Korruzzjoni u politika partiġġjana qed ibiegħdu ż-żgħażagħ mill-politika

Studju ġdid maħruġ mill-Studenti Demokristjani Maltin juri li ħafna żgħażagħ Maltin qed jitbiegħdu mill-politika minħabba l-korruzzjoni, nuqqas ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet u l-perċezzjoni li l-politika hija kkontrollata minn insiders

Korruzzjoni, nuqqas ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet u l-perċezzjoni li l-politika hija ddominata minn insiders qed ikunu fost l-akbar fatturi li qed iwasslu biex iż-żgħażagħ jitbiegħdu mill-politika f’Malta.

Dan joħroġ minn social paper ġdid maħruġ mill-Studenti Demokristjani Maltin (SDM), organizzazzjoni studenteska preżenti f’diversi istituzzjonijiet edukattivi, li eżamina kif iż-żgħażagħ qed jinvolvu ruħhom fil-politika u x’qed iwassal għal diżingaġġ politiku.

L-istudju kien ibbażat fuq stħarriġ li sar fost 175 student u studentessa minn istituzzjonijiet post-sekondarji u terzjarji.

Skont ir-riżultati, 59.4% tal-parteċipanti qalu li l-korruzzjoni hija waħda mill-akbar ostakli għall-parteċipazzjoni politika tagħhom, filwaqt li 46.9% semmew nuqqas ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet.

Barra minn hekk, 38.9% qalu li jħossu li l-politika f’Malta hija kkontrollata minn insiders u nies qrib il-poter.

L-istudju wera wkoll li l-għoli tal-ħajja u l-affordabbiltà tal-housing huma fost l-akbar tħassib għaż-żgħażagħ Maltin.

Fil-fatt, 73.1% qalu li l-cost of living huwa l-akbar problema tagħhom, filwaqt li 64.6% semmew il-prezzijiet għoljin tal-proprjetà u l-housing affordability.

Minkejja dan, 26.9% biss tal-parteċipanti qalu li jħossu li d-dibattitu politiku fil-pajjiż jirrifletti l-prijoritajiet reali taż-żgħażagħ.

Madwar 38.3% indikaw ukoll li l-kunflitt partiġġjan qed iżid id-diżingaġġ tagħhom mill-politika.

Ir-rapport, bit-titlu The Silent Third, sostna li d-diżingaġġ fost iż-żgħażagħ mhuwiex riżultat ta’ apatija, iżda jindika li l-parteċipazzjoni politika qed issir dejjem aktar kundizzjonali u mhux awtomatika.

Livelli baxxi ħafna ta’ fiduċja ġew irrappurtati fil-Gvern, fil-Parlament u fil-media, speċjalment meta mqabbla ma’ livelli ferm ogħla ta’ fiduċja fl-Unjoni Ewropea u fl-istrutturi ta’ rappreżentanza studenteska.

Minkejja kollox, madwar 60% tal-parteċipanti qalu li għandhom l-intenzjoni li jivvutaw fl-elezzjoni, għalkemm persentaġġ sinifikanti baqa’ inċert jew distakkat minħabba nuqqas ta’ fiduċja, sens ta’ nuqqas ta’ rilevanza u ostakli strutturali fis-sistema politika.

L-istudju kien jinkludi wkoll il-kontribut ta’ żgħażagħ involuti direttament fil-politika Maltija, fosthom rappreżentanti taż-Żgħażagħ Laburisti, il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN), u d-Deputata Nazzjonalista Eve Borg Bonello.

More in Elezzjoni 2026