Is-sitt MEPs Maltin fil-Parlament Ewropew illum: X'qalu?

Ħarsa lejn id-diskorsi tal-MEPs Maltin illum fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew, li ddiskuta l-każ ta' Daphne Caruana Galizia

Is-sitt MEPs Maltin
Is-sitt MEPs Maltin

Il-Membri Parlamentari Ewropej (MEPs) Maltin kollha taw sehemhom fid-dibattitu fil-Parlament Ewropew illum illi fih ġiet diskussa s-saltna tad-dritt f'Malta u l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia.  Dan huwa dak li qal kull MEP Malti: 

'Malta qed iżżomm il-wegħda tagħha' - Alfred Sant

L-MEP Laburista Alfred Sant sostna illi Malta qed iżżomm mal-wegħda li kienet għamlet illi tara li l-ġustizzja fuq l-assassinju tal-ġurnalista jsir u ma jħares lejn wiċċ ħadd.  'Il-ġustizzja qed titwettaq u xejn u ħadd mhu se jwaqqaf dan milli jsir.  L-amministrazzjoni ta' Robert Abela qed tagħti l-assigurazzjonijiet kollha favur il-ġustizzja ... permezz ta' riformi li l-Parlament Ewropew stess kien tkellem dwarhom," qal Sant. 

Bħall-MEPs l-oħrajn Laburisti huwa staqsa għalfejn id-dibattitu qed isir issa, propju meta qed tingħata xhieda kruċjali fil-każ tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia.  Huwa sostna illi d-dibattitu qed ifixkel u mhux jgħin lill-ġustizzja u lanqas jagħti valur miżjud. 

Sant temm ifakkar li fil-każ tal-eks President Franċiż Nicolas Sarkozy ma sarux dibattiti sakemm il-każ inqata'.  L-eks President Franċiż ingħata sentenza ta' tliet snin ħabs wara li nstab ħati ta' korruzzjoni.  Staqsa allura għaliex ma' Malta qed jintuża kejl differenti. 

'Tiġġudikawx lil Malta minn politiċi korrotti ... dawn mhux Malta' - Roberta Metsola

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola sostniet illi hemm bżonn li tintemm l-impunità f'Malta, li jissaħħu s-sistemi, li tiddaħħal id-direttiva anti-SLAPP ... u qalet li dan kollu, inkluż id-dibattitu tal-lum, mhuwiex partiġġjaniżmu. 

"Tiġġudikawx lil Malta minn politiċi kriminali.  Malta aħjar minn hekk - aħna pajjiż demokratiku, li daħal fl-UE, li poġġa l-kwistjoni tat-Tibdil fil-Klima fuq quddiem, dawn il-kiriminali mhumiex il-wiċċ ta' Malta," saħqet Metsola. 

'Mhux ġenn għall-verità, imma biex tidhru sbieħ qabel l-elezzjoni' - Cyrus Engerer

L-MEP Cyrus Engerer sostna li din mhijiex kwistjoni partiġġjana u li f'Malta kulħadd irid ikun jaf il-verità u kulħadd irid li dawk involuti f'dan l-assassinju jiġu kkastigati.  "Imma din il-verità ħierġa għax l-istituzzjonijiet qed jaħdmu u għax ma huma fuq in-naħa ta' ħadd," saħaq Engerer.  Huwa ammetta li biex wasalna fejn qegħdin illum kien hemm snin ta' abbuż u anke assassinju, iżda issa l-affarijiet qed jiċċaqalqu fid-direzzjoni t-tajba. 

Huwa qal li dan id-dibattitu iżda inkwetah għaliex kif tgħid il-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, dibattitu bħal dan waqt li għaddej il-proċess ġudizzjarju jfixkel, mhux jgħin lill-ġustizzja. 

Engerer temm jesprimi diżappunt għal-kummenti ta' Manfred Weber - Ara hawnhekk dawn il-kummenti -  u jisħaq li "kien hawn min kellu ġenn biex isir dan id-dibattitu.  Mhux ġenn għall-verità, imma ġenn biex tidhru tajjeb qabel elezzjoni." 

'Malta jeħtieġ tkun protetta mill-Gvern tagħha stess' - David Casa

L-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa rringrazzja lil Daphne Caruana Galizia u qal illi dawk li qatluha għandhom għaliex jibżgħu "għax tridu tħarsu lejn għajnejn il-familja ta' Daphne qabel tinqaflu l-ħabs." 

Casa qal illi bħalissa f'Malta ta' kuljum qed ifaqqa' skandlu politiku u sostna li għalhekk Malta jeħtieġ tkun protetta mill-Gvern tagħha stess.  "Hemm min lest jipproteġi lill-ħallelin, imma mhux jien u lanqas Roberta Metsola," temm jgħid Casa. 

 

'L-istituzzjonijiet qed jaħdmu u l-ġustizzja qed issir' - Alex Agius Saliba

L-MEP tal-Partit Laburista Alex Agius Saliba saħaq illi l-istituzzjonijiet qegħdin jaħdmu f'Malta "u qed jitrattaw lil kulħadd l-istess u l-ġustizzja fil-Qrati qed issir." Huwa għalhekk li Agius Saliba jgħid li ma jistax jifhem għalfejn sar dan id-dibattitu.  "Għalfejn qed isir ġudizzju qabel tispiċċa t-triq tal-ġustizzja?  Il-ġustizzja mhux se ssir billi nagħtu l-maħfriet kif irid il-Kap tal-Oppożizzjoni Malti. "  

Agius Saliba qal illi l-Gvern kompla jwettaq bidliet u rakkomandazzjonijiet tal-Greco, li jkakkar illi kienu ilhom fuq l-ixkaffa snin sħaħ. 

 'Dibattitu insensittiv u bla użu' - Josianne Cutajar

U finalment l-MEP Laburista Josianne Cutajar saħqet illi l-ġustizzja jeħtieġ issir b'mod seren.  "Id-dibattitu ta-lum huwa insensittiv u li minnu mhux se joħroġ frott, ħlief joħloq aktar firda," qalet Cutajar li fakkret illi Malta qed tagħmel li tista' biex twettaq riformi, filwaqt li għaddejjin inkjesti u hemm persuni quddiem il-Qorti. 

"Id-dibattitu tal-lum, la għandu użu u lanqas huwa konċiljatorju," temmet tgħid Josianne Cutajar.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej