Abela jħabbar pakkett ta’ €829 miljun għat-trasport u l-infrastruttura
Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar sensiela ta’ proġetti infrastrutturali u miżuri ġodda relatati mat-trasport, fosthom investiment fit-toroq, sistemi ta’ parkeġġ, rapid transport system u aktar konnettività ma’ Għawdex
minn Jaelle Borg
Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar pakkett ta’ miżuri infrastrutturali u tat-trasport b’investiment ta’ €829 miljun, immirat lejn it-titjib tan-network tat-toroq, il-problema tal-parkeġġ u aktar konnettività bejn Malta u Għawdex.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet nhar it-Tlieta, Abela qal li dawn il-miżuri jiffurmaw parti mill-istrateġija fit-tul “Malta in Motion”, li huwa ddeskriva bħala l-ewwel pjan olistiku tat-trasport għall-pajjiż.
Fost il-proġetti ewlenin imħabbra hemm aġġornamenti maġġuri fil-junctions tal-Barrani/Bir id-Deheb, Paceville, Ħal Qormi Imdallaq u Burmarrad.
Il-Gvern wiegħed ukoll li jkompli jinvesti b’mod qawwi fin-network nazzjonali tat-toroq.
Abela ħabbar ukoll sensiela ta’ inizjattivi mmirati biex tiżdied il-kapaċità tal-parkeġġ madwar il-pajjiż.
Dawn jinkludu parkeġġ taħt l-art fi proġetti ta’ spazji miftuħa, l-użu ta’ parkeġġi privati matul il-lejl u introduzzjoni ta’ resident parking schemes b’kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali u l-komunitajiet.
Il-Prim Ministru sostna li dawn l-iskemi mhux se jinvolvu sistemi ta’ parkeġġ bi ħlas għar-residenti.
Il-pjan jinkludi wkoll aktar investiment fil-park-and-ride facilities u aktar shuttle bus services, inklużi rotot li jgħaqqdu ma’ ferry terminals.
Element ċentrali tal-pjan huwa l-iżvilupp ta’ rapid transport system adattat għal Malta, li skont il-Gvern mistenni jibda jopera fuq medda ta’ 15-il sena.
Transport Malta qed taħdem ukoll fuq applikazzjoni diġitali li se tgħaqqad is-servizzi kollha tat-trasport pubbliku fuq pjattaforma waħda.
Permezz tagħha, il-passiġġieri se jkunu jistgħu jippjanaw il-vjaġġi tagħhom billi jużaw buses, Y-Plates, ferries, servizzi ta’ micromobility bħaċ-ċikliżmu u eventwalment ir-rapid transport system.
Matul il-leġiżlatura li jmiss, il-Gvern qed jippjana wkoll li jintroduċi “mobility wallet”, pjattaforma diġitali li se tiġbor flimkien is-servizzi kollha tat-trasport pubbliku u tinkludi mobility credits scheme.
Persuni li jagħżlu mezzi alternattivi ta’ trasport se jkunu jistgħu jiġbru credits li jistgħu jintużaw fuq prodotti u servizzi, inkluż trasport.
Abela qal ukoll li n-network tal-karozzi tal-linja se jgħaddi minn “reviżjoni bir-reqqa”, b’rotot ġodda jew aġġornati skont id-domanda.
Huwa qal li l-Gvern irid jintroduċi aktar rotot li jgħaddu miċ-ċentri tal-irħula permezz ta’ karozzi tal-linja iżgħar, filwaqt li jiżdiedu l-frekwenza u l-puntwalità fuq l-aktar rotot popolari.
Il-Gvern wiegħed ukoll li jkompli bl-elettrifikazzjoni tal-flotta tat-trasport pubbliku, bil-flotta kollha ta’ Għawdex mistennija ssir elettrika kompletament sa tmiem din is-sena.
Abela ħabbar ukoll li n-network tal-fast ferry se jitkompla jespandi, b’xogħlijiet diġà għaddejjin biex Marsaskala tibda tiġi inkluża fis-servizz filwaqt li jiżdiedu l-ħinijiet tal-operat.
Fost il-miżuri l-oħra relatati mat-trasport, il-Gvern se jneħħi l-liċenzji fuq muturi taħt it-350cc u se jirdoppja l-għotja għall-e-bikes għal €1,300 għal żgħażagħ bejn is-16 u t-18-il sena.
Mill-2029 ’il quddiem, il-vetturi ġodda kollha tat-trasport tal-passiġġieri, inklużi rental cars, se jkollhom ikunu electric jew hybrid.
Lil hinn mit-trasport, il-Gvern ħabbar investiment ta’ €55 miljun fi breakwater ġdid f’Sant Iermu biex jitnaqqas l-impatt tal-mewġ fil-Port il-Kbir.
Il-proġett shore-to-ship electricity, li diġà ġie implimentat fil-Port il-Kbir, se jiġi estiż ukoll għall-Freeport.
F’Marsaxlokk, se jsiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni u estensjoni fuq il-breakwater ta’ Delimara biex il-bastimenti jkollhom aktar kenn.
Bħala parti mill-istrateġija Vision Malta 2050, il-Gvern qed jippjana wkoll riġenerazzjoni taż-żona tal-Port il-Kbir permezz ta’ proġett maqsum f’erba’ żoni, li se jibda miż-żoni tal-Marsa Creek u l-Customs House.
Dwar il-konnettività ma’ Għawdex, Abela qal li l-Gvern għandu l-għan li jsaħħaħ il-konnessjonijiet bejn iż-żewġ gżejjer b’aktar minn 25%.
Il-miżuri jinkludu investiment fi flotta ġdida għall-Gozo Channel, inkluż bastiment dedikat għat-trasport tal-merkanzija, introduzzjoni ta’ inter-island air taxi service wara t-tlestija tal-airstrip f’Għawdex, aktar estensjoni tas-servizzi tal-fast ferry u titjib infrastrutturali fil-portijiet tal-Imġarr u Marsalforn.
Abela ħabbar ukoll li se jiġi introdott on-demand bus service f’Għawdex.
