Meta tħares lura lejn il-mandat tiegħek, x’tikkunsidra bħala l-aktar kisba sinifikanti fil-ministeru tiegħek, u x’impatt kellha fuq il-ħajja tan-nies?
Ħadna deċiżjonijiet b’għan wieħed ċar: li nagħmlu l-ħajja tan-nies eħfef u aħjar. Fil-każ tal-BCRS, ħsibna b’mod speċjali fl-anzjani tagħna. Neħħejnielhom l-inkonvenjent u ġibna s-servizz għandhom, direttament quddiem bieb darhom. Kumdità, rispett u serħan il-moħħ – hekk għandha tkun is-soċjetà li nemmnu fiha.
Imma ma waqafniex hemm. Ħdimna bla waqfien fil-komunitajiet kollha tagħna biex noħolqu ambjent aktar nadif u aktar sabiħ. Għax l-indafa mhix biss dwar dehra, imma ċfuq kollox dwar saħħet in-nies, dwar il-kwalità tal-ħajja ta’ kuljum u dwar il-benesseri soċjali.
Dan hu l-impenn tagħna: li nisimgħu, nifhmu u naġixxu. Politika li tibda min-nies u tispiċċa fin-nies.
Meta tħares lura, hemm xi deċiżjoni li kont tieħu b’mod differenti? U kieku kellek l-opportunità terġa’ tieħu dik id-deċiżjoni, x’kont tbiddel?
Fix-xogħol ikun hemm diversi mumenti fejn tgħid stajt għamilt hekk jew hekk. Però kull deċiżjoni li nieħu nipprova neħodha fl-aħjar interess tan-nies. Jien qiegħed fil-politika u allura ġieli nkunu goffi fil-mod kif nitkellmu. Ġieli kien hemm okkażjonijiet meta kont goff u stajt ma kontx daqshekk goff.
X’inhuma l-aktar tliet sfidi urġenti li se jaffaċċja l-pajjiż fil-ħames snin li ġejjin?
L-effetti tal-instabbiltà ġeopolitika għandhom impatt dirett fuq pajjiżna, u huwa biss Gvern Laburista li jista’ jagħti garanzija li jkun ta’ tarka għall-familji, u l-ħaddiema quddiem dan kollu. It-trackrecord tagħna jitkellem waħdu: Għandna fost l-irħas prezzijiet tal-enerġija fl-UE, u dan għax bis-saħħa ta’ ekonomija b’saħħitha tajna, u se nkomplu nagħtu s-sussidji.
Sfida oħra hi l-avvanz tal-intelliġenza artifiċjali u l-impatt li din qed ikollha, u se jkollha aktar fil-mod kif ngħixu, u naħdmu. Iżda jekk inkomplu nħejju ruħna sew għal dawn il-bidliet teknoloġiċi, din l-isfida kapaċi ndawruha f’opportunità, kif Malta, u l-Maltin, magħrufin li nagħmlu.
L-isfida globali tat-tibdil fil-klima sintendi tolqot ukoll lil pajjiżna, u allura l-ħtieġa li nkomplu ninvestu, kif għamel u se jkompli jagħmel, Gvern Laburista ġdid, fl-enerġija mix-xemx u r-riħ. Ħaddieħor irid jagħmel pompa tal-petrol 14-il mil ’il barra minn Marsaskala, bir-riskji kollha, inkluż ambjentali, li din iġġib magħha – Gvern Laburista ġdid ikompli jinvesti, b’aktar saħħa, f’enerġija ħadra, u nadifa.
X’wasslek biex tikkontesta l-elezzjoni?
It-twemmin li s-suċċess ta’ pajjiżna jitkejjel bil-ħajja tan-nies tiegħu. Dak li jimmotivani hu li nemmen f’Malta aktar ġusta, aktar b’saħħitha u aktar ugwali. Bħala Laburist, nemmen fil-progress u fit-tqassim ġust tal-ġid li noħolqu flimkien bħala poplu. Din hija ġlieda kontinwa għall-ġustizzja soċjali. U proprju għalhekk qiegħed fil-politika: biex inwasslu bidla vera u nagħtu vuċi lil min m’għandux. Għalhekk qed nikkontesta l-elezzjoni u mal-Partit Laburista.
Semmi kwistjoni li int partikolarment appassjonat dwarha, u għaliex?
Jiena Laburista u soċjalista għax nemmen li kull bniedem li jitwieled għandu l-jedd li jgħix ta’ bniedem. Għandu l-jedd ta’ għejxien diċenti, għall-edukazzjoni u għal xogħol diċenti. Xogħol diċenti li jagħti dinjità u sodisfazzjon. Nemmen fil-ġustizzja soċjali. Li ħadd ma għandu jirkeb fuq ħadd u f’soċjetà fejn il-ġid li jinħoloq imur fuq il-poplu u jitqassam b’ġustizzja.
Nemmen fl-opportunitajiet li jinfetħu għal kulħadd. Int min int. Twelidt għand min twelidt. Nemmen f’soċjetà li tkejjel is-suċċess tagħha bil-qagħda ta’ dawk fost l-iċken membri tagħha. Nemmen f’soċjetà inklużiva għax soċjetà esklużiva ma tista’ qatt timxi ’l quddiem.
Barra mill-politika, kif tħobb tqatta’ l-ħin liberu tiegħek?
Inħobb noqgħod id-dar jew xi mkien għall-kwiet. Mal-familja, ikun l-isbaħ ħin id-dar jew meta niltaqgħu għand ommi jew xi okkażjoni oħra fejn niltaqgħu. Inħobb naqra fuq il-ġrajjiet kurrenti jew nara t-televiżjoni.