“Li kieku l-Partit Nazzjonalista implimenta l-proposti li qed jitwettqu llum, kien jevita ħafna mill-maltemp li għadda minnu'' – Franco Debono

Fatti u kurżitajiet dwar Franco Debono f’intervista esklussiva

ritratt meħud minn Chris Mangion
ritratt meħud minn Chris Mangion

Iltqajt ma’ Franco Debono fl-uffiċċju tiegħu l-Belt u dik li suppost kellha toħdilna siegħa spiċċajna nitkellmu u niddiskutu fuq kollox għal sagħtejn u nofs sħaħ. Ikolli nammetti li Franco hu persuna mill-aktar interessanti, persuna għani b’intelliġenza kbira u b’filosofija intensa, u mhux politiku biss.

 

  • Sirt naf Franco minn diversi aspetti; aspett politiku, aspett uman, aspett filosofiku, spiritwali u anke l-aspett tiegħu bħala persuna li għandu delizzju li naħseb ftit jafu bih - t-trobbija tal-kanarini. Staqsejtu jekk hux nassab ukoll jew kaċċatur u bid-daħka qalli, “le jien inrabbi kanarini glosters li huma domestiċi u peress li ma jgħixux fis-selvaġġ ma tistax tonsob għalihom. Pero kont għamilt proposta f'dan il-kuntest fil-Parlament biex il-Barbaġann jerġa' jiġi ntrodott fis-selvaġġ u nemmen li dan l-proġett għad jitwettaq.”

 

  • Fattur interessanti u kurjuż hu li l-ġurnata tad-9 ta’ Marzu hi sinonima wisq miegħu. Twieled fid-9 ta’ Marzu 1974; fid-9 ta’ Marzu 2000 ħa l-warrant ta’ avukat; fid-9 ta’ Marzu 2008 (l-għada tal-votazzjoni) kienet il-ġurnata li gie dikjarat elett fil-Parlament; u fid-9 ta’ Marzu 2013 sehhet bidla fl-amministrazzjoni tal-pajjiz b'telfa kbira ghal PN li kienet tirrifletti tista tgħid fedelment il-kritika li kien qed jagħmel Franco fl-aħħar sena tal-leġislatura minħabba riformi li ma ġewx implimentati.

 

  • Qabel bdejna l-intervista bażata fuq il-politika, riforma tal-ġustizzja u riforma kostituzzjonali tani ktejjeb li kien ippubblika fl-2012, ktejjeb bl-isem ta’ ‘Almond Blossoms’ – A Haiku Collection li fih mal-mitt haiku u essay filosofiku qasir b'daħla ta' Fr Peter Seracino Inglott. Haiku fil-fatt hi poeżija Ġappuniża bażata fuq tliet frażi li ma jistax ikollhom aktar minn 17-il kelma (5-7-5). Huma speċi ta’ ħsibijiet profondi dwar l-eżistenza u hawn joħroġ il-moħħ filosofiku ta’ Franco li jkolli nammetti li x’ħin jibda jitkellem dwar ġustizzja u liġijiet ma jieqaf qatt u li kelli nikteb dak kollu li qalli u dak kollu li bgħatli permezz tal-e-mail kont nispiċċa nimla l-ILLUM sal-aħħar tas-sena.

 

  • Meta staqsejtu jekk jistenniex xi forma ta’ apoloġija mill-Partit Nazzjonalista  bi trankwillita kbira weġibni, “Inħalli l-istorja tkompli tgħaddi l-ġudizzju tagħha kif diġa bdiet tgħaddi. Jien inħares 'l quddiem. Nemmen li ħadd mhu perfett u  kulħadd jitgħallem mill-iżbalji tiegħu. Riċentament kemm Simon u kemm Joseph irrikonoxxew pubblikament li kellhom ireġġgħu l-arloġġ lura ċerti deċiżjonijiet jeħduhom differenti.  Jien għandi għal qalbi ħafna l-ġid tal-pajjiż.”

 

  • Interessanti wkoll li nzerta li t-teżi biex laħaq avukat kienet dwar 'The Constitutional Implications of Party Organisation and Party Finance' (1999), li tittratta l-istess suġġetti li tant tkellem dwarhom fil parlament - r-rwol ta' deputat, l-istruttura interna tal-partiti u fuq kollox liġi dwar il-finanzjament tal-partiti li aktar min għaxar snin wara li kitibha, issa ghaddejja mill-Parlament.

 

  • Naħseb kulħadd jiftakar b’dik il-famuża Form 2C tas-sekondarja  San Alwiġi li kisbet notorjeta bl-issue taċ-ċertifikat!   Imma qisha xorta kienet destinata li tissemma b'mod jew ieħor – minnha ħarġu  l-Prim Ministru Joseph Muscat, il-ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis u Franco Debono d-deputat li ħoloq rivoluzzjoni fil-Parlament waqt li mbotta ir-riformi tal-ġustizzja! Inkomplu!

 

  • Fis-16 ta’ Mejju 2012 Franco Debono fil-parlament kien qal hekk, ''Sur President, ejja nemendaw il-Kostituzzjoni. Nixtieq ngħix f’pajjiż fejn ikun hawn aktar rispett lejn il-Kostituzzjoni u fejn ikun hawn aktar għarfien tal-Kostituzzjoni. Jekk tmur hemm barra u tistaqsi lin-nies x’inhi l-Kostituzzjoni ħafna minnhom lanqas jgħidulek. Ossessjoni bil-partiti għandna! Nixtieq ngħix f’pajjiż fejn il-Kostituzzjoni hija aktar rispettata bħala parti mill-identità nazzjonali tagħna. Nixtieq ngħix f’pajjiż fejn dan il-Parlament ikollu aktar dinjità u d-dinjità ma tiġix biss bil-bini tal-Parlament! Jien naqbel mal-bini ta’ Parlament. Għaliex le? Però jien nemmen li waqt li qed nibnu Parlament għandna nkunu qed nemendaw ukoll l-istanding orders u nippreparaw liġi għall-awtonomija tal-Parlament.''
  • Tliet snin eżatt wara Debono nħatar bħala chairperson għall-għarfien tal-Kostituzzjoni mill-istess partit li dak iż-żmien kien fl-oppożizzjoni fejn illum qed jiggverna minn dak il-Parlament li nbena ġdid. “L-issue tiegħi qatt ma kienet l-amministrazzjoni tal-partit iżda l-proposti li għamilt fejn xtaqt nara riforma fil-liġi, ġustizzja u kostituzzjoni. Li nista ngħid hu li kieku ġew implimentati dak iż-żmien kien igawdi l-PN u l-poplu u jien qatt ma kont nivvota kontra l-PN.”

 

  • Staqsejtu għaliex il-Partit ma kienx taha kasu dak iz-żmien li kien qed jipproponi mijiet ta' proposti fil-ġustizja, fil-finanzjament tal-partiti, proposti għal titjib fis-south partikolarment B'Bugia u Mxlokk, l-lokalitijiet li minnhom ġie elett u qalli “Nahseb dik d-domanda trid issir lil partit jew lil xi individwi fil-partit dak iż-żmien. ir-riformi li kont qed nipproponi mhux biss kulħadd jaqbel magħhom b'mod ġenerali iżda kienu kompletament konformi mal-kredu politiku tal-partit. Kieku ġew implimentati kienu jkunu ta' benefiġġju għal partit.”

 

  • Ma stajtx ma nistaqsihx jekk jimmisjax il-fatt li mhux membru parlamentari, “nimmissjah iva l-parlament, ghax l-politika qeghda fija u passjonat dwarha kif jaf kulħadd,  iżda assigurajt ruħi li għidt dak li kelli ngħid meta kont fil-parlament, u li kieku qiegħed illum fil-Parlament m'għandix xi nżid mal-proposti li kont ghamilt. Assenti mill-Parlament pero' preżenti u rilevanti fir-riformi peress illi r-riformi tal-ġustizzja, l-liġi tal-finanzjament tal-partiti u riforma kostituzzjonali illum huma fiċ-ċentru tad-dibattitu politiku.”

 

 

  • Qabel tlaqt waqaft u staqsejtu l-mistoqsija li ma setax jaħrab minnha – Franco se jerġa joħroġ għall-elezzjoni? “Kieku nkun intervistat xi darba u din il-mistoqsija ma toħroġx,” qalli Franco bid-daħka filwaqt li ħares il-fuq bħal beda jaħseb x’se jwieġeb eżatt, “M'ilux xi hadd qalli allura jekk l-proposti tiegħek għaddejjin mill-Parlament int kif mhux qiegħed fil-parlament? Nistqarr tħoss għafsa ta' qalb pero għidtlu li  kulma kelli ngħid għidtu fil-parlament u l-importanti li issa r-riformi qed isiru għal ġid tal-poplu.  Biss pero' ta’ 41 sena ma nista neskludi xejn ovvjament. Jien għand għal qalbi ħafna l-ġid tal-pajjiż u nikkontribwixxi b'kull mod li nigi msejjah li nagħmel dan. Pero bħalissa apparti naħdem fuq dawn r-riformi, qed nsib ħin ukoll għal ħafna affarijiet li qabel ma kellix cans minħabba l-politika.''

 

L-Intervista sħiħa fuq il-ħarġa tal-ILLUM

 

 

More in Intervisti