Il-PL iwiegħed investiment fl-AI, AgriTech u ekonomija “ta’ kwalità ogħla”

Waqt attività politika illum, il-Partit Laburista ħabbar sensiela ta’ proposti ekonomiċi u teknoloġiċi fosthom investiment fl-AgriTech, Intelliġenza Artifiċjali u manifattura avvanzata, bil-Ministru Silvio Schembri jgħid li l-mudell ekonomiku tal-pajjiż qed jimmira lejn investiment li juża inqas spazju u inqas ħaddiema

Ritratt: Partit Laburista
Ritratt: Partit Laburista

Il-Partit Laburista lbieraħ ħabbar sensiela ta’ proposti ekonomiċi u teknoloġiċi ġodda li, skont il-partit, għandhom l-għan li jsaħħu r-reżiljenza ekonomika tal-pajjiż u jattiraw investiment ta’ kwalità ogħla.

Waqt attività politika indirizzata mill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, id-Deputat Prim Ministru Ian Borg u l-kandidat Laburista Clint Azzopardi Flores, ġew spjegati diversi sezzjonijiet tal-manifest elettorali tal-PL relatati mat-teknoloġija u l-ekonomija.

Schembri qal li taħt Gvern Laburista ġdid Malta se tiffoka fuq investimenti li jeħtieġu inqas spazju u inqas ħaddiema, filwaqt li joħolqu impjiegi ta’ kwalità ogħla għal ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati u pagi aktar għoljin.

Fost il-proposti mħabbra hemm investiment fl-AgriTech, il-ħolqien ta’ Future Food Innovation Lab u l-integrazzjoni ta’ sistemi ta’ vertical farming sabiex jiġu indirizzati l-isfidi relatati mal-ispazju u r-reżiljenza agrikola.

Schembri qal ukoll li wara l-esperjenza ta’ Malta fil-qasam tal-iGaming, il-Gvern qed jara opportunità ġdida fis-settur tal-prediction markets, li skontu kiber b’rata mgħaġġla madwar id-dinja fl-aħħar sentejn.

Il-Ministru ħabbar ukoll tax credit ta’ 60% mifrux fuq erba’ snin għal investimenti fl-awtomazzjoni, makkinarju avvanzat u setturi diġitali.

Skont Schembri, il-Gvern se jinvesti €120 miljun fuq sentejn bil-għan li jiġġenera mill-inqas €200 miljun f’investiment privat.

Barra minn hekk, huwa qal li taħt investiment governattiv ta’ €160 miljun, it-taxxa għal SMEs b’fatturat sa €1 miljun tinżel minn 35% għal 25% fuq proġetti ta’ reinvestiment.

Schembri qal ukoll li Malta se tkompli tinvesti fil-manifattura avvanzata, b’enfasi partikolari fuq is-semiconductors li sejħilhom “il-qalba tal-ekonomija moderna”.

Huwa ħabbar ukoll aktar investiment fis-settur marittimu permezz ta’ free trade zone logistics hub li jgħaqqad il-Freeport mal-ajruport, flimkien ma’ aktar investiment fis-settur tal-avjazzjoni.

Il-Ministru sostna li Gvern Laburista se jkompli jinvesti wkoll f’setturi bħal MedTech, FinTech, Virtual Reality, big data u Intelliġenza Artifiċjali biex Malta tibqa’ kompetittiva fil-European Innovation Scoreboard.

Schembri qal li fl-2026 ġew investiti €100 miljun fid-diġitalizzazzjoni u l-AI u sostna li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jinvesti l-istess ammont kull sena għall-ħames snin li ġejjin, għal total ta’ €500 miljun.

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg qal li wieħed mill-għanijiet tal-PL huwa li jżid l-użu tal-AI fin-negozji minn 20% għal 40%.

Huwa spjega li għalhekk il-Gvern se jinvesti fi programmi ta’ taħriġ fl-AI b’kollaborazzjoni ma’ OpenAI u Microsoft, marbuta mal-iskema AI for Everyone li tħabbret riċentement.

Borg qal ukoll li t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż qed jippermetti lil Malta tkun aktar selettiva fl-investimenti tagħha, partikolarment fis-settur tat-turiżmu ta’ kwalità.

Huwa sostna li “Gvern Laburista biss” jista’ jiggarantixxi l-istabbiltà ekonomika tal-pajjiż u qal li l-ekonomija Maltija triplikat fid-daqs tagħha mill-2013 ’l hawn.

Il-kandidat Laburista Clint Azzopardi Flores qal li l-Gvern qed jimmira li jattira aktar investiment mingħajr ma jżid il-pressjoni fuq il-popolazzjoni u l-infrastruttura.

Fost il-miżuri msemmija kien hemm ukoll l-iskema tal-E-residency, li tipprovdi bażi diġitali għal imprendituri li jixtiequ jistabbilixxu negozju fl-Unjoni Ewropea permezz ta’ Malta.

More in Elezzjoni 2026