariġi. 

Staqsejnih ukoll dwar l-aħbar li l-Prim Ministru Ingliż David Cameron, ħabbar li se jkun qed iniedi unit apposta biex jindirizza l-problema tal-estremiżmu u t-terroriżmu internazzjonali u jekk jaħsibx li din hija deċiżjoni għaqlija.

“Tista’ targumenta li jekk ir-Renju Unit iniedi kampanja kontra l-Istat Iżlamiku, tinħoloq theddida fuq artna stess,” qal Craig. Iżda skontu, David Cameron jirraġuna li ma tistax tibqa’ ma tagħmel xejn quddiem it-theddid, u li quddiem dan il-piż, ir-Renju Unit irid iqum biex jgħin lill-alleati tiegħu. “Dan huwa wieħed mill-iktar dibattiti jaħarqu li għaddej bħalissa fir-Renju Unit.”

‘Is-sigurtà fir-Renju Unit żdiedet immens’

Jon Craig spjega li mill-attakki ta’ Pariġi, hemm biża’ u inkwiet kbir fost iċ-ċittadini tar-Renju Unit, speċjalment f’postijiet bħal Londra. Dan għax hemm il-biża’ li l-Ingilterra jkun il-pajjiż li jmissu jkun il-vittma tat-terrur. 

“Is-sigurtà fir-Renju Unit żdiedet immens. Wara kollox, kellna attakki terroristiċi f’Londra fil-passat,” saħaq Craig waqt li rrefera għall-attakk tas-7 ta’ Lulju 2005, meta militanti estremisti wettqu serje ta’ attakki fiċ-ċentru ta’ Londra. Dakinhar kienu tilfu ħajjithom 30 persuna u mas-700 oħrajn indarbu.

Spjega li s-sigurtà hija partikolarment stretta fil-bini tal-Parlament u f’uffiċini tal-Gvern.

Ma setax jonqos li ma’ korrispondent politiku mir-Renju Unit, ma nistaqsux dwar ir-referendum li Cameron mistenni jressaq sa qabel tmiem is-sena 2017.

Skont Craig, il-Prim Ministru Ingliż kien qed jittama li fis-Summit tal-Unjoni Ewropea li se jkun qed isir fis-17 ta’ Diċembru, ikollu ċans jiddiskuti negozjati ġodda bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea.

“Iżda minħabba l-fatt li l-mexxejja Ewropej huma partikolarment ikkonċernati bil-problema tat-terroriżmu, hemm ċans kbir li n-negozjati ġodda lanqas biss jissemmew,” saħaq il-ġurnalist. Spjega li hemm mexxejja Ewropej li jħossu li hemm kwistjonjiet iktar importanti li għandhom jiġu diskussi milli r-relazzjoni tar-Renju Unit mat-tmexxija Ewropea, partikolarment il-problema tal-immigrazzjoni u t-terroriżmu.

‘Il-vuċi tar-Renju Unit fl-UE mhix b’saħħitha daqs dik tal-Ġermanja u Franza’

Għal Jon Craig dan kien it-tielet CHOGM li attenda għalih, u fil-karriera tiegħu kellu ċ-ċans jattendi għexieren ta’ laqgħat internazzjonali.

“Il-midja fir-Renju Unit hija ewro-xettika ħafna,” spjega Criag, “kważi kważi għalhekk inħobbu nattendu kull summit li jkun hemm relatat mal-Unjoni Ewropea.”

Finalment staqsejna dwar kemm jaħseb li r-Renju Unit għandu vuċi fl-Unjoni Ewropea, meta Jon Craig għażel li jwieġeb; “bla dubju, m’għandniex vuċi daqs Franza u l-Ġermanja!” 

More in Intervisti