Ksur ta' drittijiet tal-immigranti hekk kif il-Marokk iżżid il-kooperazzjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea
Hekk kif il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil huwa mistenni li jidħol fis-seħħ fit-12 ta' Ġunju li ġej, il-Marokk qiegħed jintensifika l-isforzi tiegħu sabiex ifixkel tentattivi ta' immigranti li kienu fi triqthom sabiex jemigraw lejn Ewropa; fost rapporti ta' ksur ta' drittijiet tal-bniedem bl-appoġġ tal-Unjoni Ewropea
minn Eman Farrugia
Matul dawn l-aħħar ġimgħat, il-Marokk intensifika t-twettiq ta' operazzjonijiet ta' deportazzjoni fuq skala kbira bl-għan li immigranti Afrikani sub-Saħarjani ma jitħallewx jemigraw lejn l-Ewropa. Allegatament, qegħdin jiġu arrestati aktar minn 100 immigrant kuljum.
Skont gruppi Marokkini tad-drittijiet tal-bniedem, madwar 800 persuna ġew detenuti waqt rejds ikkoordinati fil-foresti bejn Fnideq u Belyounech, fit-tarf tat-Tramuntana tal-pajjiż fl-Afrika ta' Fuq, fejn ħafna kienu qegħdin jistkennu qabel ma jippruvaw jaslu l-Ewropa.
L-operazzjoni għadha għaddejja, bl-awtoritajiet issa qegħdin idawru l-attenzjoni tagħhom għal operazzjonijiet f'Tanġier u fil-madwar tiegħu.
Xhieda ddeskrivew arresti tal-massa, swat, abbuż razzist u trasferimenti sfurzat ta' dawn l-immigranti lejn il-fruntiera Alġerina.
Detenuti Sudaniżi u Ċadjani ttieħdu bil-forza lejn in-Nofsinhar u ġew abbandunati ħdejn iż-żoni tal-fruntiera, filwaqt li nies minn pajjiżi inklużi s-Senegal, il-Mali, il-Mawritanja, il-Burkina Faso u l-Guinea ġew iddeportati permezz ta' titjiriet li telqu minn Kasablanka.
Ir-repressjoni sseħħ hekk kif l-Unjoni Ewropea qiegħda tintensifika il-kooperazzjoni tagħha mal-Marokk bħala parti mill-istrateġija tagħha sabiex tikkontrolla l-immigrazzjoni fil-fruntieri tal-pajjiżi ġirien tagħha. Dan huwa komponent ewlieni tal-Patt il-ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil li għandu jidħol fis-seħħ f'Ġunju.
L-Unjoni Ewropea qiegħda dejjem iżjed issaħħaħ l-infurzar tal-immigrazzjoni fl-Afrika ta' Fuq billi tikkopera ma' pajjiżi b'reputazzjoni ħażina tad-drittijiet tal-bniedem, billi qiegħda tinnomina aktar minn €900 miljun sabiex tiffinanzja kontroll aktar strett tal-migrazzjoni, l-immaniġġjar tal-fruntieri u inizjattivi ta' sorveljanza madwar ir-reġjun.
"L-Unjoni Ewropea trid tirrestrinġi l-mobilità tan-nies kemm jista' jkun 'l isfel fir-rotta; dak li l-uffiċjali jiddeskrivu bħala t-twaqqif tal-migrazzjoni 'l isfel," qal Frey Lindsay, ġurnalist fuq il-proġett Outsourcing Borders ta' Statewatch, li huwa proġett imwaqqaf sabiex jiġi segwit kif l-Unjoni Ewropea testernalizza l-kontroll tal-migrazzjoni.
"Bażikament, huwa mod kif teżerċita kontroll tal-fruntieri mingħajr ma tħammeġ idejk."
Rejds u tkeċċijiet fil-konfront ta' immigranti fil-Marokk
Il-Marokk huwa pajjiż ta’ tranżitu ewlieni għall-Afrikani sub-Saħarjani fi triqthom lejn l-Ewropa. Huma jbaħħru tul l-Istrett ta’ Ġibiltà jew jitilgħu l-ilqugħ iniġġeż tul il-ħitan li jifirdu il-Marokk minn Ceuta u Melilla; żewġ enklavi Spanjoli fl-Afrika ta' Fuq.
