Kriżi fl-Isptar Mater Dei? Xi kriżi hi? (L-intervista sħiħa ma' Chris Fearne)

Fl-intervista Fearne jitkellem u jwieġeb bosta mistoqsijiet u akkużi tal-Oppożizzjoni fuq il-qasam tas-saħħa

Ftit kien hawn mumenti fl-istorja politika riċenti li matulhom is-servizz tas-saħħa ma kienx f’nofs kontroversja u diskussjoni politika taħraq. Jekk ma jqumux kwistjonijiet ta’ ffullar, iqumu kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ mediċini. Jekk mhux ta’ mediċini, jqumu kwistjonijiet ta’ konkos u jekk mhux dawn, iqumu dibattiti ma jispiċċaw qatt ta’ x’ġara u ma ġarax fl-istorja tal-bini tal-Isptar Mater Dei. Fi ftit kliem, is-saħħa huwa settur li dwaru, il-polemiċi ma jieqfu qatt.

U bħalissa mhux b’inqas. Fil-fatt, kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-unjins tat-tobba u infermieri qed jilmentaw li dan is-Sajf kien wieħed mill-agħar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ffullar u pazjenti fil-kurituri, bl-ilmenti saħansitra jaslu għand is-sit illum.com.mt li kien ippublika kummenti ta’ żagħżugħ dwar ommu li tħalliet tieħu l-kura fil-kuritur tal-Isptar. Iżżid ma’ dan, hemm l-akkużi tal-Oppożizzjoni li l-Gvern qed jippolitiċizza s-settur b’indħil f’min jidħol f’dar tal-anzjani u b’Kap Eżekuttiv li skont il-PN, l-unika kwalifika li wasslitu fil-pożizzjoni, huwa l-fatt li hu Laburist. 

L-ILLUM tkellem mas-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne u l-intervista bdiet mal-ewwel fuq l-iffullar fl-Isptar Mater Dei. X’inhu jiġri? Għalfejn dan is-sajf kien hemm din il-problema? U x’qed jagħmel il-Gvern biex jaċċerta li din ma terġax tiġri? Fearne beda billi fakkar kif il-viżjoni tal-Gvern f’dan il-qasam hija għal ħames snin “imma wieħed xorta irid iżomm f’moħħu li d-domanda qed tikber, hemm iktar servizzi u servizzi aħjar u l-popolazzjoni anzjana dejjem qed tiżdied”. Dwar dan, Fearne fakkar kif minn previżjonijiet għas-snin li ġejjin kollox jindika li mit-18%, bħalissa l-popolazzjoni anzjana (65+) se tiżdied għal 25% sal-2030 u tkompli tiżdied fis-snin ta’ wara. “Apparti minn hekk wieħed ma jistax jinsa wkoll li pajjiżna għandu wkoll il-pressjoni ta’ eluf kbar ta’ turisti, l-aktar fis-sajf. Biss biss, is-sena l-oħra kellna kważi 14-il miljun lejl li t-turisti qattgħu f’pajjiżna.” Huwa jgħid li l-mira tal-Gvern hi li sal-2020, il-pajjiż ikun żied is-sodod fl-isptarijiet b’500.

Żiedet u naqqset in-numri mingħajr ma kkunsidrat diversi varjazzjonijiet, inkluż li numru ta’ anzjani li jkunu qed jistennew fuq il-lista, sfortunatament imutu

Imma qabel ma jibda jitkellem dwar il-proġetti, nwaqqfu naqra u nieħdu sekondi u snin lura. Filwaqt li r-raġunijiet li ġab dwar għalfejn hemm l-iffullar jistgħu jidhru bħala aċċettabbli, nfakkru li meta l-Partit Laburista kien fl-Oppożizzjoni kien idoqq diska ferm differenti. Dak iż-żmien il-midja tal-PL kienet iċċempel lin-nies u tieħu filmati ta’ kurituri mimlijin pazjenti, imbagħad kienu jagħmlu konferenza biex jagħtu ftit iktar kulur u jitkażaw bil-Gvern Nazzjonalista. Ma niftakarx lill-PL jitkellem dwar turisti u poplazzjoni li qed tixjieħ. Allura l-Gvern tal-lum qed jipprova juża l-istess kejl tal-PN biex jiġġustifika n-nuqqasijiet tiegħu? 

