Il-kap tiegħi hu Simon Busuttil

Metsola dehret skomda meta mistoqsija tarax lilha nnifisha Kap tal-futur

Dwar jekk il-partit hux qed jiftaħ idejh biżżejjed għan-nagħaġ mitlufa nkella hux qed jagħfas biss fuq ħrief ġodda, Metsola qaltli li l-partit qed jaħdem fuq it-tnejn. Numru kbir ta’ Nazzjonalisti ma vvutawx inkella vvutaw Labour. Dawk li ma vvutawx irridu mmorru għandhom biex naraw x’kienet ir-raġuni u did-darba nħajruhom jivvutaw u dawk li qalbu rridu nagħmlu minn kollox biex inġibuhom lura. Iżda rridu naħsbu wkoll fuq il-votanti l-ġodda. Kien hemm żmien meta fil-ġlieda favur id-demokrazija u favur l-Ewropa aħna konna l-għażla awtomatika taż-żgħażagħ. Mill-2013 ma bqajniex aħna l-għażla naturali tagħhom. Għalhekk irridu nkunu l-partit alternattiv, irridu nkunu kuraġġużi għax illum l-elettorat jaħdem b’moħħu aktar u jrid ikun jaf għaliex se jivvota. U dan ipoġġielna responsabilità akbar.”

Fl-opinjoni tiegħi dan kien eżatt kif ħadem il-moviment Laburista li rebaħ jew aħjar kaxkar l-aħħar elezzjoni għidtilha jien, “Il-Partit Laburista meta kont tistaqsih xi proposti kellu qabel l-elezzjoni għal dak li kien jikkritika kien jgħid biss li meta jkun fil-gvern jurina. Aħna qed inkunu oppożizzjoni li nagħtu l-alternattiva u dak hu l-partit differenti li qed nagħtu lil poplu biex jagħżel lilna.”

Dan kien jidher kollu kliem sabiħ u li jagħmel sens, iżda hu fattur reali li kull stħarriġ li qed isir qed juri li Joseph Muscat hu aktar popolari minn Simon Busuttil. “L-aħħar stħarriġ dehret ċaqliqa favur. Iżda wieħed irid jifhem li Simon ilu inqas minn sentejn kap u l-pjan tagħna hu li jwassal sal-elezzjoni ġenerali. Aħna preparati għal maratona u mhux għal sprint. Iżda deċiżi li nerġgħu nirbħu l-fiduċja.”

Iżda Metsola tara lil partit Nazzjonalista fil-gvern tliet snin oħra? “Iva narah. Dak li qed nagħmlu llum qed jinstema’ hemm barra.” Iżda kif jafu li qed jinstemgħu? “Għax illum qed immorru kullimkien, fid-djar tan-nies u llum qed jiftħulna l-bibien. Jien qed nidħol għand nies li l-gvern tagħna weġġagħhom u nisma’ l-kritika tagħhom u naċċetta l-kritika li ta’ dak li għamel il-partit tiegħi qabel. Min ikollu raġun nagħtihulu u nipprova minn kollox ngħinhom anke jekk ninsabu fl-oppożizzjoni. Jekk irridu nirbħu l-elezzjoni li jmiss irridu nfasslu l-politika tagħna fuq dak li jgħidulna l-imweġġgħin u l-kritiċi tal-partit.”

Staqsejt lil Roberta Metsola jekk taħsibx li ntagħżlet bħala shadow minister għax hi mara biex b’hekk ikun hemm speċi ta’ bilanċ innovattiv fil-kabinett tad-dell b’ħamest irġiel u b’ħames nisa. “Nemmen li Simon Busuttil għamel lili għal kapaċitajiet tiegħi u mhux għax mara. Iżda hu fatt ukoll li joħroġ messaġġ ċar li l-PN taħt Simon Busuttil fih elementi biżżejjed minfejn jagħżel miż-żewġ ġeneri, maskili u femminili li huma kapaċi biżżejjed biex imexxu.”

Qabel tlaqt staqsejtha jekk tarax lilha nnifisha bħala kap tal-partit fil-futur. B’dik it-tbissima tagħha, qamet bilwieqfa, bidlet xi ftit il-kulur u weġbitni, “Simon Busuttil hu l-Kap tiegħi.” U erġajt staqsejtha l-mistoqsija u reġgħet wieġbet, “Simon Busuttil hu l-kap tiegħi, diġà għidtlek. Grazzi tal-intervista” u sellmitli b’ġentilezza.

Intervista sħiħa fil-ħarġa tal-ILLUM

More in Intervisti