“Ma narax Laburisti u Nazzjonalisti, jien naħdem għal kulħadd”

It-tħejjijiet għall-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE, fl-2017 bdew jirrankaw sew. Malta – l-iżgħar pajjiż ħa jieħu s-siġġu f’ras il-mejda tal-UE, u għal sitt xhur bejn Jannar u Ġunju, turi x’għandha x’toffri għall-UE – billi tfassal l-aġenda leġiżlattiva tal-Kunsill. L-ILLUM iltaqa’ ma’ Ian Borg, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u l-Presidenza tal-2017.

Il-ħajja politika ta’ Borg tista’ tgħid bdiet bħala Sindku ta’ Ħad-Dingli – fejn ġibed l-voti ta’ Laburisti, iżda wkoll tan-Nazzjonalisti speċjalment fl-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali – “L-isfida hija li żżommhom fl-Elezzjoni Ġenerali – u naħseb li xi wħud żammejthom. Jien sinċerament meta niltaqa’ man-nies ma narax Laburisti u Nazzjonalisti, jien naħdem għal kulħadd” 

Bħala l-iżgħar membru fl-eżekuttiv ta’ din il-leġiżlatura, Borg jistqarr li  “ċertu diffikultajiet, kemm tas-sittinijiet, kif ukoll tat-tmeninijiet, jien m’għixthomx. Jiena fil-fatt twelidt propju meta l-Partit Nazzjonalista ħa t-tmexxija tal-pajjiż Il-kontribut tan-nies li m’għandhomx dik ir-rabta mal-passat, li m’għixux dak il-passat huwa li jkunu aktar liberi fil-ħsieb tagħhom. Nemmen li meta tkun iżgħar inti tkun aktar enerġetiku u dinamiku fuq  kif tħares lejn l-affarijiet.” 

“Nista’ ngħid li naf biss gvernijiet Nazzjonalisti”. U l-Gvern Laburista li jaf, li qed jara jmexxi lil Malta bħalissa, x’jaħseb fuqu? Borg isemmi fuq kollox il-pjan ta’ enerġija, it-traħħis tad-dawl u tal-ilma, kif ukoll il-progress fil-libertajiet ċivili bħala l-akbar passi ta’ dan il-gvern – “bħala żagħżugħ nista’ nifhem l-ħsibijiet ta’ ċertu nies li mhux neċessarjament iridu jgħixu stil ta’ ħajja kif iriduhom l-ġenituri, jew is-soċjetà tradizzjonali. Mill-aħħar spiċċajna fuq nett tal-lista Ewropea – u naħseb li l-komunità LGBTI, fost l-oħrajn, qed japprezzaw dak li għamel dan il-Gvern.” 

Fi ftit aktar eżitazzjoni, mistoqsi x’jista’ jkun li sar aħjar minn din l-amministrazzjoni Laburista, jistqarr li ċertu skrutinju li qiegħed jingħata gvern ġdid “dwar kif tmexxew xi proċessi amministrattivi, anke minħabba x-xewqa li jimplimenta u jbiddel l-affarijiet, tajjeb li nilqgħuhom – m’għandniex nieħduh b’mod leġġer.” Kompla billi kkwota kliem il-Prim Ministru fejn qal li “illum għandek kritika kostruttiva lil gvern li qed jagħmel l-affarijiet, qabel kellek poplu li jikkritika lill-gvern propju għaliex ma jagħmilx affariijiet”.

B’xi ftit diffikultà, wara l-mistoqsija dwar x’jaħseb li ma kellux isir kompletament minn dan il-gvern, Ian Borg weġibni li f’dawn l-ewwel sentejn “għad m’hemm xejn li neskludi fl-intier tagħha”, filwaqt li esprima t-tama li la nerġa’ nagħmillu l-istess mistoqsija tliet snin oħra, jkun jista jagħtini l-istess tweġiba. 

