Nitkelmu ma’ Remenda Grech
Remenda Grech, social worker u kandidat tal-Partit Laburista li se tkun qed tikkontesta l-elezzjoni ġenerali fuq il-5 distrett , tkellmet ma’ din il-gazzetta
X’ideat ġodda ġġib fis-sistema politika ta’ Malta?
Aktar milli nġib ideat ġodda, nemmen li nġib approċċ differenti lejn il-politika — wieħed li jkun aktar viċin in-nies, speċjalment iż-żgħażagħ. Il-ġenerazzjoni tal-lum għandha kreattività, enerġija u ideat ta’ valur, iżda forsi tħoss ruħha maqtugħa mill-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Għandna noħolqu spazji fejn iż-żgħażagħ jistgħu jipparteċipaw u jikkontribwixxu direttament fit-tfassil tal-futur ta’ Malta.
Għandna ħafna x’nitgħallmu minnhom, u jekk irridu pajjiż aktar b’saħħtu, irridu ninvolvuhom aktar fid-diskussjonijiet li jolqtu ħajjithom. Dan huwa importanti mhux biss għall-politika, iżda wkoll biex insaħħu d-demokrazija u l-komunitajiet tagħna.
Fl-istess ħin, il-politika trid tkompli tibni mill-ġdid il-fiduċja man-nies. Il-politiċi għandhom responsabbiltà li jkunu trasparenti, onesti, aċċessibbli u responsabbli lejn il-poplu. In-nies jistennew sinċerità u impenn mhux biss waqt l-elezzjonijiet, iżda kuljum. Irridu nibqgħu qrib ir-realtajiet li jaffaċċjaw in-nies u naħdmu kontinwament biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.
X’inhuma t-tliet sfidi ewlenin li se jaffaċċja l-pajjiż fil-ħames snin li ġejjin?
Waħda mill-akbar sfidi se tkun id-diġitalizzazzjoni u l-iżvilupp mgħaġġel tat-teknoloġija. Malta trid tkompli tinvesti fl-innovazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali, is-sigurtà ċibernetika u s-servizzi diġitali sabiex it-teknoloġija ttejjeb il-ħajja tan-nies mingħajr ma tħalli lil ħadd lura. Id-diġitalizzazzjoni m’għandhiex biss tagħmilna aktar moderni, iżda wkoll aktar iffukati fuq in-nies, speċjalment persuni anzjani li jistgħu jibbenefikaw minn aktar indipendenza u aċċessibbiltà permezz tat-teknoloġija.
Sfida oħra importanti hija l-benesseri mentali. Il-ħajja qed issir dejjem aktar mgħaġġla, u filwaqt li l-progress ekonomiku u teknoloġiku huma importanti, ma nistgħux ninsew l-aspett uman. Il-benesseri mentali huwa essenzjali għal soċjetà b’saħħitha. Irridu nkomplu nqajmu aktar għarfien, insaħħu s-servizzi u niżguraw li n-nies iħossuhom appoġġjati waqt mumenti diffiċli.
It-tielet sfida hija li nsibu bilanċ tajjeb bejn l-iżvilupp u l-kwalità tal-ħajja. Il-progress huwa meħtieġ, iżda d-deċiżjonijiet għandhom ukoll iqisu l-impatt tagħhom fuq il-familji, il-komunitajiet u l-ambjent. Għandna bżonn ippjanar sostenibbli li jipproteġi l-ispazji miftuħa u l-identità tal-komunitajiet filwaqt li nkomplu ntejbu l-infrastruttura u l-opportunitajiet.
Għaliex iddeċidejt tikkontesta l-elezzjoni?
Iddeċidejt nikkontesta l-elezzjoni għax irrid inkun vuċi aktar b’saħħitha għan-nies u nikkontribwixxi direttament lejn bidla pożittiva. Permezz tal-laqgħat man-nies kuljum, speċjalment dawk li qed jaffaċċjaw diffikultajiet, irrealizzajt li s-smigħ waħdu mhux biżżejjed — in-nies iridu wkoll soluzzjonijiet u azzjoni konkreta.