“Le, anzi”, sostna Fearne, “il-PN, bena sptar iżgħar u kien jgħid li l-Isptar kien qed jaqdina sew. Minflok jammettu l-problema, Gvern Nazzjonalista kien jgħid li t-tobba mhux qed jutilizzaw is-sodod sew u li fil-fatt kien il-ftehim kollettiv, li ffirma Gvern Nazzjonalista stess, li ma kienx qed iħallihom jużaw is-soddod sew. Il-PN ma kellux soluzzjoni u waħħal fit-tobba, ara aħna, bil-maqlub. Aħna qed ngħidu li għandna bżonn 500 sodda u dawn ma tfaqqax subgħajk u ssibhom. Għalhekk f’Mater Dei bħalissa qed jinbena blokk b’68 sodda ġdida, telgħu l-ewwel żewġ sulari, is-sular kliniku lest u fl-aħħar ta’ din is-sena, din il-blokka se tkun lesta biex tilqa’ n-nies. Dan il-bini se jkun qed jintuża bħala l-Medical Admissions Unit, jiġifieri l-post li fih tistenna, minflok f’kuritur. Sal-aħħar tas-sena l-Isptar Mater Dei se jkollu għalhekk 299 sodda. Hekk qed insolvuhom aħna l-problemi, bil-fatti”.

Fearne ikompli jiddefendi t-‘track record’ tal-Gvern fil-qasam u jfakkar kif sa nhar l-Erbgħa, se tkun seħħet il-migrazzjoni kollha lejn l-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. 

Imma dan proġett tal-Gvern Nazzjonalista, fis-sens li l-Isptar tal-Onkoloġija mhux xi idea tal-Gvern preżenti. Fuq dan il-punt, Fearne ifakkar kif għalkemm il-bini beda taħt Gvern Nazzjonalista “ix-xogħol tant waqa’ lura, li konna se nitilfu €50 miljun f’fondi Ewropej u dan apparti li l-Gvern preżenti kellu jwaqqaf kuntratt ta’ miljuni f’apparat li malli kien se jibda jintuża, kien diġà se jkun ‘outdated’. Dan il-Gvern ħadem kemm felaħ biex il-flus ma jintilfux u biex il-makkinarju jkun tal-aqwa kwalità.”

Akkuża 1 – Il-Gvern bi prijoritajiet ħżiena fil-qasam tas-saħħa

Ftit ġimgħat ilu, l-kelliema tal-PN għas-Saħħa Claudette Buttigieg akkużat lill-Gvern li fil-qasam għandu prijoritajiet ħżiena. Aktar minn hekk, il-PN akkuża lill-Gvern li qed idaħħal anzjani fid-djar tal-anzjani bi preferenzi u skont jekk ikunux jgħixu fid-distretti ta’ ċerti ministri. Fearne kif iwieġeb għal dawn l-akkużi? 

“Li dawn l-akkużi ġejjin mill-istess partit li ħoloq il-problemi ta’ ffullar, hija naqra inkredibbli” sostna s-Segretarju Parlamentari li fakkar ukoll kif il-ġimgħa ta’ qabel, Buttigieg kienet qalet li kien hemm 451 anzjani jistennew biex jidħlu f’dar. “Din hija ċifra kompletament żbaljata. Fil-fatt hemm 81, u qatt ma kien hemm in-numru li qalet Buttigieg”.

Allura, x’qed jgħid eżatt Fearne, li l-kelliema Nazzjonalista qed tivvinta ċ-ċifri minn żnieda?  “Le, rat ir-rapport dwar l-Isptar li hi qalet li baqa’ sigriet meta dan mhux il-każ u żiedet u naqqset in-numri mingħajr ma kkunsidrat diversi varjazzjonijiet, inkluż li numru ta’ anzjani li jkunu qed jistennew fuq il-lista, sfortunatament imutu. Dan kien żball ta’ Buttigieg, flimkien ma’ numru ta’ żbalji oħrajn li ħadet”. 

Ma tafx li ‘day case’ hija operazzjoni

Fearne jkompli jsemmi dawk li jsejjaħ “żbalji” ta’ Buttigieg. “Qalet li saru 7,000 operazzjoni biss meta fil-fatt saru 23,000”. Huwa jgħaddi kopja tar-rapport msejjaħ ‘Hospital Activity Report’  li jkopri l-ewwel sitt xhur tas-sena u li l-PN użaw biex jikxfu dak li huma ddeskrivew bħala kriżi fil-qasam tas-saħħa. 

