L-ewwel MEP mara u l-biża’ mill-alfabett

Fl-aħħar ġimgħat il-popolarità ta’ Marlene Mizzi fl-istħarriġ pubbliku kompla jiżdied. Iżda hi stess tammetti li trid taħdem id-doppju biex ma jerġax jiġrilha l-istess bħal ħames snin ilu, fejn waqt il-wirt tal-voti qabżuha kandidati sempliċiment għax kienu fuq nett tal-lista. 

Marlene Mizzi għandha 59 sena u hi Membru Parlamentari Ewropew Laburista
Marlene Mizzi għandha 59 sena u hi Membru Parlamentari Ewropew Laburista

Fuqiex qed tibbaża l-kampanja tiegħek? Għalfejn l-elettorat għandu jerġa’ jibgħatek Brussell bħala MEP? 

Qed nibbaża l-kampanja tiegħi fuq ix-xogħol li diġà għamilt. Kien perjodu qasir iżda għamilt ħilti kollha biex imlejtu kemm stajt. B’wiċċi minn quddiem nista’ ngħid li ħdimt ħafna u għamilt id-doveri tiegħi kif kont mitluba; jekk nerġa’ niġi eletta nkompli fuq dak li diġà ħdimt, b’mod partikolari fl-oqsma tal-immigrazzjoni, xogħol, edukazzjoni u l-benesseri tal-annimali.

Jiem biss ’il bogħod mill-elezzjoni, isem Marlene Mizzi qiegħed dejjem jitla’ aktar ’il fuq fl-istħarriġ pubbliku… X’tikkummenta?

Jagħtik kuraġġ biex tkompli tagħmel ħiltek, mhux se ngħid li le. Iżda mhux tant li jġiegħlek tirrilassa, għax ġurnata fil-politika hija twila aħseb u ara l-fatt li l-elezzjoni fadlilha ħmistax. 

Taħseb li dan kien minħabba l-fatt li fl-aħħar ġimgħat qattajt aktar żmien Malta milli Brussell?

Iva nemmen li għalhekk, hemm min isostni li hu vantaġġ li tkun elett diġà, fil-fatt hu żvantaġġ għax waqt li tkun qed taqdi dmirek fl-istituzzjonijiet Ewropej, ħaddieħor ikun aktar viżibbli għaddej bil-ħidma tiegħu f’Malta. Minn mindu spiċċaw is-seduti plenarji tal-Parlament issa qed inkun aktar viżibbli f’Malta bl-opportunità li nispjega x’għamilt, u nimmaġina li dan kellu effett fuq il-polz tal-poplu. 

L-aħbarijiet fl-aħħar sigħat kienu ddominati mid-deċiżjoni ta’ Cyrus Engerer li jirtira l-kandidatura tiegħu. X’kienet ir-reazzjoni tiegħek?

Naħseb fiċ-ċirkustanzi li kellu quddiemu Cyrus Engerer ħa l-aħjar deċiżjoni, l-aktar għażla onorabbli li seta’ jieħu. B’sodisfazzjon ninnota wkoll li Cyrus ħa inkonsiderazzjoni l-ġid tal-partit qabel il-kandidatura personali. 

“Naħseb fiċ-ċirkustanzi li kellu quddiemu Cyrus Engerer ħa l-aħjar deċiżjoni, l-aktar għażla onorabbli li seta’ jieħu” James J. Piscopo

Kulħadd jagħraf li hemm nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn dak li jsir Brussell u Malta. Realistikament, huwa nuqqas li verament jista’ jiġi indirizzat u jekk iva kif?

Qatt mhu biżżejjed tikkomunika mal-elettorat iżda żammejt lil Maltin infurmati b’li kont qed nagħmel. Ħadt ritratti waqt il-plenarja u anke spjegajt fuq xiex kien il-vot, użajt il-Facebook biex nispjega dwar kull rapport u intervent li għamilt. Imma ċ-ċittadin irid ifittex ukoll x’qed isir.

Minkejja l-kuntatt li pruvajt inżomm, sfortunatament xorta għad hemm dik il-perċezzjoni imma nemmen li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar tonqos.

Bħala MEP kif tista’ tikkontribwixxi biex tiġi indirizzata l-problema tal-immigrazzjoni?

