Alex Borg jgħid li d-dettalji tas-sistema ta’ rapid mass transport se jitħabbru fil-jiem li ġejjin

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li fil-jiem li ġejjin se jitħabbru d-dettalji kollha dwar is-sistema ta’ rapid mass transport proposta mill-PN, inklużi l-istazzjonijiet u r-rotta tagħha

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li fil-jiem li ġejjin il-PN se jiżvela aktar dettalji dwar il-proposta tiegħu għal sistema ta’ rapid mass transport.

Borg kien qed iwieġeb mistoqsijiet dwar il-proġett wara l-pubblikazzjoni tal-manifest elettorali tal-PN, li ma daħalx fid-dettall dwar liema żoni tal-pajjiż se jkunu konnessi permezz tas-sistema proposta.

Huwa reġa’ wiegħed li Gvern Nazzjonalista jibda mill-ewwel il-proċess ta’ ppjanar u procurement tal-proġett.

“Fil-jiem li ġejjin se nkunu qed nuru fejn se jkunu l-istazzjonijiet, kemm se jkun hemm, minn fejn se tgħaddi l-linja u anke kemm iddum biex wieħed jivvjaġġa minn stazzjon għal ieħor,” qal Borg.

Il-Kap tal-PN żied jgħid li l-proġett se jkun akkumpanjat ukoll minn app relatata mas-sistema tat-trasport, li wkoll mistennija titħabbar aktar ’il quddiem.

Intant, Borg kien mistoqsi wkoll dwar il-kumment li għamel waqt id-dibattitu tal-Università ta’ Malta nhar it-Tnejn fejn qal li Malta m’għandhiex bżonn moskea ġdida.

Matul dak id-dibattitu, kemm Borg kif ukoll il-Prim Ministru Robert Abela qalu li ma jarawx il-bżonn ta’ moskea ġdida fil-pajjiż.

Abela kien sostna li jrid jipproteġi “l-identità Maltija”.

Meta mistoqsi dwar il-pożizzjoni tiegħu, Borg qal li jmexxi partit “Kristjan-demokratiku” u li dik hija l-filosofija li jħaddan.

“Meta niġu għall-moskea, oħrajn jistgħu jiddeċiedu. Jiena qed nitkellem ċar — ma naħsibx li hemm bżonn ta’ moskea ġodda,” qal Borg.

More in Elezzjoni 2026