Imejl li nxterdet tixhed li l-Pentagon qiegħed jikkunsidra li jissospendi lil Spanja min-NATO
Email interna tal-Pentagon żvelat ir-rabja tal-Istati Uniti lejn Spanja u alleati oħra tan-NATO minħabba li ma ħallewx lil truppi Amerikani jużaw bażijiet għal attakki fuq l-Iran u tagħti x'tifhem li l-Istati Uniti se tibda titfa' iżjed pressjoni għaż-żieda fl-infiq għad-difiża
minn Eman Farrugia
Korrispondenza interna tal-Pentagon żvelat r-rabja tal-Istati Uniti lejn Spanja u alleati oħra tan-NATO dwar bażijiet li ma tħallew jintużaw għal attakki mill-Iran u tissuġġerixxi li ssir iżjed pressjoni fuq pajjiżi Ewropej sabiex iżidu l-infiq għad-difiża.
L-imejl li nxterdet tissuġġerixxi li l-Pentagon fassal sett ta’ proposti immirati sabiex jiġu jippenalizzti l-pajjiżi tan-NATO li rrifjutaw sejħiet mill-Istati Uniti sabiex jgħinu fil-gwerra tal-Iran, jissospendu s-sħubija ta’ Spanja fin-NATO, kif ukoll idgħajfu l-appoġġ tal-Istati Uniti għall-kontroll territorjali tar-Renju Unit fuq il-Gżejjer tal-Falklands.
L-imejl interna tiddeskrivi l-frustrazzjoni espressa sew f’Washington ma’ xi pajjiżi tan-NATO talli ma ħallewx lill-forzi tal-Istati Uniti jużaw l-ispazju tal-ajru tagħhom waqt li jkunu fi triqthom sabiex ibbumbardjaw l-Iran. L-imjel tikxef ukoll rabja lejn pajjiżi li ma ħallewx lill-qawwiet Amerikani jagħmlu użu minn bażijiet tal-ajru fit-territorji tagħhom sabiex ajruplani militari jkunu jistgħu jimtlew bil-fjuwil.
Ir-rifjut għall-aċċess għad-drittijiet tal-ibbażar u t-titjir fuq l-Iran; magħrufa bħala ABO; hija dettaljata fl-email irrappurtata għall-ewwel darba minn Reuters bħala "biss il-linja bażi assoluta għan-NATO", skont uffiċjal mhux imsemmi fir-rapport.
Sadanittant, sors għoli tan-NATO qal lil Euronews li t-ton espress fl-imejl"mhux sorprendenti" minħabba n-"nuqqas ta’ kuntentizza" tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump bl-Ewropa, u partikolarment Spanja".
Il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sánchez kien l-aktar vuċi Ewropea vokali kontra l-gwerra bejn l-Istati Uniti u l-Iżrael fl-Iran.
Mill-ewwel jiem tal-gwerra, meta pajjiżi oħra offrew approvazzjoni kwieta għall-attakki, Spanja ċaħdet lill-Istati Uniti aċċess biex tuża bażijiet militari operati b'mod konġunt fit-territorju Spanjol, u ċanfret l-attakki fl-Iran bħala "intervent militari mhux ġustifikat u perikoluż".
Is-sors tan-NATO jirrimarka li l-frustrazzjoni ta' Trump ma' Spanja tmur lura għar-rifjut ta' Sánchez li jżid l-infiq militari minn 2.1% tal-Prodott Gross Domestiku għal 5% skont l-impenn mill-alleati l-oħra kollha tan-NATO, li għalihom Trump iddeskriva lil Spanja bħala pajjiż li "waqa' lura". "M'għandhom l-ebda skuża sabiex ma jagħmlux dan, imma ma ġara xejn. Forsi għandek tkeċċihom min-NATO, frankament," qal ftit wara.
"Dan imur lura għal-logħob politiku li Sánchez qiegħed juża biex jikkalma l-bażi politika tiegħu," qal is-sors. "Huma l-uniku pajjiż li qalu li m'għandhomx bżonn jonfqu 5% fuq id-difiża," qal is-sors lil Euronews.
Fuq talba ta’ Trump, l-alleati tan-NATO qablu li jżidu l-infiq fuq id-difiża għal 5% storiku tal-Prodott Gross Domestiku sal-2035 fis-summit annwali tal-mexxejja tal-alleanza f’The Hague is-sena l-oħra. Iżda Madrid tinsisti li Spanja tista’ tilħaq il-miri tal-kapaċità tagħha billi tonfoq 2%.
Sadanittant, Sánchez għalaq mistoqsijiet dwar ir-rapport fejn qal li l-gvern jiddependi fuq “dokumenti u pożizzjonijiet uffiċjali, mhux komunikazzjonijiet informali”, qal lill-ġurnalisti f’summit tal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea f’Ċipru nhar il-Ġimgħa.