F’din it-tema n-numru ta’ MEPs ma jibqax importanti għax kemm bħala lobbying u kemm bħala mistoqsijiet parlamentari, MEP jista’ jsemma leħnu, bħalma nstemgħet waħda mill-ewwel interventi tiegħi. Kien hemm min sejħilha naħqa ta’ ħmar imma nstemgħet għax wara t-traġedja ta’ Lampedusa l-Kummissjoni Ewropea fl-aħħar iddeċidiet li tiċċaqlaq; irranġaw ir-regoli tal-Frontex u introduċew il-Eurosur. 

Hemm bżonn ukoll li l-biljuni li tinvesti l-Unjoni Ewropea f’dan il-kontinent ikunu użati sew, li jiġġeneraw l-investiment u l-ħolqien tax-xogħol. Irridu nagħtu futur lil dawn in-nies f’dawn il-pajjiżi biex ma jkollhomx raġunijiet biex jitilqu minn pajjiżhom u jirriskjaw ħajjithom. 

Fuq kollox, nemmen li r-regoli ta’ Dublin II iridu jinbidlu għax mhumiex adekwati għal Malta minkejja li sfortunatament il-gvern preċedenti kien aċċetta dawn ir-regoli...

…Imma t-tibdil għad-Dublin II żgur mhux se jsir fiż-żmien qasir, biex ma ngħidx impossibli, minħabba l-oppożizzjoni tal-pajjiżi l-oħra.

Vera, ir-reżistenza hi kbira imma allura x’nagħmlu, naċċettaw li diffiċli u ma nagħmlu xejn? Irridu ninsistu avolja mhux ħa tkun faċli li l-pajjiżi l-oħra jaċċettaw problema li m’għandhomx. Imma mbagħad insaqsi, fejn hu l-ispirtu ta’ solidarjetà li fuqha hi mibnija l-Unjoni Ewropea?

Il-Partit Nazzjonalista qed jiffoka li b’din l-elezzjoni jġib it-tielet siġġu filwaqt li l-PL qed jiffoka fuq maġġoranza ta’ voti. X’ikun riżultat tajjeb għal Partit Laburista f’termini ta’ voti, meta tikkunsidra li s-sena l-oħra kellu maġġoranza ta’ 36 elf?

Il-partit li jkun fil-gvern dejjem se jitlef il-voti. Wara 25 sena ta’ gvern Nazzjonalista kien hemm numru sostanzjali ta’ każijiet ta’ diskriminazzjoni li mhux faċli ssolvihom f’sena biss. In-nies li pretendew dan se jfissru voti ta’ protesta.

F’termini ta’ siġġijiet, ovvjament nispera li nżommu r-raba’ siġġu imma kif inhi mqassma l-kwota fuq sitt siġġijiet, jien infurmata li hi normali li kull partit se jkollu tliet siġġijiet, inutli nisperaw għal mod ieħor…

…Kemm taffettwa l-ħidma tad-delegazzjoni Laburista jekk - kif maħsub - jintilef ir-raba’ siġġu?

Titlef, għax is-Soċjalisti Ewropej jkunu tilfu siġġu minn naħa ta’ Malta. Ma ninsewx li l-S&D u l-EPP huma l-akbar żewġ partiti fil-Parlament Ewropew f’taqtigħa kontinwa fuq min se jirbaħ l-aktar siġġijiet.

Taħseb li Marlene Mizzi tappella aktar għal floating voters aktar milli għall-għeruq tal-Partit?

Fl-2009 kont ġibt kważi 18-il elf vot tal-ewwel preferenza. Iva, naħseb jien aktar nappella għal moderati u għal floater, jafu li jien mhux persuna estrema la fuq naħa u qas fuq oħra. Però nsemmi wkoll li fl-aħħar ġimgħat fil-laqgħat li kelli mal-għeruq tal-partit dejjem kelli akkoljenza tajba ħafna, kienet xi ħaġa meraviljuża għalija. Iva nimmira li nappella għal votanti minn kull sfera tal-ħajja irrispettivament mit-twemmin politiku.

Inkun korrett jekk ngħid li d-dibattitu fuq iċ-ċittadinanza kien l-aktar perjodu diffiċli għalik matul l-aħħar sena bħala MEP?

