Erba’ kandidati jissottomettu n-nomina għall-elezzjoni każwali tas-siġġu vakanti ta’ Carmelo Abela

Il-Kummissjoni Elettorali rċeviet erba’ nominazzjonijiet għall-elezzjoni każwali li se ssir il-ġimgħa d-dieħla biex jimtela s-siġġu parlamentari li tbattal wara l-elezzjoni ta’ Carmelo Abela bħala Speaker tal-Kamra

Il-Kummissjoni Elettorali rċeviet erba’ nominazzjonijiet għall-elezzjoni każwali tas-siġġu parlamentari li tbattal minn Carmelo Abela wara li dan ġie elett Speaker tal-Kamra tad-Deputati.

Il-kandidati li ressqu n-nomina tagħhom huma Ray Abela, Martina Paula Buhagiar, James Grech u Eric Plumpton.

L-elezzjoni każwali se ssir nhar il-Ġimgħa li ġej fis-Sala tal-Għadd tan-Naxxar u hija skedata li tibda fid-9am.

Is-siġġu vakanti nħoloq meta Carmelo Abela ċeda s-siġġu li kien rebaħ mit-Tielet Distrett Elettorali wara li ġie elett Speaker tal-Kamra waqt l-ewwel seduta tal-15-il Leġiżlatura.

Abela kien ġie elett b’mod unanimu wara li ġie nnominat għall-kariga u approvat miż-żewġ naħat tal-Kamra.

Wara l-elezzjoni tal-Ispeaker, il-Parlament għadda wkoll għall-ħatra tad-Deputy Speaker, fejn id-deputat Nazzjonalista Bernard Grech ġie elett għall-kariga bl-appoġġ kemm tal-Gvern kif ukoll tal-Oppożizzjoni.

L-elezzjoni każwali tal-ġimgħa d-dieħla se tiddetermina min se jieħu post Abela fil-Kamra tad-Deputati għall-bqija tal-leġiżlatura.

More in Elezzjoni 2026