Fl-elezzjoni tal-MEPs ivvutajt Labour għall-ewwel darba - Castaldi Paris

L-ex sindku Nazzjonalista jgħid li taħt Simon Busuttil ma nbidel xejn "baqgħet l-istess klikka”

Fil-moviment ta’ Joseph Muscat irnexxielu jerġa’ jsib dak li kien jemmen fih u dak li ħadem għalih għal diversi snin. Tant hu hekk li l-ewwel sentenza li qalli kienet, “Il-valuri li kont nemmen fihom xaqilbu lejn dan il-moviment.”

Il-fatt li Ian Castaldi Paris ikkonverta minn Nazzjonalist għal moviment Laburista ma tantx niżel tajjeb ma’ ċertu Nazzjonalisti u anke xi Laburisti għorkithom għajnejhom li bil-Labour fil-gvern raha xi opportunità. Iżda meta semmejtlu dan b’mod kalm qalli, “min jaħseb li jien opportunist għandu żball kbir. Li kieku ridt inkun opportunist kont nagħmel dan il-pass lejlet l-elezzjoni għax ma naħsibx li kien hemm xi ħadd li kellu dubju li l-moviment se jirbaħ l-elezzjoni. Li kieku kont opportunist ma kontx nikkritika lil Gonzi meta kien prim ministru. Stajt għażilt li noqgħod kwiet u nibqa miexi ’l quddiem bil-kwiet. Iżda Muscat kien ilu li laqatni u wara sentejn fil-gvern stajt nara kif irnexxielu jġib dan il-moviment.”

Sadattant Ian qalli li hemm storja li jew ma jafha ħadd inkella ma jsemmiha ħadd, “Missieri kien minn Bormla u Laburist fejn meta kont żgħir kien jeħodni kull meeting ta’ Mintoff. Ġara li missieri u ommi sseparaw u jien spiċċajt man-naħa Nazzjonalista, ma’ ommi u kien għalhekk li trabbejt b’valuri Nazzjonalisti.”

Castaldi Paris qalli li minn meta Gonzi ħa r-riedni tal-partit beda jara li l-valuri tal-partit li kien trabba fihom hu, bdew jisparixxu fil-fatt hu beda jaqbel aktar mal-mod kif kien jaħsibha Muscat u beda jikkiritika lil Gonzi.

Hawnhekk semmejtlu meta 3 snin u 3 xhur ilu fil-Kunsill tal-Partit Nazzjonalista hu kien għamel eloġju lil Gonzi fuq il-podju u rringrazzjah għal kemm kien qed imexxi Malta tajjeb. “Ma nixtieqx nidħol fih dan l-episodju.” Ma stajtx naqbel miegħu għax dan kien episodju li ma setax jaħrab minnu meta ħareġ fuq kważi kull mezz tax-xandir u tlabtu biex jgħidli għaliex qal dak id-diskors fuq Gonzi meta hu ma kienx jemmen fih. “Dakinhar ma jmissnix kont hemm” u kompla jgħidli “kelli ommi taħdem Kastilja dak iż-żmien u ma ridtx li l-familja tiegħi teħel miegħi.”

Intervista sħiħa fil-ħarġa tal-ILLUM

More in Intervisti