Il-PN iwiegħed li jerġa’ jiftaħ l-għases kollha magħluqa u jħabbar riformi fis-sigurtà u l-korpi dixxiplinati

Il-Partit Nazzjonalista ħabbar sensiela ta’ proposti relatati mas-sigurtà, il-korpi dixxiplinati u s-sistema penali, fosthom il-ftuħ mill-ġdid tal-għases magħluqa, riformi fil-pensjonijiet tal-korpi dixxiplinati u aktar investiment fit-teknoloġija kontra l-kriminalità organizzata

Il-Partit Nazzjonalista wiegħed li jerġa’ jiftaħ u jirranġa kull għassa tal-pulizija magħluqa f’Malta u Għawdex, filwaqt li sostna li xi għases ilhom snin taħt kostruzzjoni u dan wassal biex uffiċjali tal-pulizija qed jaħdmu minn containers temporanji.

Waqt attività politika nhar it-Tlieta, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg ħabbar sensiela ta’ proposti relatati mal-kriminalità u s-sigurtà, fejn sostna li “s-sigurtà mhix lussu iżda dritt”.

L-attività kienet indirizzata wkoll mid-deputat Nazzjonalista Darren Carabott, li ta aktar dettalji dwar il-proposti.

Fost il-miżuri mħabbra, il-PN wiegħed riforma fil-pensjonijiet tal-korpi dixxiplinati.

Skont il-proposta, uffiċjali li jibqgħu fis-servizz wara l-25 sena u sa 35 sena se jkunu intitolati jirċievu kemm is-salarju kif ukoll il-pensjoni sħiħa tagħhom matul dak il-perjodu ta’ għaxar snin.

Il-partit ippropona wkoll li l-pensjonijiet tal-korpi dixxiplinati jiġu aġġustati skont is-salarji attwali tar-rank tagħhom, sabiex il-pensjonanti jirċievu żewġ terzi tas-salarju tal-lum aktar milli dak li kienu jaqilgħu meta rtiraw.

Il-PN qal li dawn il-miżuri għandhom jgħinu biex jinżammu aktar membri fis-servizz, jattiraw persuni ġodda lejn il-korpi dixxiplinati u jħeġġu lil dawk b’esperjenza jirritornaw fis-settur.

Il-partit wiegħed ukoll cost-of-living adjustment għall-pensjonijiet tal-membri rtirati tal-korpi dixxiplinati biex dawn jirriflettu l-għoli tal-ħajja attwali.

Darren Carabott qal ukoll li Gvern Nazzjonalista se jindirizza “l-inġustizzji” li seħħew fi ħdan il-korpi dixxiplinati permezz ta’ bord indipendenti li jinvestiga dawn il-każijiet.

Matul id-diskors tiegħu, Alex Borg tkellem ukoll dwar it-traffikar tad-droga f’Malta, fejn qal li hemm bżonn aktar investiment fit-teknoloġija avvanzata biex jiġu żarmati netwerks ta’ kriminalità organizzata fil-portijiet tal-pajjiż.

Il-PN ħabbar ukoll proposti għal riformi strutturali fis-sistema penali, fejn sostna li l-għan tal-ħabs għandu jkun mhux biss il-piena iżda wkoll ir-riabilitazzjoni.

Il-partit ippropona l-introduzzjoni ta’ community service programmes immirati lejn ir-riabilitazzjoni ta’ persuni li jistgħu jirriformaw ruħhom, partikolarment żgħażagħ.

Il-PN qal li mhux se jindaħal fis-sentenzi tal-qrati, iżda se jipprovdi lill-Qorti bl-għodod legali meħtieġa biex tkun tista’ tiffoka aktar fuq ir-riabilitazzjoni.

Carabott tkellem ukoll dwar dak li sejjaħ nuqqas ta’ riżorsi fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta, fejn qal li Gvern Nazzjonalista se jinvesti fil-modernizzazzjoni tas-servizzi ta’ search and rescue, id-difiża nazzjonali u ċ-cybersecurity.

Borg ħabbar ukoll proposta biex jiġu modernizzati s-servizzi tal-Protezzjoni Ċivili.

Huwa qal li bħalissa l-ewwel responders jiddependu fuq l-Awtorità tal-Ippjanar biex jiksbu site plans waqt emerġenzi, u wiegħed sistema ġdida li tagħti aċċess dirett lil Protezzjoni Ċivili għal dawn il-pjanti biex jiżdiedet l-effiċjenza waqt operazzjonijiet ta’ emerġenza.

Dwar il-liġijiet tal-cannabis, Borg qal li l-PN mhux se jneħħi l-liġijiet eżistenti peress li dawn diġà ddaħħlu fis-seħħ.

Minflok, huwa qal li l-partit se jiffoka fuq titjib fil-qafas regolatorju, inkluż aktar kampanji ta’ għarfien pubbliku u protezzjoni għad-drittijiet ta’ persuni li jiġu esposti għad-duħħan tal-cannabis fil-pubbliku jew fid-djar tagħhom.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem ukoll dwar il-proposta tal-PN għal offshore fuel hub fil-Hurds Bank.

Skont Borg, il-proġett se jkun protett minn sistema ta’ AI detection li tkun kapaċi tidentifika leaks fi ftit sekondi biex tittieħed azzjoni immedjata.

Borg qal li aktar proposti relatati mas-sigurtà se jitħabbru fil-jiem li ġejjin, filwaqt li sostna li l-miżuri kollha huma kkostjati u skedati.

Darren Carabott żied jgħid li aktar dettalji finanzjarji se jiġu ppubblikati aktar ’il quddiem.

More in Elezzjoni 2026