L-MEP Giegold jappella lill-KE biex tagħmel pressjoni u twaqqaf il-bejgħ tal-passaporti

Jgħid li Malta saret sinjura b'din l-iskema u li din għandha titwaqqaf għax hija theddida għall-UE

L-MEP Sven Giegold
L-MEP Sven Giegold

Il-Membru Parlamentari Ewropew Sven Giegold qal illi l-mod kif il-Gvern Malti qed juri nuqqas ta' rispett lejn il-valuri Ewropej  - permezz tal-iskema tal-bejgħ tal-Passaporti (IIP) "huwa agħar milli wieħed kien jistenna."  Giegold, li huwa membru tal-Partit tal-Ħodor Ewropej, sostna illi l-valuri Ewropej ġew ssagrifikati għall-profitti ta' malajr f'pajjiżna u saħaq li dak żvelat illum huwa "punt baxx fl-iskandlu tal-bejgħ tad-drittijiet taċ-ċittadinanza Ewropea." 

Iktar kmieni llum diversi siti, fosthom is-sit maltatoday.com.mt ippubblikaw storja illi fiha spjegaw kif ir-rabta tar-residenza f'Malta għal dawk li jixtru ċ-ċittadinanza Maltija mhix qed tkun rispettata b'sistema ta' punti tieħu postha.  Ir-residenza f'Malta suppost hija waħda mill-obbligazzjonijiet ta' dawk li jridu jixtru ċ-ċittadinanza Maltija, saħansitra b'ammont ta' kemm persuna jeħtieġ tonfoq meta tixtri propjetà. 

L-investigazzjoni minn diversi ġurnali żvelat numru ta’ ċirkostanzi fejn persuni sinjuri, fosthom mir-Russja, miċ-Ċina u mill-Arabja Sawdija, krew appartamenti f’Malta biex taparsi ilhom sena jgħixu f’Malta, anke jekk qatt ma jkunu rifsu l-għatba tal-istess appartament jew inkella jkunu qattgħu biss ftit jiem fih bħala btala.

Fost oħrajn, l-iskema taċ-Ċittadinanza b’Investiment titlob lill-applikanti biex jipprovdu prova ta’ investiment f’Malta li jammonta għal €1.15 miljun, li jinkludi wkoll xiri ta’ proprjetà li tkun tiswa minn tal-inqas €350,000 jew inkella jikru għal ħames snin b’€80,000.

Giegold sostna li għal tmien snin Malta saret sinjura permezz tal-bejgħ tal-passaporti u visas u qal illi "l-passaporti u l-visas huma bieb miftuħ għall-korruzzjoni.  Id-drittijiet Ewropej mhumiex komodità u Malta jeħtieġ twaqqaf din il-prattika kemm jista' jkun malajr," sostna l-MEP. 

Huwa għalhekk appella biex il-Kummissjoni Ewropea tagħmel pressjoni fuq Malta biex twaqqaf il-bejgħ tal-passaporti li jiddeskrivi bħala "theddida għas-sigurtà u s-saltna tad-dritt."  Huwa appella wkoll biex l-istess Kummissjoni tiftaħ proċeduri kontra tali programmi. 

Fost il-pajjiżi Ewropej fejn skema simili titħaddem ukoll hemm Ċipru. 

Dalgħodu wkoll kien żvelat kif Membru tal-familja rjali tal-Arabja Sawdija tkellem direttament mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat biex ismu jitneħħa minn fuq il-gazzetta tal-Gvern.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024