Il-GWU tiddefendi l-bonus ta’ €1,000 tal-PL u tisħaq li għandu jkun investiment fit-tul għall-ħaddiema
Wara li l-Partit Laburista ħabbar proposta għal bonus annwali ta’ €1,000 lill-ħaddiema, il-General Workers’ Union tgħid li l-miżura għandha titqiesbħala rikonoxximent tal-kontribut tal-ħaddiema lejn is-suċċess ekonomiku tal-pajjiż u mhux bħala “giveaway” elettorali
minn Jaelle Borg
Il-proposta tal-Partit Laburista biex kull ħaddiem jirċievi bonus annwali ta’ €1,000 kompliet tqajjem diskussjoni politika u ekonomika hekk kif il-kampanja elettorali qed tkompli tintensifika.
Il-miżura kienet imħabbra aktar kmieni din il-ġimgħa mill-Prim Ministru Robert Abela waqt attività politika, fejn qal li taħt gvern Laburista ġdid il-bonus se jingħata lill-impjegati, self-employed, studenti li jaħdmu u pensjonanti li għadhom attivi fid-dinja tax-xogħol.
Skont il-pjan imħabbar, il-bonus se jingħata bħala rata fissa, indipendentement mil-livell tad-dħul, filwaqt li part-time workers b’salarju ta’ mhux aktar minn €12,000 fis-sena se jibbenefikaw minn bonus ta’ mill-inqas €500.
Il-Prim Ministru qal li l-miżura hija maħsuba biex tkompli ssaħħaħ il-poter tax-xiri tal-familji u tirrikonoxxi l-kontribut tal-ħaddiema lejn l-ekonomija Maltija. Il-proposta hija mistennija tiswa madwar €200 miljun fis-sena.
Madankollu, it-tħabbira qajmet ukoll mistoqsijiet dwar kemm miżura bħal din hija sostenibbli fit-tul, jekk hijiex ekonomikament realistika u jekk għandhiex titqies bħala miżura elettorali maħsuba biex tattira voti qabel l-elezzjoni ġenerali.
Fid-dawl ta’ dawn id-diskussjonijiet, din il-gazzetta tkellmet mal-General Workers’ Union biex tifhem aħjar il-pożizzjoni tal-union dwar il-bonus propost mill-Partit Laburista.
Mistoqsija dwar il-pożizzjoni tagħha fuq il-miżura, il-GWU qalet li tappoġġja l-proposta għax tqisha bħala “turija ta’ rikonoxximent tal-ħidma sfiqa li jagħmlu l-ħaddiema biex illum il-pajjiż għandu dan is-suċċess ekonomiku”.
L-union sostniet li wara snin ta’ tkabbir ekonomiku, il-ħaddiema għandhom jaraw benefiċċju dirett fil-bwiet tagħhom, partikolarment fi żmien meta ħafna familji qed iħossu l-pressjoni tal-għoli tal-ħajja.
Il-GWU ġiet mistoqsija wkoll jekk tqisx il-miżura bħala pass pożittiv fit-tul jew sempliċement inizjattiva temporanja marbuta mal-kampanja elettorali.
Fir-risposta tagħha, il-union insistiet li miżura bħal din għandha tkun waħda permanenti u mhux limitata għal mument politiku partikolari.
“Hu pass pożittiv ħafna u allaħares din il-miżura hija biss waħda temporanja,” sostniet il-GWU.
Waħda mill-akbar kritiċi li qed issir fil-konfront tal-proposta hija li din tista’ tkun forma ta’ “giveaway” elettorali mmirata biex tattira voti qabel l-elezzjoni ġenerali tat-30 ta’ Mejju.
Meta mistoqsija direttament dwar dan, il-GWU ċaħdet din il-karatterizzazzjoni u qalet li l-fokus għandu jibqa’ fuq il-valur tax-xogħol u l-kontribut tal-ħaddiema lejn l-ekonomija.
“La hija proposta ta’ giveaway u lanqas hija proposta ta’ voti. Il-proposta għandha tkun immirata biex tippromovi l-ħidma u l-kontribut lejn l-ekonomija tal-ħaddiema,” qalet il-union.
Il-GWU qalet ukoll li l-miżuri ekonomiċi għandhom jiġu evalwati mhux biss mill-ispiża tagħhom iżda wkoll mill-impatt li jistgħu jkollhom fuq il-ħajja tal-ħaddiema u fuq il-produttività fil-postijiet tax-xogħol.
Mistoqsija dwar kemm il-proposta hija ekonomikament sostenibbli fit-tul, il-union sostniet li inizjattivi li jżidu d-dħul disponibbli tal-ħaddiema jistgħu jservu bħala investiment dirett fl-ekonomija.
“Il-miżuri li jolqtu u jitfgħu l-flus fil-bwiet tal-ħaddiema mhux biss ikunu ekonomikament sostenibbli imma wkoll jimmotivaw il-produttività u l-well-being fil-postijiet tax-xogħol,” sostniet il-GWU.
Il-union argumentat li meta l-ħaddiema jkollhom aktar stabbiltà finanzjarja u aktar sigurtà ekonomika, dan jista’ jwassal għal ambjent tax-xogħol aktar b’saħħtu u produttiv.
Minkejja l-appoġġ tagħha lejn il-proposta, il-GWU insistiet li kull miżura elettorali għandha tkun ibbażata fuq kalkoli ċari u sostenibbli sabiex ma jinħolqux piżijiet ekonomiċi fil-futur.
“L-appell tagħna hu li l-proposti jkunu costed u maħsuba biex intejbu l-ħajja tal-akbar riżorsa ta’ dan il-pajjiż, jiġifieri l-ħaddiema,” temmet tgħid il-union.
Il-proposta tal-bonus ta’ €1,000 mistennija tibqa’ waħda mill-aktar miżuri diskussi fil-kampanja elettorali, hekk kif il-partiti politiċi qed ikomplu jippreżentaw il-wegħdiet ekonomiċi tagħhom lill-elettorat.
Filwaqt li l-Partit Laburista qed jippreżenta l-miżura bħala mod dirett biex il-familji jibbenefikaw mis-suċċess ekonomiku tal-pajjiż, il-kritika dwar l-ispiża tagħha u l-fattibbiltà fit-tul mistennija tibqa’ parti ċentrali mid-dibattitu politiku fil-ġimgħat li ġejjin.
