Il-Momentum qed jipproponi sensiela ta’ riformi mmirati biex itemmu d-diskriminazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel fuq il-post tax-xogħol u fil-pensjonijiet.
Fi stqarrija, il-partit qal li minkejja li Malta ilha snin titkellem dwar ugwaljanza bejn is-sessi, ħafna nisa għadhom jiffaċċjaw ostakli strutturali fil-karriera tagħhom, pagi inqas għall-istess xogħol u diskriminazzjoni fis-sistema tal-pensjonijiet.
Il-Momentum ikkritika wkoll il-mekkaniżmu korrettiv tal-ġeneru introdott fil-Kostituzzjoni fl-2021, u sostniet li dan “jiffavorixxi lill-partiti l-kbar” filwaqt li jeskludi nisa minn partiti oħra.
Fost il-proposti ewlenin tal-partit hemm it-tneħħija ta’ diskriminazzjoni fil-pensjonijiet li taffettwa ommijiet imwielda qabel l-1952 jew bejn l-1952 u l-1961.
Il-partit spjega li taħt is-sistema preżenti, ommijiet imwielda qabel l-1952 ma jingħataw l-ebda snin ta’ kontribuzzjonijiet għall-perjodu li qattgħu jrabbu t-tfal tagħhom.
Fil-każ ta’ ommijiet imwielda bejn l-1952 u l-1962, dawn jingħataw biss sentejn kreditu għal kull wild, filwaqt li dawk imwielda wara l-1962 jingħataw erba’ snin għal kull wild.
Il-Momentum qal li se jaħdem biex din id-diskriminazzjoni tintemm kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll Ewropew sabiex il-pensjonanti kollha jiġu trattati b’mod ugwali irrispettivament mis-sena tat-twelid tagħhom.
Il-partit qed jipproponi wkoll aktar miżuri biex jiġu indirizzati preġudizzji u ostakli strutturali li, skontu, għadhom jillimitaw l-avvanz tan-nisa fuq il-post tax-xogħol.
Skont il-Momentum, ħafna drabi d-diskriminazzjoni ma tkunx evidenti iżda tidher fil-mod kif jingħataw promozzjonijiet, opportunitajiet ta’ tmexxija u rwoli ta’ responsabbiltà.
Il-partit sostna wkoll li Malta għadha lura fl-implimentazzjoni tad-direttivi Ewropej dwar “equal pay for equal work”.
Għalhekk, Momentum qal li se jimbotta għal aktar accountability minn min iħaddem biex jiġi żgurat li n-nisa jingħataw opportunitajiet ugwali għall-promozzjoni u l-avvanz professjonali.
Barra minn hekk, il-partit qed jipproponi tisħiħ tal-liġijiet u l-mekkaniżmi ta’ infurzar kontra diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru fil-ħatriet, il-promozzjonijiet u l-pagi.
Il-Membru tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Momentum Katya Compagno qalet li minkejja snin ta’ diskors dwar ugwaljanza bejn is-sessi, mara li tagħmel l-istess xogħol ta’ raġel għadha tista’ titħallas inqas jew tiġi injorata għal promozzjoni.
Hija sostniet ukoll li ħafna nisa anzjani qed jispiċċaw b’pensjoni iżgħar “għax rabbew it-tfal fi żmien differenti”.
Skont Compagno, il-proposti tal-Momentum għandhom l-għan li “jibdlu l-prinċipju ta’ paga ugwali, avvanz ġust u pensjonijiet ġusti f’liġi konkreta b’infurzar reali”.