Howard Keith jappella għal ‘exit plan’ biex is-settur tal-arti u d-divertiment ikun jista’ jippjana għal futur

Anke jekk irrikonoxxa li attivitajiet tal-massa din is-sena ‘mhux se jkunu possibbli,’ Howard Keith jisħaq li bi strateġija li tidentifika xenarji differenti, miżuri ta’ mitigazzjoni adegwati, kontrolli xierqa fl-ajruport u passaport domestiku tal-vaċċin, jistgħu jgħinu biex is-settur ikun jista’ jopera anke jekk b’limitazzjonijiet...

Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Industrija tal-Arti u d-Divertiment, Howard Keith Debono, tkellem mal-gazzetta ILLUM dwar l-importanza li Malta jkollha “exit plan” li jidentifika xenarji differenti u l-miżuri ta’ mitigazzjoni bżonnjużi għalihom, biex is-settur ikun jista’ jippjana għall-futur.

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Debono wara li fl-aħħar ġimgħat tkellmet ma’ diversi operaturi fis-settur li kienu l-ewwel li għalqu l-bibien tagħhom u l-aħħar li x’aktarx jerġgħu jiftħu, anke għax l-industrija li fiha joperaw tiddependi kważi totalment bil-kuntrarju tad-distanza soċjali.

Fil-kummenti tiegħu, Debono insista li l-ewwel u qabel kollox dan il-pjan għandu jispjega kif il-pajjiż se jevita li jerġa’ jiġri dak li seħħ f’Lulju li għadda, meta l-każi kienu naqqsu drastikament u reġgħu splodew f’daqqa malli fetħu mill-ġdid l-istabbilimenti kollha, inkluż dawk tad-divertiment. Fi kliemu, il-pajjiż ma jistax jippermetti li dan jerġa’ jseħħ.

“Kulħadd irid jifhem li jekk mhux kulħadd se jerfa’ r-responsabbilità tiegħu, din mhux se noħorġu minnha,” insista.

‘Mhux naraw kbir ... nafu li attivitajiet tal-massa ma jistgħux isiru’

Apparti minn hekk, Debono fakkar li bħalissa għaddej il-programm tat-tilqim. Insista li jekk sa Awwissu se jkunu ngħataw ammont ta’ dożi u għalhekk tkun żdiedet l-immunità, kif qed jingħad, il-pjan għandu jagħti indikazzjoni kif jista’ jopera s-settur, anke jekk b’limitazzjonijiet.

“Anke jekk jopera imqar 2% tas-settur għalina huwa aħjar,” saħaq Debono waqt li rrikonoxxa li huma konxji li għal din is-sena, l-attivitajiet tal-massa mhux se jkunu possibbli u għalhekk mhux qed jaraw kbir imma qed iħarsu lejn attivitajiet fuq skala iżgħar u kkontrollati. 

“Qabel l-2022 mhux inħarsu lejn normalità. Anke studji li saru f’pajjiżi oħra juru dan. Anzi aħna, ħdejn ħaddieħor mhux qed inkunu daqshekk pessimisti,” insista Debono.

Debono li jaħdem ma’ diversi artisti Maltin spjega mal-ILLUM kif hu jitkellem ma’ diversi kumpaniji kbar tal-mużika bħalma huma s-Sony Music u oħrajn. 

“Bookings għall-artisti mhux jaċċettaw lanqas għas-sena d-dieħla. Din hija riflessjoni kemm anke s-sena d-dieħla se tkun diffiċli,” insista Debono waqt li saħaq li dan ikompli jżid mal-importanza li jkun hemm “exit plan.”

Fakkar li din hija xi ħaġa li qed tesperjenza d-dinja kollha u għalhekk mhux kif tkun is-sitwazzjoni f’Malta biss jgħodd, imma anke kif se jkunu pajjiżi oħra.

‘Kontrolli riġidi fl-Ajruport u l-portijiet huma parti importanti mis-soluzzjoni’

Kien hawn li Howard Keith Debono tkellem dwar it-turiżmu intern u l-bżonn ta’ kontrolli aktar riġidi fil-portijiet, inkluż l-Ajruport, bil-għan li l-pajjiż inaqqas drastikament ir-riskju li jkunu importati każi jew varjanti ġodda.