“Day cases huma operazzjonijiet ukoll, jiġifieri Buttigieg għaddet is-7,000 pazjent ‘elective’ mill-lista tan-nies li daħlu l-Isptar, u ma nkludietx l-14,583 pazjent li daħlu għamlu operazzjoni minuri u ħarġu”. 

Imma jekk kellna nemmnu l-verżjoni ta’ Fearne li Claudette Buttigieg ma kinitx taf li day cases huma operazzjonijiet, ma tantx jirrifletti sabiħ fuq il-kelliema tal-PN fil-qasam. 

Inkun inkwetat kieku jien pazjent fl-isptar u Buttigieg tkun Ministru tas-Saħħa

“Din hija l-persuna li l-PN irid jagħmel Ministru tas-Saħħa. Jekk Buttigieg trid tikkritikana u tuża ċifri, l-ewwel trid tifhimhom. Qalet ukoll li din hija l-ewwel sena li fis-sajf kien hemm pazjenti fil-kurituri. Buttigieg suppost taf li fl-2011 u fl-2012 kien hemm 2,500 pazjent kull sena fil-kurituri, allura li tgħid li morna għall-agħar meta illum hemm biss 8 pazjenti hija nqra inkredibbli.”

Jiġifieri x’qed jgħid Fearne? Qed jgħid li Buttigieg mhix ‘fit for purpose’? Mhux kapaċi tagħmel Ministru tas-Saħħa tajjeb? Mal-ILLUM Fearne iwieġeb hekk: “Ibbażat fuq l-interpretazzjoni tal-figuri fir-rapport, inkun inkwetat kieku jien pazjent fl-isptar u Buttigieg tkun Ministru tas-Saħħa.”

Akkuża 2 – il-Kap Eżekuttiv tal-Mater Dei Ivan Falzon mhux kwalifikat

Fil-mira tal-kritika tal-PN matul din il-ġimgħa kien hemm il-Kap Eżekuttiv ta’ Mater Dei Ivan Falzon. L-Oppożizzjoni akkużat lil Falzon, persuna magħżula minn dan il-Gvern biex tmexxi l-Isptar li mhux kwalifikat, la fil-qasam tas-saħħa u lanqas fil-maniġment. Jekk din l-akkuża hija minnha, hija pjuttost serja.

Minkejja li ma jurix dokumenti li jipprovaw il-kuntrarju, Fearne jispjega kif minn mindu sar Kap Eżekuttiv, Falzon sar progress kbir fin-numri u fil-kwalità tas-servizz tas-saħħa. “Mela apparti li solvejna l-problema ta’ mediċini ‘out of stock’ fl-ispiżeriji, solvejna wkoll il-problema tal-‘out of stock’ fl-isptar. Aħna sibna sitwazzjoni xokkanti fejn kien hemm 200 mediċina out of stock f’Mater Dei, li issa niżlu għal erbgħa, in-numru ta’ operazzjonijiet meta tqabbel l-ewwel sitt xhur tal-2015 mal-istess perjodu fl-2012 żdiedu b’4,000, u l-waiting list nieżla, anke jekk l-ammont ta’ nies li jużaw is-servizz qed jiżdied. 

Il-lista ta’ stennija għall-katarretti niżlet minn 5,700 għal 1,500 persuna, l-istennija għall-MRI niżlet minn sentejn għal xahrejn, tal-kataretti minn tlieta jew erba’ snin għal erba’ xhur, l-EMG minn sentejn għal tliet xhur u fl-emerġenza, il-ħin ta’ stennija niżel minn 13-il siegħa għal erba’ siegħat. Dan apparti li daħħalna 138 infermier, tobba u qwiebel ġodda u ftit tal-ġimgħat ilu daħħalna 100 infermier ġdid jaħdmu fl-isptar. Ma’ dan, taħt it-tmexxija ta’ Falzon tjiebet il-kwalità bir-rata tad-dħul mill-ġdid ta’ pazjenti wara ftit ġimgħat tinżel b’20%”.

