Il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sánchez reġa’ kkundanna dak li jsejjaħ bħala “double standards” tal-Unjoni Ewropea bejn ir-rieda tagħha li tissanzjona lir-Russja u l-eżitazzjoni tagħha li tagħmel l-istess ma’ Iżrael.
In-nuqqas tal-Unjoni Ewropea li tissanzjona lil Iżrael minħabba l-ġenoċidju tagħha f’Gaża u l-invażjoni fil-Libanu jdgħajjef il-“kredibbiltà” u l-“leġittimità” kollettiva sabiex tiddefendi lill-Ukrajna kontra l-invażjoni tar-Russja, qal il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sánchez.
“Hija xi ħaġa li qiegħda tnaqqsilna l-leġittimità, mhux biss f’għajnejn id-dinja ta’ barra iżda wkoll f’għajnejn is-soċjetajiet tagħna stess, hija din id-double standard, dan il-kejl doppju li l-Ewropa qiegħda tuża fl-Ukrajna u l-Lvant Nofsani,” qal Sánchez nhar il-Ġimgħa.
It-twissija tiegħu tasal ftit jiem wara li l-ispinta mbuttata minn Spanja sabiex jintemm il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżrael b’reazzjoni għall-attakki fatali kontra l-Libanu ntlaqgħet b’oppożizzjoni wiesgħa minn stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ġermanja u l-Italja, li huma kruċjali sabiex jinkiseb il-vot ta’ maġġoranza kwalifikata meħtieġ favur sospensjoni parzjali, għadhom indeċiżi.
Sánchez ippreżenta l-każ lill-mexxejja sħabu tal-Unjoni Ewropea waqt summit informali f'Ċipru, fejn irrefera għal reviżjoni interna minn Brussell li sabet li Iżrael kiser l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, li jimponi obbligi vinkolanti sabiex jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem.
Ir-reviżjoni ġiet ippubblikata s-sena l-oħra fil-kuntest tal-gwerra ta' Iżrael fuq Gaża, li eskalat f'ġenoċidju u kriżi umanitarja devastanti li wasslet għal diversi proposti sabiex jiġi sanzjonat Iżrael. Madandakollu, l-ebda waħda minnhom qatt ma ġiet approvata mill-istati membri tal-Unjoni Ewropea. Dawn il-proposti ma kinux jkopru il-Libanu.
"Ma nistgħux nibqgħu magħqudin fl-appoġġ, kif suppost, ta' poplu (fl-Ukrajna) soġġett għal tentattiv ta' invażjoni u sfida għall-integrità territorjali tagħhom, u nonqsu milli nagħmlu l-istess fil-Lvant Nofsani. Speċjalment meta qed nitkellmu dwar il-Libanu, il-Palestina, Gaża u x-Xatt tal-Punent," qal Sánchez.
"Sfortunatament, xi gvernijiet huma favur, oħrajn huma kontra," kompla.
"M'hemm l-ebda unità dwar din il-kwistjoni, u r-riżultat huwa dgħufija tal-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea, għall-inqas f'termini tal-leġittimità politika tagħna u l-kredibbiltà tagħna meta niġu biex niddefendu kawżi ġusti bħal dik tal-Ukrajna."
Il-prim ministru Spanjol qal li l-Unjoni Ewropea twaqqfet bħala "proġett ta' paċi" u għalhekk għandha titkellem biex titlob "rispett għal-liġi internazzjonali".
"Jekk ma nagħmlux hekk, issir il-liġi tal-aktar b'saħħtu, li huwa dak li qed naraw. Dan iwassal għal dinja aktar dgħajfa, ħafna aktar insigura u aktar inċerta," qal, waqt li rrefera għad-deċiżjoni tal-Istati Uniti u l-Iżrael li jattakkaw l-Iran, li huwa ripetutament iddenunzja bħala "illegali".
"Fl-aħħar mill-aħħar, dan jiġi bi prezz f'termini ta' ħajjiet, l-ispostament tar-refuġjati u, naturalment, il-konsegwenzi ekonomiċi li, sfortunatament, il-gvernijiet kollha issa qed jiffaċċjaw bħala riżultat ta' deċiżjonijiet unilaterali u illegali meħuda minn pajjiżi terzi."
Iżrael ilu jikkontesta l-kritika Spanjola, billi argumenta li l-offensivi militari tiegħu f'Gaża u l-Libanu kienu mfassla biex jeliminaw it-theddid ippreżentat minn Hamas u Hezbollah, rispettivament, li t-tnejn huma appoġġjati mill-Iran.
Madanakollu, l-attentati ta' Iżrael sabiex jipprova jiġġustifika l-atroċitajiet li wettaq qegħdin isibu reżistenza mill-komunita' internazzjonali u nuqqas ta' popolarita' globali; anke fost soċjetajiet tal-Punent; hekk kif il-perċezzjoni tal-pubbliku dwar Iżrael qiegħda ssir iżjed waħda kritika.
Nhar il-Ħamis, il-President tal-Istati Uniti Donald Trump ħabbar li waqfien mill-ġlied fraġli bejn Iżrael u Hezbollah ġie estiż bi tliet ġimgħat.
Il-President Franċiż Emmanuel Macron, li attenda wkoll is-summit f'Ċipru, appella lill-Unjoni Ewropea sabiex tagħmel aktar bl-għan li tissalvagwardja l-"paċi, l-istabbiltà u s-sovranità" tal-Libanu.
L-uffiċjali Ewropej jibżgħu li offensiva kontinwa kontra l-Libanu tista' tfixkel l-isforzi diffiċli tal-gvern biex jiddiżarma lil Hezbollah u twassal għal mewġa migratorja.