Malta fi Brussell, kemm tista’ ssemma’ leħinha? Billi hija l-iżgħar stat tal-UE, bosta jibżgħu li leħinha jintilef fost l-għajjat ta’ pajjiżi akbar. “Ġeneralment, meta titkellem mal-funzjonarji fi Brussell, jgħidulek li pajjiżi żgħar ikollhom presidenza ta’ aktar suċċess,  għax pajjiż żgħir ma jkollux aġenda moħbija u interessi kbar – hija aktar komda sabiex l-Istati Membri jikkooperaw magħha. Din għandna ndawruha f’opportunità – għax aħna pajjiż żgħir nistgħu naslu biex nagħlqu ċertu leġiżlazzjoni li tkun ilha tistenna, ovvjament jekk din tkun fl-interess ta’ pajjiżna. Għandna numru ta’ ġlidiet tagħna li issa ċ-ċans li nindirizzaw – bħal ma hu l-Mediterran. Min jifhem il-Mediterran daqsna? Min jista’ jitkellem daqsna u l-poplu Taljan dwar il-problema tal-immigrazzjoni?” Min-naħa l-oħra, stqarr li l-presidenza tfisser ukoll tqassim ta’ prijoritajiet differenti fuq kwistjonijiet differenti. “Ħa tkun kruċjali għalina li ntellgħu jew inżommu fuq l-aġenda l-fruntieri komuni, u kif dawn jistgħu jiġu missielta – kif ħa jkun hemm kontroll aħjar ta’ kif innaqqsu t-traffikar tal-persuni u r-racket kriminali li għandna. Għandna wkoll nisfruttaw b’potenzjal l-paċi fil-Mediterran. Irridu nużaw bl-aħjar mod il-paċi u stabilità sabiex il-Mediterran ikun bejta naturali għall-kummerċ, turiżmu u attività ekonomika.” 

Apparti l-Presidenza tal-2017, Ian Borg huwa responsabbli wkoll għall-fondi Ewropej, liema rwol huwa l-ewwel tax-xorta tiegħu f’Malta – “Naħseb li l-fatt li għall-ewwel darba li għandna membru tal-kabinett li huwa responsabbli mill-fondi ewropej, li għandu aktar interess li jagħti viżibilità lill-fondi ewropej, tagħmel differenza. Qabel kellek il-Prim Ministru responsabbli tagħhom - li ma kienx jagħmel distinzjoni mis-sors tal-fondi.” Imma dawn il-fondi fejn jidhru b’mod konkret? Għal din il-mistoqsija tiegħi, Borg faċilment isemmili lista ta’ proġetti fosthom ir-restawr tas-swar tal-Imdina, tal-Bighi, tal-Forti Sant’Anġlu – kif ukoll grants li ingħataw 10,000 familja biex jibbenefikaw minn pannelli fotovoltajiċi b’valur ta’ €42 miljun – u anke fondi li ngħataw lil studenti sabiex jagħmlu l-masters barra.

“Jiena twelidt propju meta l-Partit Nazzjonalista ħa t-tmexxija tal-pajjiż, b’hekk nista’ ngħid li naf biss gvernijiet Nazzjonalisti”