Saħaq li artisti kbar, ħbieb tiegħu, jibgħatulu ritratti ta’ kunċerti li qed isiru fi New Zealand u anke l-Awtralja (ara paġni 6-7) u li għalihom qed jattendu eluf ta’ nies għax il-pajjiżi inkwistjoni għandhom kontrolli b’saħħithom fuq il-fruntieri u miżuri ta’ mitigazzjoni adegwati tant li kważi kważi eliminaw il-virus mill-komunità.

‘Passaporti tal-vaċċin’ biex tattendi attività jew kunċert?

Fid-dawl ta’ dan, tkellimna aktar fid-dettall dwar il-proposta tiegħu li jkun hawn “passaporti tal-vaċċin domestiċi” li jkunu jistgħu jintużaw biex persuni li jkunu ħadu l-vaċċin, ikunu jistgħu jattendu għal ċertu attivitajiet, simili għal dak li qed iseħħ fl-Iżrael (ara paġni 6-7).

Spjega kif l-ewwel li ħarġet b’din il-proposta kienet il-kumpanija internazzjonali Live Nation li taħdem ma’ artisti kbar bħal Beyoncé u oħrajn, biex persuni li jattendu l-kunċerti tagħhom ikollhom f’idhom dan il-passaport.

Debono qed jisħaq li dan il-passaport tal-vaċċin jista’ jaħdem anke lokalment biex almenu jkunu jistgħu jiġu organizzati attivitajiet fuq skala iżgħar. Madanakollu saħaq li din il-proposta waħedha mhux se taħdem u parallel magħha irid ikun hemm dan l-exit plan.

“Irridu pjan kif se nibdew ftit ftit, jekk hemm bżonn nibdew minn attivitajiet bilqiegħda u nżidu ftit ftit. Mhux tiġi l-ġurnata li nkunu nistgħu niftħu u nitilqu. Kontrina stess qed ngħid. Jekk nagħmlu dan, aktar inżidu r-riskju li nsibu ma’ wiċċna mewġa oħra,” kompla jisħaq Debono.

Fil-fatt, mistoqsi jekk kienx hemm diskussjonijiet dwar dan il-passaport tal-vaċċin domestiku mal-awtoritajiet ikkonċernati, Debono wieġeb fin-negattiv waqt li tenna li l-ewwel irid ikun hemm dan il-pjan.

Il-Eurovision u kif jista’ jservi ta’ eżempju...

Irrefera għall-Eurovision u saħaq li dan jista’ joffri eżempju ċar u sempliċi ta’ dan l-exit plan li qed jirreferi għalih. Spjega kif jiġri x’jiġri, il-Eurovision se jkun qed isir, għax id-direzzjoni ħejjiet tliet pjani skont tliet xenarji li jistgħu jseħħu u miżuri ta’ mitigazzjoni skont kull xenarju.

“Kulħadd jaf fejn qiegħed. X’se jiġri f’Mejju ma nafux. Kif se jsir il-Eurovision ma nafux. Imma nafu li jiġri x’jiġri, x’se jsir,” insista Howard. 

Pereżempju wieħed mill-pjani huwa dak ta’ festival b’udjenza bilqiegħda bid-distanza soċjali, fejn il-kantanti jkunu jistgħu jkantaw live minn Rotterdam Ahoy, is-sala fejn hu ppjanat li jsir il-Eurovision. Fl-estrem l-ieħor, anke f’każ ta’ lockdown, il-Eurovision se jsir xorta waħda iżda bla udjenza u lanqas il-kantanti ma jkunu preżenti biex ikantaw live minn Rotterdam Ahoy.

Fil-fatt fl-aħħar jiem, id-delegazzjoni Maltija telgħet ma’ Destiny l-Bulgarija biex tippjana għal dan l-aħħar xenarju.

‘Għalina l-ippjanar huwa kruċjali’

Kien hawn li Debono insista li għall-industrija tal-arti u d-divertiment, l-ippjanar huwa kruċjali.

“Jekk għandek bar, trid taħseb għall-istokk minn ġimgħa għal ġimgħa. Aħna rridu nippjanaw minn ħafna qabel, nazzarda ngħidlek minn sena qabel,” saħaq Debono.

Propju għalhekk li saħaq li l-operaturi fl-industrija jippreferu jaħdmu kif ġara fil-każ tal-Belġju, fejn l-istabbilimenti ngħataw indikazzjoni ċara li għandhom perjodu ta’ sitt xhur magħluqa.

“Almenu f’dak iż-żmien ħadu ħsieb jagħmlu xogħlijiet jew manutenzjoni li jkun hemm bżonn. Aħna jeħtieġ nippjanaw minn qabel,” temm jappella Debono.

More in Politika