Eluf mistennija li jfakkru t-52 sena anniversarju tar-Rivoluzzjoni tal-Qronfol fil-Portugall

Il-Portugall nhar is-Sibt qiegħed jimmarka kolp ta' stat mill-armata Portugiża li wassal għat-tmiem tal-itwal dittatorjat tal-Ewropa u fit-trasformazzjoni tal-Portugall fi stat demokratiku u membru tal-Unjoni Ewropea

Ritratt: Wikimedia Commons.
Ritratt: Wikimedia Commons.

Il-Portugall nhar is-Sibt qiegħed jimmarka t-52 anniversarju tar-Rivoluzzjoni tal-Qronfol, kolp ta' stat mill-armata Portugiża li wassal għat-tmiem tal-itwal dittatorjat tal-Ewropa u fit-trasformazzjoni tal-Portugall fi stat demokratiku u membru tal-Unjoni Ewropea.

Il-kolp ta' stat mhux imdemmi kien ukoll strumentali sabiex sitt eks-kolonji Portugiżi kisbu l-indipendenza tagħhom wara li ġew fi tmiemhom 13-il sena ta' gwerer kolonjali fl-Afrika.

Ir-rivolta tal-1974, li saret minn grupp ta' kaptani militari żgħażagħ idealisti, malajr inbidlet f'irvell popolari meta t-truppi ġew milqugħa minn folol ferrieħa fil-kapitali Lisbona.

Billi ltaqgħu ma' ftit reżistenza mill-forzi leali lejn ir-reġim, il-mexxejja tal-kolp damu inqas minn 24 siegħa sabiex iwaqqgħu d-dittatorjat li kien ilu jmexxi l-Portugall b'id tal-ħadid mill-1926 taħt Antonio de Oliveira Salazar u mill-1968 taħt Marcelo Caetano.

L-irvell paċifiku ngħata il-laqam tar-"Rivoluzzjoni tal-Qronfol" b'refereza għall-fjuri li t-truppi u d-dimonstranti xellugin poġġew fl-armi u t-tankijiet tal-militar f'eżempju rari ta' kolp ta' stat militari li wassal sabiex titwaqqaf demokrazija.

Rivoluzzjoni paċifika u mhux imdemmija

Kmieni filgħodu tal-25 ta' April 1974, ir-ribelli tal-Moviment tal-Forzi Armati xandru messaġġ bir-radju li jsejjaħ lin-nies sabiex jibqgħu ġewwa u jżommu l-kalma; u b'hekk ingħata bidu għal rivoluzzjoni sabiex jintemm id-dittatorjat li kien ilu fil-poter għal 42 sena.

Iżda l-poplu f'Lisbona, imdejjaq bl-istat ekonomiku prekarju u l-gwerer kolonjali diżastrużi, ħareġ bl-eluf fit-toroq, inġabar fil-kantunieri u tħallat mas-suldati ribelli.

Kaptan żagħżugħ tal-kavallerija, Jose Salgueiro Maia, intbagħat biex jaċċetta r-reżenjazzjoni tal-Prim Ministru Caetano fir-refuġju tiegħu fil-kwartieri ewlenin tal-pulizija ta’ Lisbona.

Fi Pjazza Carmo ta’ Lisbona, il-folla li dejjem tikber kantat l-innu nazzjonali qabel ma telqet sabiex tieħu f'idejha l-kwartieri ġenerali tal-pulizija sigrieta tar-reġim, il-PIDE.

Aġenti tal-PIDE sparaw fuq il-folla, u qatlu erba' persuni. Dawn huma l-uniċi nies li mietu fir-rivoluzzjoni.

Indipendenza għall-kolonji Afrikani

L-għada, l-eks-kap ġenerali tal-persunal tal-forzi armati u l-figura ewlenija tal-moviment ribelli, il-Ġeneral Antonio Spinola, ħabbar il-formazzjoni ta’ gvern ta’ salvazzjoni nazzjonali, f’dikjarazzjoni f’isem ir-ribelli.

Fid-dikjarazzjoni tiegħu, huwa ppropona li l-poter jingħata lill-popolazzjoni ċivili b’elezzjonijiet ħielsa u politika bbażata fuq tliet prinċipji; id-demokratizzazzjoni, id-dekolonizzazzjoni u l-iżvilupp.

Ir-Rivoluzzjoni wasslet għall-ewwel elezzjonijiet ħielsa tal-Portugall b’suffraġju universali eżattament sena wara.

Il-Portugall, li l-esploraturi tiegħu kienu bdew il-kolonizzazzjoni tal-Afrika mill-Ewropa fis-seklu 15, ħaseb sabiex jibda proċess mgħaġġel ta' dekolonizzazzjoni.