Fearne jgħid li milli jidher, il-kelliema Nazzjonalista għas-settur tas-saħħa għandha struzzjonijiet biex tkun negattiva u “toħloq problemi li ma jeżistux”. Huwa qal li “r-riżultati juru kif Ivan Falzon huwa Kap Eżekuttiv li qed jagħmel suċċess”. 

Imma għal dawk li bħalissa ommhom jew membru tal-familja tagħhom qiegħed jieħu kura fil-kuritur, dawn iċ-ċifri ftit ifissru. Fearne jammetti dan għalkemm jgħid li l-Gvern qiegħed jaħdem biex isolvi l-problemi li qed jiffaċċja fil-qasam. 

Il-ħaddiema Għawdxin għandhom għaliex jinkwetaw?

Lejn l-aħħar tal-intervista d-diskors dar fuq il-proġetti li tħabbru ftit xhur ilu mill-Gvern li se jfissru li l-Isptar San Luqa u dak t’Għawdex se jkunu mmexxija mill-privat. Minkejja li l-pjanijiet għal sptar tar-rijabilitazzjoni, it-titjib fl-isptar ta’ Għawdex u l-miġja ta’ Barts huma aħbarijiet pożittivi, l-infermieri, tobba, qwiebel u ħaddiema fl-isptar Ġenerali t’Għawdex, għandhom għaliex jinkwetaw? U s-servizz se jibqa’ b’xejn?

Fearne jassigura li mhu se jkun qed jintalab l-ebda ħlas, “se nżidu l-faċilitajiet u l-opportunitajiet għall-ħaddiema u qed ngħidu li l-impjieg tal-ħaddiema se jibqa’ mal-Gvern, il-paga mill-Gvern u l-ftehim kollettiv jibqa’ fis-seħħ kif inhu illum. Li se ndaħħlu ħlas jew li se nnaqqsu mill-ħaddiema huma kollha qlajjiet li qed jgħiduhom nies li jafu li qlajjiiet.”

“Bil-Barts Medical School biss, se jkunu ġġenerati €10 miljuni fl-ekonomija Għawdxija u bħalissa ninsabu wkoll fl-istadju avvanzat mal-‘preferred bidder’ biex fiż-żmien li ġej se nkunu qed  ninvolvu l-unjins u l-ħaddiema. Nittamaw li fiż-żmien li ġej nilħqu l-ftehim meħtieġ.”

Ir-riżultati juru kif Ivan Falzon huwa Kap Eżekuttiv li qed jagħmel suċċess

“Il-kunċett kollu”, kompla jgħid Fearne, huwa li l-pazjent jibqa’ jieħu servizz mingħajr ħlas u ta’ eċċellenza, filwaqt li jidħol il-kunċett ta’ sostennibbiltà “għax biex inżommu s-settur tas-saħħa sostenibbli, ridna nkunu kreattivi. Għalhekk qed inħarsu lejn it-turiżmu mediku”. 

Fearne qal li l-Gvern qed iżid il-faċilitajiet, is-servizzi offruti u qed jattira lejn pajjiżna ismijiet fil-qasam li huma ta’ ċerta kalibru. “It-turiżmu mediku se jfisser li l-privat se jiffinanzja €200 miljun f’kapital, se jibni l-isptarijiet u mhux se noħorġu sold. Se jagħmel il-flus billi juża l-ispazju eċċessiv għal turiżmu mediku. 

Irrimarkajt li biex il-privat jagħmel tajjeb għal €200 miljun, jeħtieġ li jkun hemm ħafna spazju eċċessiv b’Fearne ifakkar kif  b’kollox se jkun hemm 450 sodda bi ħlas minn persuni li jiġu pajjiżna għall-kura. “Se jkun hemm 100 sodda għat-turiżmu mediku f’Għawdex, apparti t-350 għall-pubbliku, 100 mill-180 oħra f’St. Lukes u 250 sodda fi ‘trauma centre’ u sptar akut. Nikkalkulaw li f’ħames jew sebgħa snin ikollna bejn it-8,000 u l-10,000 student mediku fis-sena. Dan apparti li rbatna lill-privat li dejjem ikollu tagħmir modern. Dawn il-fatturi kollha se jkunu qed jiggarantixxu servizz u sptar ta’ kwalità għolja li minnhom jibbenifika l-pazjent u l-ħaddiem”. 

More in Intervisti