Iżda milli jidher mhux kulħadd qed jagħmel użu daqskemm mixtieq mill-fondi tal-UE – dan dejjem skont rapport li ħareġ riċentament li Malta tiġi fl-aħħar post fost il-pajjiżi tal-UE fejn għandu x’jaqsam is-sehem tal-SMEs lokali għal dawn l-istess fondi. “Jiena nagħmilha bil-kontra – ma nitfax il-piż fuq l-SMEs – dawk huma għatxana għall-fondi. Li rridu nistaqsu huwa, l-istruttura li konna qed inħaddmu biex nagħtuhom l-għajnuna kienet qed taħdem tajjeb jew le? Għalhekk ħadna deċiżjonijiet sabiex ikun hemm tibdil f’dawk li jipproċessaw l-iskemi ewropej. Qabel kellek il-Malta Enterprise – din għaddiet minn żmien li fiha saru diversi ‘ħniżrijiet’ ngħid jien b’ċertu skemi. Ħareġ rapport fuq kif saru diversi rregolaritajiet. Kien hemm anka elementi ta’ frodi li spiċċaw fil-qrati li minħabba f’hekk dawn l-irregolitarjiet ssarrfu f’korrezzjonijiet finanzjarji li wasslu għall-telf ta’ miljuni sħaħ mill-Malta Enterprise stess.” Isemmi wkoll l-irregolitajiet fuq livell ta’ għażla, fejn “għandek ċirkostanzi ta’ applikazzjonijiet identiċi – waħda tikkwalifika u waħda le – hemm joħorġu rregolitajiet fuq livell ta’ għażla. Huwa għalhekk li qed ngħidu lill-awtorità ta’ ġestjoni, bħall-MTA u l-ETC, tikkomunika hi mal-benefattur – għax huma jafuhom lin-nies tas-settur bħalma huwa t-turiżmu u l-industrija. Meta imbagħad tidħol governanza ta’ fondi ewropej, din tiġi ċċentralizzata sabiex inkunu ċerti li jkun hemm aktar koerenza u trasparenza fl-għażla.” 

Borg jirribatti għar-rapport li kkwotajt jien permezz ta’ rapport ieħor, “għall-diversi okkazzjonijiet, Malta tissemma’ bħala eżempju pożittiv fejn għandu x’jaqsam il-proġett JEREMIE – li kien strument finanzjarju sabiex ikollok self vantaġġat anke b’ċerta garanziji magħmula imll-gvern permezz ta’ fondi Ewropej ma’ bank. Issa hemm inizjattiva oħra għall-SMEs – dik li qed insejħu l-Fondi Ewropej għall-SMEs. Ftaħniha għall-aktar banek, u ħa nżidu l-garanzija tal-gvern.” Borg isostni wkoll li hemm bżonn kbir li tinbidel il-mentalità Maltija dwar is-self – “sinċerament naħseb li ċertu cash għażżen lil min qed jibbenefika”, bżonn li “ndawru l-kultura minn cash għal soft loans”. 

Lura għall-Presidenza tal-2017 – jidher li l-pass qabad ġmielu bit-tħejjijiet. Imma fiex wasalna eżattament? Smajna bil-laqgħa tat-trio, jiġifieri l-Olanda, l-Islovakkja u Malta li flimkien qed ifasslu pjan koerenti minħabba li dawn ħa jippresjedu wara xulxin. Imma jidher li “l-akbar uġigħ ta’ ras hija li qed inkabbru r-rappreżentanza tagħna fi Brussell, billi nżidu l-istaff – issa jmiss it-taħriġ. F’Malta għad fadal xi  jsir – fejn ladarba l-parlament jiċċaqlaq għal Bieb il-Belt, nibdew ix-xogħol sabiex nilqgħu l-uffiċji għad-delegazzjonijiet.”

Borg beda l-ħajja politika tiegħu bħala Sindku ta’ Ħad-Dingli
Borg beda l-ħajja politika tiegħu bħala Sindku ta’ Ħad-Dingli

Imma l-presidenza mhix leġiżlazzjonijiet biss. “Jakkompanja l-programm politiku għandek il-programm kulturali, sabiex nieħdu l-opportunità li nwasslu lil Malta bħala destinazzjoni kemm turistika kif ukoll waħda fejn wieħed jista’ jagħmel attività ta’ negozju”. 

U leħen il-Malti, ħa jinstema’ bil-Malti? “Naħseb għandna l-impressjoni li l-Ingliż huwa l-għodda naturali li tuża meta taffaċċja l-media, meta fil-verità ċ-ċittadini ta’ pajjiżi oħrajn japprezzaw id-diversità. Il-ministri sħabi ma nafx biex ħa jitkellmu imma jien bil-Malti ħa nitkellem. L-appell tiegħi huwa lil sħabi huwa li nkunu flessibbli. Nittama li l-Malti ħa jkun utilizzat aktar f’dawk is-sitt xhur li Malta tippresjedi.”  

More in Intervisti