Alex Borg iħabbar il-Kabinett b’28 shadow minister u tmien kelliema

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ħabbar il-Kabinett tax-Shadow ministers il-ġdid, magħmul minn 28 shadow minister u tmien kelliema, bil-għan li jippreżenta lill-PN bħala alternattiva ta’ Gvern

Alex Borg ħabbar il-kompożizzjoni tal-Kabinett tax-Shadow ministers il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista.
Alex Borg ħabbar il-kompożizzjoni tal-Kabinett tax-Shadow ministers il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ħabbar il-Kabinett tax-Shadow ministers il-ġdid, li jinkludi 28 shadow minister u tmien kelliema, f’dak li ddeskriva bħala pass biex il-PN ikun lest joffri alternattiva ta’ Gvern.

Borg se jservi bħala Kap tal-Oppożizzjoni, filwaqt li d-Deputat Kap Alex Perici Calascione ngħata r-responsabbiltà tat-Turiżmu bħala shadow minister.

Fost il-ħatriet ewlenin, Adrian Delia żamm il-portafoll tal-Finanzi, Joe Giglio se jkun responsabbli mill-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Stephen Spiteri mill-Saħħa, Darren Carabott mill-Ekonomija, it-Teknoloġija u l-Proġetti Strateġiċi, filwaqt li Beppe Fenech Adami se jkopri l-Affarijiet Barranin u Ewropej.

Bernard Grech inħatar shadow minister għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Ħarsien tal-Konsumatur, filwaqt li Ivan Castillo se jkompli bħala Whip u se jkun responsabbli wkoll mill-Mobbiltà Sostenibbli.

Jerome Caruana Cilia se jmexxi l-portafoll tal-Edukazzjoni u ċ-Ċittadinanza, Mark Anthony Sammut dak tal-Enerġija u l-Ambjent, Conrad Borg Manché l-Affarijiet Interni u s-Sigurtà, filwaqt li Rebekah Borg ingħatat il-portafoll tal-Ippjanar.

Il-Kabinett tax-Shadow ministers jinkludi wkoll lil Ivan Bartolo għall-Politika Soċjali u l-FamiljaBernice Bonello għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Julian Borg għall-Infrastruttura u l-Impjiegi, Eve Borg Bonello għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Toni Bezzina għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel, Stanley Zammit għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet, Frank Anthony Tabone għal Għawdex, Julie Zahra għat-Tibdil fil-Klima u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Justin Schembri għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, Michael Piccinino għal dawk li jaħdmu għal rashom, l-intrapriżi żgħar u l-kooperattivi, Paula Mifsud Bonnici għall-Anzjani, Graziella Galea għall-Inklużjoni, Graham Bencini għall-Isport, Graziella Attard Previ għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili, Janice Abela Chetcuti għall-Ħarsien tal-Annimali u Beppe Galea għas-Settur Volontarju.

Il-partit ħatar ukoll tmien kelliema biex jappoġġjaw il-ħidma tal-Kabinett tax-Shadow. Dawn huma John Baptist Camilleri għall-Avjazzjoni, Andrew Agius għas-Servizzi Veterinarji, Miriana Calleja Testaferrata De Noto għall-Koeżjoni Soċjali, Norma Camilleri għall-Politika tal-Familja u t-Tfal, Annabelle Cilia għall-Impjiegi, Ian Vassallo Hagi għall-Kwalità tal-Ħajja, George Vital Zammit għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u Marilena Gauci għall-Industrija tal-Films.

Wara t-tħabbira, Borg qal li l-kompożizzjoni tal-Kabinett tax-Shadow kienet possibbli bis-saħħa tal-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.

Huwa sostna li t-tim se jaħdem fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi billi jressaq proposti u soluzzjonijiet li jtejbu l-kwalità tal-ħajja. Borg temm jgħid li "Oppożizzjoni serja llum, Gvern b’saħħtu għada."

More in Elezzjoni 2026