Dan wara li kien ilu sa mill-1961 jitqabad sabiex iżomm il-imperu kolonjali tiegħu f'konfronti ma' bosta movimenti tal-liberazzjoni; fosthom l-MPLA fl-Angola, il-FRELIMO fil-Możambik u l-PAIGC f'Guinea-Bissau.

Il-gvern proviżorju rrikonoxxa l-indipendenza ta' Guinea-Bissau fl-1974; li kien ilu de-facto taħt il-kontroll tar-ribelli minn sena qabel; u ta l-indipendenza lill-Angola, il-Możambik, il-Kap Verde u Sao Tome u Principe fl-1975.

L-indipendenza temmet 13-il sena ta’ gwerra kolonjali fl-Afrika li kienet swiet mill-inqas 8,000 ħajja, feriet aktar minn 20,000 u kienet qiegħda tiswa lill-Portugall aktar minn nofs il-baġit finanzjarju tiegħu.

Il-Portugall qatta' s-snin ta' wara jmexxi kampanja internazzjonali favur l-indipendenza ta' Timor-Leste; eks-kolonja Portugiża fl-Ażja li kienet ġiet invaduta illegalment mill-Indoneżja bl-appoġġ tal-Istati Uniti u l-Awstralja.

L-appoġġ tal-Portugall kien strumentali sabiex dan il-pajjiż kiseb l-indipendenza fl-2002.

Il-legat tar-rivoluzzjoni fis-soċjeta' Portugiża

Wara d-demokratizzazzjoni tal-pajjiż b'riżultat tar-rivoluzzjoni, kisba oħra fl-istorja riċenti tal-Portugall kienet id-dħul ta' dan il-pajjiż fl-Komunita' Ekonomika Ewropea; dik li kellha ssir l-Unjoni Ewropea; fl-1986. 

Ir-Rivoluzzjoni hija sors ta’ kburija fil-Portugall, fejn l-anniversarju huwa festa nazzjonali msejħa “Jum il-Libertà”.

Ix-xjentist politiku tal-Università ta’ Lisbona, Antonio Costa Pinto, qal li filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-Portugiżi jappoġġjaw id-demokrazija u huma kburin bir-rivoluzzjoni tal-25 ta’ April, wieħed ma jistax jinjora ż-żieda riċenti fl-appoġġ għal Chega; partit populista tal-lemin u kontra l-immigrazzjoni.

“Chega jattira lil dawk li għandhom fehma reviżjonista tal-istorja bl-idea li l-kolonjaliżmu u l-imperu ma kinux ħżiena, u li l-passat glorjuż Portugiż u s-simboli tiegħu għandhom jiġu vvalutati,” qal Costa Pinto.

Studju ppubblikat nhar il-Ġimgħa mill-Istitut tax-Xjenzi Soċjali ta’ Lisbona (ICS) u l-università ta’ riċerka ISCTE sab li 23% ta’ dawk li wieġbu ħassew li jekk il-mexxejja politiċi attwali jsegwu l-“ideali” ta’ Salazar, il-Portugall jista’ “jerġa’ jikseb il-kobor tiegħu”.

Chega jagħmel użu pubbliku frekwenti tal-motto ta’ Salazar; “Alla, patrijottiżmu u familja”; li miegħu l-partit żied il-kelma “xogħol”.

Il-mexxej ta’ Chega, Andre Ventura, ċaħad li hu jew il-partit tiegħu huma faxxisti, minkejja li huma kontra t-tmexxija attwali tal-Portugall u jridu jibdlu l-kostituzzjoni tal-Portugall.

“M’iniex faxxista, twelidt wara l-faxxiżmu… Qatt ma naħbu li ma nħobbux din is-sistema, din il-Kostituzzjoni. Imma dan ma jfissirx li ma nħobbux id-demokrazija,” qal Ventura fl-2021.

Imwaqqaf fl-2019, Chega huwa t-tielet l-akbar partit fl-istat membru tal-Unjoni Ewropea, wara li kiseb 50 siġġu fil-parlament wara l-elezzjoni ta’ Marzu 2024.

Chega spiss jikkapitalizza fuq il-kriżi tad-djar li nqalgħet minn kirjiet li qed jogħlew b’mod kostanti kif ukoll pagi baxxi, kura tas-saħħa li qed tonqos u każijiet ta’ allegata korruzzjoni li jinvolvu l-partiti ewlenin fil-gvern.

Il-Portugall jibqa' l-ifqar pajjiż tal-Ewropa tal-Punent.

More in Barranin