Matul is-snin, il-Marokk żied il-kooperazzjoni mal-Frontex, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, sabiex jipprevjeni lill-migranti milli jitilqu lejn l-Ewropa mix-xtajta tal-Afrika ta’ Fuq.
Fl-2025, l-awtoritajiet Marokkini fixklu 73,640 tentattiv ta’ migrazzjoni irregolari lejn l-Ewropa, skont rapport mill-Ministeru tal-Intern, tnaqqis żgħir mill-2024 li huwa attribwit għall-użu ta' rotot ta’ migrazzjoni alternattivi.
Fl-aħħar ġimgħat, il-forzi tas-sigurtà Marokkini żiedu r-rwol tagħhom bħala infurzaturi ewlenija tal-fruntieri Ewropej, billi wettqu rejds regolari fuq kampijiet improvviżati fil-foresti fit-Tramuntana tal-pajjiż li jservu bħala punti ta’ tranżitu ewlenin użati minn nies li jippruvaw jaslu Spanja.
L-attakki fuq il-kampijiet tal-migranti ilhom mifruxa, iżda eskalaw minn April 'l hawn, l-iżjed b'riżultat ta' operazzjonijiet ikkonċentrati fit-tramuntana tal-Marokk. Nies li ma jiġux deportati tipikament jiġu eżiljati lejn in-nofsinhar fi sforz sabiex jiġu mfixkla r-rotot tal-migrazzjoni.
"Skont il-migranti li konna f'kuntatt magħhom, kienu suġġetti għal diversi forom ta' umiljazzjoni, insulti u maltrattament mill-awtoritajiet," qal Chad Boukhari, ġurnalist u membru ta' Border Resistance, kollettiv lokali li jappoġġja l-migranti madwar il-Mediterran.
Uħud ġew abbandunati ħdejn il-fruntiera Alġerina mingħajr ikel jew ilma, fejn ġew miżmuma mill-forzi Alġerini.
"L-armata Alġerina allegatament ittorturat lil ħafna minnhom. Xi individwi sabu wkoll il-katavri ta' migranti oħra fid-deżert," żied jgħid Boukhari.
Fl-2025, l-Alġerija keċċiet aktar minn 30,000 migrant lejn in-Niġer, u abbandunat ħafna minnhom permezz "konvojs ta' deportazzjoni" fid-deżert tas-Saħara. Hawn ġew irrappurtati testimonjanzi ta' abbuż, tortura u skjavitù.
L-Afrikani Sub-Saħarjani spiss jaslu l-Marokk billi jaqsmu l-art arida u perikoluża tas-Saħel, u tipikament jaqsmu min-Niġer lejn l-Alġerija jew mill-Mauritanja sabiex jidħlu fil-Marokk.
Ħafna mill-pajjiżi tul dawn ir-rotot huma milquta minn instabbiltà kronika u jikklassifikaw fost l-aktar baxxi fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem.
Ladarba jkunu fil-Marokk, il-migranti jistgħu jqattgħu xhur sa snin jorqdu fil-foresti densi u niexfa tal-pajjiż. Gruppi umanitarji għandhom it-tendenza li jkunu jafu fejn jinsabu l-kampijiet informali u jipprovdu assistenza modesta, iżda anke dawn l-isforzi spiss jiġu mfixkla mill-awtoritajiet.
Mill-2014 'l hawn, Human Rights Watch iddokumentat inċidenti ripetuti fejn il-pulizija Marokkina sawtet lill-migranti, ċaħħdithom mill-ftit affarijiet tagħhom, ħarqet l-istrutturi ta' kenn tagħhom u keċċiethom mill-pajjiż mingħajr proċess dovut.
L-għan huwa li l-migranti ma jitħallewx jaslu Ceuta u Melilla, li huma l-uniċi territorji Ewropej b'fruntiera tal-art fl-Afrika.
F'Ġunju 2022, mill-inqas 37 migrant, l-aktar mill-Afrika sub-Saħarjana, inqatlu taħt ċirkostanzi suspettużi waqt li kienu qegħdin jippruvaw jitilgħu mal-ilqugħ tal-fruntiera għal ġo Melilla. 70 persuna oħra minn dakinhar għadhom nieqsa, fost rapporti li l-awtoritajiet Marokkini kienu qegħdin jidfnu l-iġsma f'oqbra mhux immarkati.
L-esternalizzazzjoni tal-kontroll tal-fruntieri
Minkejja infurzar aktar strett, il-qsim mill-Afrika ta' Fuq ikompli fost il-gwerra fis-Sudan u l-instabbiltà li qiegħda tiggrava madwar is-Saħel. Għal ħafna, il-wegħda ta' ħajja aħjar fl-Ewropa għadha waħda li ta' min wieħed jissogra ħajtu għaliha.
Gruppi tad-drittijiet jgħidu wkoll li l-aħħar azzjoni restrittiva hija konsegwenza tal-patt il-ġdid tal-Unjoni Ewropea dwar il-migrazzjoni, li jfittex li jirrevedi s-sistema attwali tal-immigrazzjoni tal-blokk, billi jħaffef il-proċedimenti tal-każijiet ta' ażil u d-deportazzjonijiet.
Is-sistema l-ġdida se tibda tirrifjuta applikazzjonijiet ta' ażil abbażi tal-fatt li persuna tkun għaddiet minn pajjiż terz li huwa elenkat bħala wieġed ''sigur" qabel ma waslu fl-Unjoni Ewropea.
Il-Marokk huwa inkluż fil-lista ta' pajjiżi siguri flimkien ma' pajjiżi oħrajn akkużati b'abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, bħall-Eġittu u t-Turkija. Dan minkejja li l-Marokk; bħall-Eġittu u t-Turkija; spiss ġew elenkati bħala pajjiżi taħt tmexxija awtoritarja ripressiva għad-drittijiet umani u ostili għall-assoċjazzjoni politika libera.
Fil-Marokk; li spiss ġie elenkat bħala pajjiż ostili għall-ġurnaliżmu ħieles; kwalunkwe kritika lejn ir-Re Mohammed VI hija ppenalizzata b'sentenzi ta' ħabs, filwaqt li kwalunkwe appoġġ għall-movimenti bħal dawk favur l-indipendenza tar-reġjun tar-Rif jew it-territorju okkupat tas-Saħara tal-Punent huwa kkriminalizzat.
Madanakollu, jekk il-migranti għaddew minn xi wieħed minn dawn il-pajjiżi hekk kif kienu fi triqthom lejn l-Ewropa, id-deportazzjoni tagħhom tiġi aċċellerata billi jiġu mibgħuta lejn dawn l-hekk imsejħa pajjiżi siguri.
Aktar minn 50 organizzazzjoni non-governattiva oġġezzjonaw formalment għall-patt, u argumentaw li l-proċeduri aċċellerati l-ġodda jiċħdu d-dritt għal reviżjoni ġusta u bir-reqqa tal-każijiet ta' ażil.
L-Unjoni Ewropea progressivament imblukkat lill-migranti qabel ma l-każ tal-ażil tagħhom ikun jista' jiġi ppreżentat billi espandiet l-infurzar tal-immigrazzjoni b'mod li jinkludi lill-pajjiżi ġirien tal-blokk, billi kkollaborat ma' pajjiżi barra l-Ewropa sabiex tipprevjeni lill-migranti milli jilħqu t-territorju tal-Unjoni Ewropea.
Taħt il-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-Afrika, sar investiment ta' mijiet ta’ miljuni ta’ ewro fit-tisħiħ tal-infurzar tal-migrazzjoni fil-Libja, il-Marokk, it-Tuneżija, l-Eġittu u l-Alġerija.
L-adozzjoni tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil poġġiet pressjoni politika fuq il-Kummissjoni Ewropea, li trid tiżgura l-appoġġ tal-istati membri għal riforma politikament kontroversjali tar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-ażil.
Il-patt il-ġdid ġibed skrutinju partikolari fil-Libja, fejn gruppi appoġġjati mill-Unjoni Ewropea ġew akkużati ma’ abbużi sistemiċi. L-Unjoni Ewropea tiffinanzja, tħarreġ u tipprovi armati direttament lill-awtoritajiet kostali tal-Libja, li ġew akkużati li kkollaboraw ma’ netwerks tat-traffikar tal-bnedmin biex jaqbdu l-migranti, jissottomettuhom għal sfruttament, vjolenza fiżika u sesswali, u anke skjavitù.
L-Unjoni Ewropea issa tinsab fil-proċess li tiffinanzja ċentru ta’ kontroll marittimu f’Benghazi mmirat biex jinterċetta l-migranti fuq il-baħar u jirritornahom bil-forza lejn il-Libja. Dan jirrikjedi kooperazzjoni mal-Ġeneral Khalifa Haftar, li ġie akkużat b'delitti kontra l-umanita' u li jikkontrolla l-Lvant tal-Libja f’oppożizzjoni għall-gvern fil-Punent tal-Libja li huwa rikonoxxut min-Nazzjonijiet Uniti.
Xejriet simili ta’ pushbacks vjolenti ħarġu madwar il-fruntieri tal-Lvant tal-Ewropa. Tul ir-rotta tal-Balkani, l-awtoritajiet Kroati ġew dokumentati jimbuttaw lin-nies lura b’mod vjolenti lejn il-Bosnija, u b’hekk effettivament jipprevjenuhom milli jaċċessaw proċeduri ta’ ażil fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.
Il-patt il-ġdid jintroduċi wkoll il-kunċett ta’ “ċentri ta’ ritorn”, f'pajjiħi fejn dawk li kienu qegħdin jfittxu l-ażil iżda ġew miċħuda minn din il-protezzjoni jistgħu jiġu trasferiti u miżmuma waqt li jistennew id-deportazzjoni lejn pajjiżhom. Il-migranti x’aktarx ma jkollhom l-ebda konnessjoni mal-pajjiżi magħżula li jiġu deportati lejhom; l-Unjoni Ewropea pproponiet pajjiżi ospitanti potenzjali mill-Bangladesh għall-Irwanda.
Gruppi tad-drittijiet jgħidu li l-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil jinkorpora twebbis usa’ tal-attitudni u l-avviċinament politiku tal-Unjoni Ewropea lejn il-migranti madwar l-istati membri tal-blokk, b’konsegwenzi detrimentali għal dawk li jippruvaw jaslu l-Ewropa.
Is-Saħara tal-Punent u kif timpatta l-poltika dwar il-migrazzjoni
Għal Spanja u l-Marokk, il-fruntieri f’Melilla u Ceuta ntużaw bħala kamp ta’ battalja għal tilwim diplomatiku.
Tilwima waħda bħal din hija l-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent, territorju li Spanja kkolonizzat sakemm il-Marokk annessah b'mod illegali fl-1975, li huwa meqjus mill-Marokk bħala territorju sovran, iżda meqjus bħala territorju indipendenti mill-Alġerija.
Għalhekk f’April 2021, meta Spanja ppermettiet li l-mexxej tal-moviment favur l-indipendenza tas-Saħara tal-Punent Brahim Ghali jiġi kkurat għall-Covid-19 fuq il-bażi ta’ umanitariżmu, il-mossa rrabjat lill-Marokk.
Il-gvern Marokkin wissa li jekk il-mexxej tal-Front Polisario jitħalla jirċievi kura, dan se jirriżulta f’“konsegwenza”.
Biex tpattija għat-trattament ta’ Ghali, il-Marokk ilaxka l-kontrolli fuq il-fruntieri tiegħu f’Mejju 2021, u dan irriżulta fi 8,000 migrant jaqsmu lejn l-enklav Spanjol ta’ Ceuta.
Iżda, f'Marzu 2022, Spanja ħabbret bidla fil-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-kunflitt tas-Saħara tal-Punent wara li l-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez estenda l-appoġġ tiegħu għall-pjan Marokkin tal-2007 li jagħti status awtonomu lis-Saħara tal-Punent taħt is-sovranità Marokkina.
Minn dakinhar 'l hawn, iż-żewġ pajjiżi rattbu r-relazzjonijiet diplomatiċi tagħhom u bdew jikkoperaw flimkien mill-ġdid fir-rigward tal-immigrazzjoni.
Dan qajjem kritika qawwija minn politiċi xellugin fi Spanja li ddeskrivew il-mossa ta' Sanchez bħala tradiment għall-kawża ġusta tal-poplu tas-Saħara tal-Punent billi ċeda għall-pressjoni tal-Marokk; li ttratta l-immigranti bħala pedini politiċi sabiex jieħu dak li ried.
