Il-Kummissjoni Ewropea mhux se tirregola l-użu taċ-ċertifikat tal-vaċċin fuq bażi nazzjonali

L-użu ta' ċertifikazzjoni tal-vaċċin fuq bażi nazzjonali, biex per eżempju tmur attività jew tidħol fi club, mhux se jkun regolat mill-Kummissjoni Ewropea, basta jkollu bażi legali ...

Meta kien qed jitkellem waqt il-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili Ġustizzja u Intern tal-Parlament Ewopew il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Didier Reynders sostna illi l-Kummissjoni Ewropea mhux se tkun qed tirregola l-użu tad-Digital Green Certificate fuq bażi nazzjonali u lilhinn mill-iskop li għalih qed jitwettaq - jiġifieri li jkun iffaċilitat il-moviment tan-nies minn pajjiż għall-ieħor fl-UE. 

Dan qalu fid-dawl tal-fatt li għaddejja diskussjoni f'diversi pajjiżi bħalissa li tittratta l-użu ta' dan iċ-ċertifikat ta' vaċċinazzjoni biex persuna tkun tista' tattendi attivitajiet jew tidħol għal festivals illi għalihom ikunu qed jattendu l-mases.  Lokalment Howard Keith il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Industrija tal-Arti u d-Divertiment diġà propona mal-ILLUM illi lokalment ikun hawn 'pass' simili li jara illi persuni jkunu jistgħu jidħlu fi clubs jew jattendu attivitajiet - li xorta jsiru jew jiftħu b'numru ta' restrizzjonijiet relatati mal-Covid-19. 

Reynders iżda sostna illi użati lokalment xorta għandhom josservaw il-liġi tal-GDPR u li jkunu jirrispettaw in-neċessità u l-proporzjonalità, kif ukoll li jkollhom bażi legali.

Meta kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-Kumitat il-Kummissarju Reynders qal illi qed jara illi dan iċ-ċertifikat ikun qed jibda jintuża fl-aħħar ta' Ġunju. 

Għal diversi drabi huwa għamilha ċara illi dan iċ-ċertifikat ma jistax jintuża biex joħloq diskriminazzjoni jew inkella jwaqqaf mill-moviment ħieles u fakkar illi l-UE qed tipproponi tliet għażliet:  L-ewwel, huwa ċ-ċertifikat tal-vaċċin, it-tieni huwa riżultat tal-Covid-19 li huwa negattiv u finalment ċertifikat li l-persuna li qed tivvjaġġa fieqet mill-Covid-19 fl-aħħar 180 jum. 

"Huwa importanti li kulħadd jkollu trattament ugwali.  Jiddispjaċina naraw illi ċerti pajjiżi qed jużaw dan iċ-ċertifikat biex jintroduċu kontrolli fuq il-fruntieri tagħhom," saħaq Reynders.  Hu sostna wkoll li l-Kummissjoni Ewropea lanqas mhi qed tobbliga lil stati membri ma jaċċettawx vaċċin li mhux approvat mill-Awtorità Ewropea tal-Mediċini, anke jekk huma obbligati jaċċettaw persuni deħlin fil-pajjiż li jkunu ħadu wieħed mill-vaċċin approvati mill-istess awtorità. 

Il-vaċċin approvati mill-Awtorità Ewropea tal-Mediċini huma: Pfizer, Moderna, AstraZeneca, Comirnaty u Janssen.  Fl-istess ħin bħalissa jinsabu taħt il-lenti jistennew l-approvazzjoni tlieta oħra, fosthom il-vaċċin Russu Sputnik V. 

Il-Kummissarju qal illi dan iċ-ċertifikat jitwaqqaf ladarba l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa  tiddikjara li l-Covid-19 m'għadhiex pandemija. 

Fost dawk li għamlu mistoqsijiet lill-Kummissarju Ewropew l-MEP Olandiża Sophie  in 't Veld mill-Alleanza tal-Liberali u Demokratiċi, sostniet illi fil-prattika ċ-ċertifikazzjoni huwa kontroll fuq il-fruntiera għaliex dawk li ma għandhomx dan iċ-ċertifikat jew test ma jitħallewx jidħlu f'pajjiż. 

Reynders ammetta dan, u qal illi jekk persuna ma għandhiex ċeritifikazzjoni u lanqas trid tagħmel test jew iġġib ċertifikazzjoni li turi illi fieqet mill-Covid-19 ikollha tibqa' f'pajjiżha. 

In't Veld qalet ukoll li ma jagħmilx sens li pajjiżi jibqgħu jimponu kwarantina fuq in-nies deħlin biċ-ċertifikat, "inkella għalfejn tagħmel iċ-ċertifikat jekk xorta trid toqgħod kwarantina?"

Saru diversi mistoqsijiet minn MEPs oħrajn dwar diversi temi madwar id-Digital Green Pass, fosthom id-data li se tintuża.  Reynders qal illi filwaqt li d-data trid dejjem tkun rispettata skont il-liġi tal-GDPR din mhux se jkollha wisq informazzjoni dwar il-persuna. 

Il-gazzetta ILLUM diġà tat ħarsa lejn il-pożizzjoniijiet differenti li qed jieħdu bosta dwar id-Digital Green Pass, fosthom il-pożizzjoni ta' diversi li jispeċjalizzaw fil-Bio-etika.  Il-gazzetta talbet ukoll ir-reazzjoni tal-MEP Maltija Josianne Cutajar. 

Il-Kummissarju Reynders
Il-Kummissarju Reynders

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024