La ngħidlu diffiċli u lanqas ta’ sfida għax kont naf eżatt x’irrid. Li kien żgur kien perjodu ta’ dieqa, meta tara tnejn mill-kollegi Maltin tiegħek taparsi jattakkaw skema imma fir-realtà jkunu qed jattakkaw lil Partit Laburista fil-gvern, tħammeġ ir-reputazzjoni ta’ Malta fil-proċess. Il-vittma f’dan kollu kien pajjiżna. 

L-għada li tkellimt kien irnexxieli nikkonvinċi lil partit tas-Soċjalisti biex almenu nagħmlu emenda biex fil-vot jitneħħa l-isem ta’ Malta u niffukaw fuq ir-reżoluzzjoni. Meta ż-żewġ kollegi Nazzjonalisti vvutaw kontra kelli l-konferma dwar l-għanijiet ulterjuri tagħhom. 

“Naħseb jien aktar nappella għal moderati u għal floater, jafu li jien mhux persuna estrema la fuq naħa u qas fuq oħra”
“Naħseb jien aktar nappella għal moderati u għal floater, jafu li jien mhux persuna estrema la fuq naħa u qas fuq oħra”

Tinkwieta li jerġa’ jiġrilek bħal dak li ġara fl-elezzjoni ta’ 5 snin ilu?

Iva ninkwieta, ħames snin ilu batejt minħabba l-alfabett għax is-sistema tal-wirt tal-voti tiffavorixxi lil min ikun fuq nett tal-lista, min kunjomu jkun bl-ewwel ittri tal-alfabett. B’Mizzi qiegħda fin-nofs tal-lista, iva dik tiżvantaġġjani. Naħseb l-elettorat mhux intiż biżżejjed kemm l-ewwel preferenza hi importanti. 

Fl-aħħar jiem tqajjem il-punt li Malta mhix rappreżentata biżżejjed fil-kumitati tal-Parlament Ewropew, l-aktar stadju importanti biex tinfluwenza l-liġijiet. Int kif għażilt il-kumitati li qed tipparteċipa fihom bħalissa?

Ma kontx jien li għażilt x’kumitati nipparteċipa fihom, għax peress li tlajt b’elezzjoni każwali dħalt fiż-żarbun ta’ Edward Scicluna u ħadt il-kumitati tiegħu. Kont fortunata li huma l-istess kumitati li jien intiża fihom, bħal dawk fuq l-ekonomija, l-ambjent, is-saħħa u l-benesseri tal-annimali.

Peress li hemm ħafna aktar kumitati minn kemm qegħdin MEPs, Malta ma tistax tkun rappreżentata f’kollha iżda bħala MEPs għandna l-faċilità li mmorru fil-grupp politiku tagħna u ninfurmaw ruħna bl-aħħar żviluppi.

Ikun hemm diskussjonijiet biex taraw kif tistgħu titqassmu l-aħjar bħala delegazzjoni?

Din ma nistax nirrispondiha għax dħalt biss is-sena l-oħra, għall-aħħar xhur tal-leġislatura. Imma nimmagina li hekk għandu jsir, mhux biss bejn id-delegazzjoni Laburista biss imma idealment bejn is-sitta li aħna.

Din il-ġimgħa Simon Busuttil għalaq sena fit-tmexxija tal-PN. Taħseb li ġab il-bidla meħtieġa u mixtieqa min-Nazzjonalisti?

Personalment kelli aspettattivi differenti, fit-tmexxija tiegħu ma rajtx dik il-qabża fil-kwalità li nistenna mingħand persuna li kien ilu għaxar snin fil-Parlament Ewropew. Il-mod kif jaħseb u jirraġuna hu ta’ politiku li qatt ma telaq minn Malta, li hi pjuttost diżappuntanti għax hemm bżonn ta’ oppożizzjoni b’saħħitha. Simon Busuttil ma ġabx il-partit b’saħħtu daqskemm ġieli kien il-PN fil-passat. 

Kien hemm xi ħaġa partikolari li dejqitek f’din il-kampanja elettorali?

Ma naħsibx li hemm xi ħaġa partikolari; m’iniex esperta tal-kampanji elettorali, din hija biss it-tieni elezzjoni li qed nikkontesta, imma f’kampanja bħal din taffaċċja affarijiet li tistenna minn kampanja bħal din. 

More in Intervisti