Jiena social worker, u għal wieħed u għoxrin sena dħalt fid-djar tan-nies, qsamt magħhom ir-realtajiet tagħhom u fhimt l-isfidi li jaffaċċjaw ħafna familji. Rajt ukoll kif sistemi ta’ appoġġ u policies tajbin jistgħu tassew ibiddlu l-ħajja tan-nies.
Dik l-esperjenza mmotivatni nidħol fil-politika sabiex inkompli nikkontribwixxi fuq livell aktar wiesa’. Fl-aħħar mill-aħħar, il-politika għandha tkun dwar servizz — it-titjib tal-ħajja tan-nies u li niżguraw li ħadd ma jintesa.
X’inhi kwistjoni waħda li tħossok partikolarment appassjonata dwarha, u għaliex?
Inħossni partikolarment appassjonata dwar it-tisħiħ tas-servizzi ta’ appoġġ għal persuni vulnerabbli u vittmi. Kull persuna jistħoqqilha d-dinjità, il-protezzjoni u l-opportunità li terġa’ tibni ħajjitha bl-appoġġ u l-gwida t-tajba.
Jiena wkoll appassjonata ħafna dwar il-volontarjat u l-ħidma fil-komunità, xi ħaġa li dejjem kienet parti minn ħajti hekk kif trabbejt fil-Ħames Distrett. Il-voluntiera huma waħda mill-akbar saħħiet tal-komunitajiet tagħna. Organizzazzjonijiet bħall-Iscouts, gruppi sportivi, organizzazzjonijiet kulturali, gruppi tal-annimali u organizzazzjonijiet tal-festi jagħtu valur enormi lis-soċjetà u jgħinu biex iżommu lill-komunitajiet magħquda.
Madankollu, il-volontarjat jinvolvi wkoll sagrifiċċju kbir. Ħafna voluntiera jiddedikaw iljieli, weekends u anke riżorsi personali biex ikomplu jgħinu lill-oħrajn. Wara kull organizzazzjoni hemm ammont kbir ta’ xogħol, mill-amministrazzjoni u l-ġbir ta’ fondi sal-kordinazzjoni tal-attivitajiet u l-loġistika.
Għandna bżonn aktar inċentivi, aktar opportunitajiet ta’ taħriġ, riżorsi aħjar u aktar rikonoxximent għall-voluntiera sabiex l-organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jkomplu jikbru b’mod sostenibbli. Il-volontarjat mhux biss dwar l-organizzazzjoni tal-attivitajiet — huwa dwar il-bini tas-solidarjetà, ir-responsabbiltà u komunitajiet aktar b’saħħithom.
Barra mill-politika, kif tħobb tqatta’ l-ħin liberu tiegħek?
Niddedika ħafna mill-ħin liberu tiegħi għall-volontarjat u attivitajiet fil-komunità, partikolarment dawk relatati mal-festi u organizzazzjonijiet lokali. Li nibqa’ qrib in-nies u l-komunità jgħinni nifhem aħjar ir-realtajiet, l-isfidi u l-aspirazzjonijiet tagħhom.
Fl-istess ħin, nemmen ħafna fl-importanza tal-bilanċ bejn ix-xogħol, il-ħajja personali u l-ħajja tal-familja. Il-ħajja tista’ ssir impenjattiva ħafna, u rridu nsibu ħin għall-familja, għall-benesseri u għal mumenti sinifikanti ma’ dawk li nħobbu.
Għalija, il-ħin liberu mhux biss dwar mistrieħ, iżda wkoll dwar li nibqa’ marbuta mal-valuri tas-solidarjetà, is-servizz u l-komunità li dejjem iggwidawni tul ħajti.