L-imejl tal-Pentagon, li allegatament ġejja mill-ogħla livelli tad-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti, tikkunsidra wkoll li tfittex retribuzzjoni kontra r-Renju Unit wara li l-Prim Ministru Brittaniku Keir Starmer irrifjuta pubblikament li jingħaqad mal-gwerra.
L-email tikkunsidra li terġa’ tevalwa l-appoġġ diplomatiku tal-Istati Uniti għal “pussessjonijiet imperjali” Ewropej li għadhom jeżistu, bħall-Gżejjer tal-Falklands li jinsabu qrib l-Arġentina.
Id-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti ilu jappoġġja lir-Renju Unit bħala l-amministratur uffiċjali tal-Gżejjer tal-Falklands, wara l-gwerra tal-1982 bejn l-Arġentina taħt il-ġunta militari u r-Renju Unit, li wasslet sabiex ir-Renju Unit reġa' kiseb kontroll fuq il-gżejjer.
Iżda l-Arġentina dejjem sostniet il-gżejjer huma tagħha u tirreferi għalihom bħala l-''Islas Malvinas'', u l-President attwali tagħha Javier Milei huwa sostenitur mill-qrib ta’ Trump.
Esperti u osservaturi jgħidu li mhux possibbli li s-sħubija ta’ Spanja fin-NATO tiġi sospiża mill-Istati Uniti, iżda li l-kritika frekwenti ta’ Trump dwar l-alleanza transatlantika ta’ 77 sena hija ta’ tħassib ferm.
“Ma tistax tkeċċi lin-nies min-NATO sakemm ma jkunx hemm ksur materjali tal-proċess, li fil-każ ta’ Spanja m’hemm assolutament l-ebda evidenza,” qal l-eks Kaptan tal-Armata Brittanika, Dr. Patrick Bury.
“Imma hu [Trump] tant ikkritika lin-NATO, tista’ tibqa’ ħajja għat-tliet snin li ġejjin?” qal lil Euronews waqt intervista bit-telefon.
Il-pajjiżi tan-NATO kellhom “dritt li jirrifjutaw l-aċċess għall-bażijiet militari,” kompla jgħid Bury.
“Fl-1986, waqt l-azzjoni tal-Istati Uniti kontra l-Libja, kemm Franza kif ukoll Spanja għalqu l-bażijiet tal-ajru tagħhom għall-Istati Uniti, għalhekk hemm preċedent għalihom li għamlu dan,” żied jgħid.
“Ma kien hemm l-ebda konsultazzjoni man-NATO dwar din il-gwerra, u l-Iran mhuwiex territorju tan-NATO,” qal Bury, li huwa lecturer speċjalizzat fil-gwerra u l-ġlieda kontra t-terroriżmu fl-Università ta’ Bath, ir-Renju Unit.
Huwa ddubita wkoll ir-raġuni wara d-deċiżjoni ta' min xerred id-dokument, u sostna jekk il-pubblikazzjoni tiegħu hijiex parti minn strateġija aktar komprensiva mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti sabiex tagħmel ħsara lin-NATO.
L-attakki verbali u t-theddid ta’ Trump li jirtira min-NATO qed isiru dejjem aktar frekwenti minn mindu bdiet il-gwerra fl-Iran. Minn dakinhar warrab l-alleanza bħala “tigra tal-karti”, u akkuża lill-alleati li ħallewh mitluq fuq l-Iran.
“Il-mistoqsija l-kbira hija min xerred dan u għaliex għamel hekk?” staqsa Bury.
“Kien parti minn sforz usa’ biex tittaffa n-NATO, jew sabiex tintbagħat messaġġ lill-alleati sabiex jaqblu li jagħmlu xi ħaġa rigward l-Istrett ta’ Hormuz?”
L-Istrett ta’ Hormuz; waħda mir-rotot tat-tbaħħir internazzjonali l-aktar importanti fid-dinja; ingħalaq minħabba l-gwerra fl-Iran.
L-Iran inizjalment imblokka l-Istrett biex ifixklu l-provvisti tat-tbaħħir tal-Punent, u dan wassal għal kaos kontinwu u prezzijiet tal-enerġija għoljin ħafna.
Minn dakinhar 'l hawn, l-Istati Uniti bdiet l-imblokk tagħha stess, u żgurat li l-passaġġ tal-ilma jingħalaq kompletament għat-tbaħħir lejn u minn portijiet Iranjani. It-tentattivi sabiex tissolva l-kriżi permezz ta' laqgħat diplomatiċi mmexxija mill-Pakistan u t-Turkija għadhom staġnati.
