MEP tal-EPP jħeġġeġ lis-Soċjalisti Ewropej biex jiddiżassoċjaw ruħhom mill-Partit Laburista

MEP tal-Partit Popolari Ewropew - li fih hemm il-Partit Nazzjonalista Malti - iwissi illi jekk ma ssirx ġustizzja sħiħa l-Parlament Ewropew se jieħu passi ...

L-MEP Spanjol li talab lill-S&D biex jiddiżassoċjaw rużhom mill-PL
L-MEP Spanjol li talab lill-S&D biex jiddiżassoċjaw rużhom mill-PL

Waqt dibattitu li sar fil-Parlament Ewropew dwar il-governanza f'Malta u l-aħħar żviluppi fir-rigward tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia l-MEP Spanjol Esteban Gonzalez Pons, Viċi President tal-Partit Popolari Ewropew (EPP) wissa lill-Gvern Malti li jekk ma jarax li ssir ġustizzja sħiħa fil-każ tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, il-Parlament Ewoprew se jieħu passi kontra Malta li jmorru lilhinn minn sempliċiment riżoluzzjoni. 

Gonzalez Pons qal li Daphne Caruana Galizia kienet, "fil-mira ta' organizzazzjoni kriminali, l-assassinju tagħha kien ippjanat fiċ-ċentru tal-poter ... għal snin ippruvaw idaħħlu l-kodiċi tas-silenzju u l-biża' imma issa daqshekk," sostna l-MEP.  Hu għalhekk appella lill-Partit tas-Soċjalisti u Demokratiċi biex jiddiżassoċja ruħu mill-Partit Laburista. 

Għajtiet u appelli simili saru minn xi MEPs oħrajn. 

Intant ara x'kien l-eżitu ta' laqgħa bejn il-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli u l-PM Malti Robert Abela

'Żviluppi xokkanti' - Manfred Weber (Kap tal-EPP)

Il-Kap tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber -  il-partit li ressaq il-proposta u li l-Partit Nazzjonalista Malti huwa parti minnu  - sostna illi l-aħħar żviluppi f'dan il-każ huma xokkanti.  "Sa issa ma kienx hemm riżenji u l-ebda responsabiltà politika f'Malta.  Meta l-istituzzjonijiet jinħatfu jwaqqfu l-ġustizzja, mhux jgħinuha timxi 'l quddiem," sostna Weber. 

Huwa qal illi s-sitwazzjoni hija inaċċettabbli għal pajjiż Ewropew u appella lill-Gvern Malti biex inaddaf lill-pajjiż. 

L-MEP Sophie int'Weld mill-Partit Renew Europe qalet illi tħalla wisq żmien li ppermetta li jitħassru l-provi fil-każ tal-assassinju ta' Caruana Galizia u allura - skont hi - issa l-Qorti se jkollha toqgħod fuq ix-xhieda ta' kriminali li qed jitlolbu għal maħfriet presidenzjali.  Hija għamet ukoll referenza għall-każ ta' Rosianne Cutajar u qalet illi filwaqt li ma tridx tiġġudika ma tħossx li Kumitat Etiku huwa biżżejjed biex jgħaddi ġudizzju fuq dawn l-allegazzjonijiet.  Il-każ ta' l-eks Segretarju Parlamentari  qed ikun investigat mill-Kummissarju tal-istandards li jrid jiddeċiedi jekk Rosianne Cutajar kisritx l-etika meta allegatament aċċettat eluf f'senserija għal proprjetà li kien se jixtri Yorgen Fenech. 

Il-Viċi President tal-Ħodor Ewropej l-MEP Gwendoline Delbos-Corfield sostniet illi Malta huwa pajjiż fejn il-flus jixtru ċittadinanza Ewropea anke jekk tkun terrorist u kriminal.  "Din hija Malta," saħqet waqt li qalet illi sal-2020 l-eks PM Joseph Muscat kien qed jibgħat emails lill-Kabinett biex il-Ministri jiftħu l-libelli kontra Caruana Galizia u fakkret li qed jiġi implikat eks Ministru f'dan il-qtil.

Il-Kummissarju Ewropew Vera Jourova faħħret ir-riformi fil-ġustizzja li saru f'Malta, fosthom fil-ġudikatura u sistema ta' separazzjoni ta' poteri, kif faħħret il-passi "fid-direzzjoni t-tajba" fir-rigward tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali."  Hija qalet illi l-effett tar-riformi se juri kemm il-Gvern Malti fil-verità se jkun indirizza l-problemi fil-governanza tal-pajjiż.  

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024