'Passaporti' tal-vaċċin: Min jaqbel u min le hekk kif il-Parlament Ewropew jipprepara biex jiddiskutihom

Hekk kif fl-aħħar jiem fil-Parlament Ewropew membru tal-WHO reġgħet uriet xettiċiżmu fuq iċ-ċertifikazzjoni tal-Covid-19, li se jkun użat għas-safar, il-Kummissjoni Ewropea tipprepara proposta għad-Digital Green Certificate. L-ILLUM tistaqsi wkoll lil Martin Balzan u l-MEP Josianne Cutajar ...

Fl-aħħar jiem, il-Kummssjoni Ewropea ħarġet bil-proposta tagħha dwar iċ-ċertifikatazzjoni tal-vaċċin, ċertifikazzjoni li mistennija tippermetti ċ-ċaqlieq tan-nies minn pajjiż għall-ieħor bil-għan li ma jintilfix b'mod assolut it-turiżmu filwaqt illi jerġa' jinfetaħ il-moviment tan-nies li jkunu ħadu l-vaċċin, minn pajjiz għall-ieħor.  Din il-proposta għad-Digital Green Certificate trid tkun approvata mill-Parlament Ewropew u l-Istati Membri biex b'hekk tkun adottata qabel jibda l-istaġun tas-sajf. 

Il-Kummissjoni Ewropea tgħid din il-ġimgħa li dan iċ-ċertifikat se jkun qed juri jekk persuna tkunx ġiet imlaqqma b'vaċċin approvat mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina (EMA).

Esperti huma mħassba dwar dan, anke għax eluf ta' Ewropej ħadu l-vaċċin li ġie żviluppat u li qed jintuża fir-Russja u anke b'vaċċin ieħor Ċiniż. L-ebda wieħed minn dawn il-vaċċini ma ġie approvat mill-EMA.

Il-passaport se jkun qed juri wkoll kwalunkwe test negattiv li persuna tkun għamlet u anke jgħid jekk persuna kinitx pożittiva għall-Covid-19 u fieqet.  (Ara wkoll ir-risposti ta' Josianne Cutajar)

Mhux kulħadd għadu daqstant konvint u entużjast  dwar dan iċ-ċertifikat bid-Direttur tal-Vaċċin u Prodotti Bioloġiċi tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa Katherine O'Brien tgħid lill-Kumitat tal-Ambjent u Saħħa Pubblika tal-Parlament Ewropew illi sa issa għad ma hemmx biżżejjed evidenza u l-kundizzjonijiet ta' kif għandu joħroġ tali ċertifikat għadhom mhux ċari kollha.  Dan minkejja li l-għaqda qed tappoġġja bil-qawwi l-inizzjattiva, spjegat O'Brien. 

Ir-rappreżentant tal-WHO kienet qed twieġeb il-mistoqsija tal-MEP mill-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi Jytte Guteland, waqt sessjoni li trattat b'mod partikolari l-varjanti l-ġodda tal-Covid-19 u kif l-UE qed tilqa' għalihom. 

Iktar kmieni din is-sena, matul Frar, l-MEPs fil-Kumitat tat-Trasport u Turiżmu tal-Parlament Ewropew ivvutaw favur riżoluzzjoni li timponi miżuri ta' vjaġġar komuni madwar l-UE, fosthom permezz ta' dan iċ-ċertifikat. 

Ir-rapporteur tal-Parlament Ewropew l-MEP Cláudia Monteiro de Aguiar sostniet illi l-Kumitat irid li ma jerġgħux isiru l-istess żbalji tal-passat u għalhekk tixtieq li jkunu imposti miżuri komuni, bħal testijiet qabel titlaq minn pajjiż, iċ-ċertifikat ta' vaċċinazzjoni u ċertifikazzjoni komuni tal-Iġene li jaċċerta illi l-Istati Membri jadottaw livelli minimi ta' prevenzjoni u kontroll, sabiex titjieb il-kunfidenza fost il-konsumatur. 

Tħassib dwar il-prattiċità u l-etika

It-tħassib fuq dan iċ-ċertifikat - minkejja li mistenni minn ħafna, speċjalment operaturi fil-qasam turistiku u miljuni ta' ċittadini Ewropej li jixtiequ jsiefru - ivarja minn dak etiku għal dak iktar prattiku. 

Nibdew bil-prattiku. Bosta, fosthom Sarah Chan li tispeċjalizza fil-Bioetika fl-Università ta' Edinburgh, isostnu illi bl-informazzjoni u r-riċerka li għandna sa issa, il-kwistjoni mhijiex daqstant 'iswed' u 'abjad'.   "Huwa veru li l-vaċċin jipprovdi protezzjoni kontra l-Covid-19, imma mhuwiex 100% effettiv u - aktar minn hekk - m'għandniex biżżejjed evidenza li turi illi l-vaċċin jipprevjeni milli persuna tgħaddi l-virus lil ħaddieħor," fakkret Chan mas-sit Al Jazeera. 

Kwistjonijiet oħrajn li qed iqumu huma dawk relatati ma' etika, per eżempju l-fatt li dan iċ-ċertifikat ikun ifisser li mara tqila - anke jekk it-tqala tkun għadha fil-bidu - ma tkunx tista' ssiefer (anke jekk għal bżonn) għaliex nisa tqal ma jistgħux jieħdu it-tilqima. 

"Irridu nistaqsu jekk dan iċ-ċertifikat huwiex  se jintuża sempliċiment għall-ivvjaġġar internazzjonali jew inkella hux se jintuża biex, per eżempju, tattendi attività sportiva, jew biex tmur tiekol f'ristorant jew inkella saħansitra bħala kundizzjoni ta' impjieg," saħqet Melinda Mills, Direttur taċ-Ċentru Leverhulme fl-Università ta' Oxford mal-istess sit tal-aħbarijiet.

'Basta t-testijiet jsiru qabel persuna tibda l-vjaġġ mhux meta tasal'

Il-gazzetta ILLUM staqsiet lir-rappreżentant tat-tobba f'Malta, Martin Balzan - President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija  (MAM) - x'jaħseb dwar ċertifikazzjoni ta' vaċċinazzjoni u bħala tobba x'pożizzjoni se jieħdu. 

Hu jgħid li l-MAM hija favur din l-inizzjattiva iżda jisħaq illi t-tobba huma favur sakemm l-ittestjar tal-Covid-19 dejjem isir qabel ma' persuna taqbad l-ajruplan, "u mhux kif qed jiġri bħalissa, it-testijiet isiru malli jaslu fl-ajruport Malti." 

Balzan qal mal-ILLUM li l-MAM ma taqbilx li jiġu ajruplani b'nofs il-passiġġiera li ma jkunux ġew ittestjati.  "Meta persuna tasal hawn vaganza imbagħad, ħadd mhu se joqgħodlok kwarantina.  Dan apparti li ħafna drabi jagħtu l-inidirizzi tal-akkomodazzjoni foloz u ġieli anke n-numri tal-mowbajl li jagħtu jkun falz." 

Martin Balzan qal illi jekk l-affarijiet ma jinbidlux b'mod li l-ittestjar isir dejjem qabel passiġġier jitla' fuq ajruplan, "inkunu fir-riskju li ndaħħlu xi varjant ieħor li l-vaċċin ma jaħdimx kontrih u allura mmorru lura minn fejn bdejna." 

Jew ċertifikat tal-vaċċin jew test jew ċertifikat li fieqt il-Covid-19

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll mal-Membru Parlamentari Ewropew Maltija Josianne Cutajar, li hija wkoll membru tal-Kumitat tat-Trasport u Turiżmu tal-Parlament Ewropew.  Hija qalet illi din il-proposta  hi maħsuba wkoll biex tipprova tiffaċilità l-ivjaġġar anke għas-Sajf li ġej hekk kif dan is-settur u dak tat-turizmu jinsab għarkuptejh. Cutajar innotat b'sodisfazzjon illi t-tħassib li kien hemm dwar l-ħolqien ta' distinzjonijiet inġusti u persuni tat-tieni klassi fejn jidħol l-ivjaġġar qed jiġi indirizzat aħjar b’din il-proposta li hi aktar wiesa’ minn sempliċi ċertifikat u li qed tħares li tiffaċilità u mhux tillimta l-moviment ħieles tan-nies. 

"Id-Digital Green Certificate li qed tipproponi l-Kumissjoni huwa relatat ma’ tliet kategoriji ta’ ċertifikati differenti," tispjega Cutajar mal-ILLUM.  L-ewwelnett l-użu taċ-ċertifikat ta' vaċċinazzjoni lil dawk li ħadu l-vaċċin u imbagħad ċertifikat ta' test negattiv li hu importanti wkoll għal dawk li għadhom ma ħadux il-vaċċin jew inkella għal dawk li ma jistgħux jieħduh.  U finalment il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li jkun hemm ċertifikat mediku li jista’ juri passiġġier li fieq mill-Covid-19 fl-aħħar 180 jum.

"Nemmen li din il-proposta hi waħda fid-direzzjoni t-tajba biex tgħin lis-settur turistiku u tal-ivjaġġar jibda jqum fuq saqajh," tgħid l-MEP Cutajar li iżda tfakkar li ċ-ċertifikat b'ebda mod ma jfisser li persuna tkun eżenti minn miżuri u restrizzjonijiet ta' saħħa pubblika fil-pajjiż.  Tfakkar illi kull pajjiż għandu l-jedd li jiddeċiedi x'miżuri ta’ saħħa pubblika jintroduċi u jekk persuni li jkollhom dan iċ-ċertifikat għandhomx jiġu ezentati minn dawn ir-regoli jew le.  Qalet ukoll iżda li pajjiż fl-UE jkun irid jispjega għaliex f'każ ta' persuna li jkollha iċ-ċertifikat imsemmi, xorta jesiġi li dan jagħmel kwarantina jew ikun suġġett għall-test. 

Josianne Cutajar fakkret illi hemm miżuri oħrajn li l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Membri Stati jridu jaħdmu fuqhom, sabiex ikun indirizzat l-aspett tal-ivvjaġġar sas-sajf li ġej. 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024