Il-protesti kontra l-gvern fil-Bolivja jidħlu fir-raba' ġimgħa tagħhom; il-kapitali La Paz imblukkata
Ikomplu jiżdiedu t-talbiet sabiex il-President Rodrigo Paz jimponi stat ta’ emerġenza, li jpoġġi lill-militar inkarigat mir-restawr tal-ordni pubbliku għal 60 jum fil-kapitali La Paz; li ilha mblukkata madwar xahar
minn Eman Farrugia
Il-President tal-Bolivja Rodrigo Paz ħabbar nhar l-Erbgħa li qiegħed jieħu passi lejn il-possibbiltà li jiddikjara stat ta’ emerġenza hekk kif il-protesti kontra l-gvern eskalaw fix-xhur bikrin tal-amministrazzjoni tiegħu.
Id-dikjarazzjoni ta' stat ta’ emerġenza jippermetti lil Paz jibgħat forzi militari fit-toroq fi sforz sabiex jikkontrolla l-protesti, miżura li xi membri parlamentari tal-oppożizzjoni wissew li tista’ tiggrava s-sitwazzjoni u żżid it-tensjonijiet, wara kważi xahar ta’ dimostrazzjonijiet li ostakola l-aċċess għall-kapitali tal-Bolivja, La Paz.
Nhar l-Erbgħa, ġie mħabbar fil-gazzetta tal-gvern li Paz approva vot mill-Kungress sabiex jirrevoka liġi li kienet stabbilixxiet limiti fuq l-użu tal-ordnijiet ta’ emerġenza mill-fergħa eżekuttiva.
Jekk Paz jipproċedi ’l quddiem sabiex jiddikjara stat ta’ emerġenza, ikun meħtieġ ukoll li jinkiseb l-approvazzjoni mill-Kungress.
Il-protesti kontra l-gvern huma mmexxija minn mexxejja tat-trejdunjins u partitarji tal-eks President soċjalist Evo Morales, li qegħdin isejħu lill-gvern konservattiv il-ġdid sabiex ineħħi l-miżuri ta’ awsterità u jindirizza ż-żieda fl-għoli tal-ħajja.
Il-protesti wasslu għal imblokk totali li rriżulta f'nuqqas ta’ ikel, fjuwil u mediċini f’La Paz u El Alto, li flimkien jiffurmaw l-akbar żona urbana tal-Bolivja. Huwa stmat li jgħixu 1.6 miljun resident fil-kapitali La Paz u l-inħawi tagħha, jew aktar minn 13% tal-popolazzjoni tal-pajjiż.
Hekk kif l-ostakli fit-toroq li qegħdin joħonqu lil La Paz jidħlu fir-raba' ġimgħa tagħhom, eluf ta' trakkijiet mgħobbija bl-ikel u affarijiet essenzjali oħra, bħal provvisti ta' ossiġnu għall-isptarijiet, għadhom imwaħħlin fl-għoljiet li jwasslu għall-belt.
Prodotti tal-ikel sparixxew mill-ixkafef tas-supermarkets, hekk kif ikel sussidjat qiegħed jittajjar lejn La Paz permezz ta' ajruplani militari.
Il-gvern jgħid li mill-inqas erba' persuni mietu minħabba nuqqas ta' kura medika. Minkejja li l-isptarijiet għadhom qegħdin joperaw, l-istaff qiegħed ikollu jirrazzjona l-provvisti u qed jiffoka fuq każijiet kritiċi.
Negozjanti, sidien tal-ħwienet u l-ħaddiema li jaħdmu fis-settur tat-trasport u li huma kontra l-protesti qegħdin iżidu l-pressjoni fuq Paz sabiex jerġa’ jiftaħ it-toroq akkost ta’ kollox.
Nhar l-Erbgħa, waqt li kien qiegħed ikellem lill-ġurnalisti qabel laqgħat mal-mexxejja tal-komunità, uffiċjali lokali u rappreżentanti tal-industrija, Paz qal li ried isib soluzzjonijiet permezz tad-djalogu, iżda ma kienx se jeskludi għażliet oħra.
“Għandi strumenti kostituzzjonali. Il-ħin qiegħed jispiċċa,” qal. “Irrid nirrispondi, irrid noħroġ b’soluzzjonijiet.”
Il-membru parlamentari tal-oppożizzjoni Sonia Siñani mill-partit Aymara wissiet li d-dħul tat-truppi jista’ jintensifika l-kunflitt.
“Qegħdin inxerrdu l-gażolina fuq in-nar,” qalet Siñani waqt dibattitu fil-kungress nhar it-Tlieta, li sar virtwalment minħabba li t-toroq f’La Paz ġew imblukkati minn dimostranti.
Paz ħa l-kariga f’Novembru, u b’hekk temm kważi żewġ deċennji ta’ gvernijiet taħt il-Moviment tax-xellug Lejn is-Soċjaliżmu (MAS), imwaqqaf minn Morales.
Rabja fost ix-xellug tal-ispettru politiku fil-Bolivja.
Eks partitarji tal-partit Moviment Lejn is-Soċjaliżmu, magħruf bl-akronimu Spanjol tiegħu MAS, li għenu lil Paz sabiex jitla’ fil-poter, esprimew dejjem iżjed tħassib li l-gvern l-ġdid m'għadux jirrappreżentahom u li ttradixxa l-interessi tagħhom.
Minkejja li bbaża l-kampanja tiegħu fuq appelli populisti lill-ħaddiema, ftit wara li daħal fil-kariga, Paz laħaq ftehimiet ma’ partiti tal-lemin fil-Kungress. Huwa eskluda lill-viċi president populista meqjus b’mod wiesa’ bħala responsabbli għas-suċċess elettorali tiegħu.
B'mod notevoli, huwa ma ħatar l-ebda membru tal-maġġoranza Indigena tal-Bolivja għal karigi ta’ livell għoli. Huwa appoġġja abbozz ta’ liġi dwar riforma tal-art sabiex jagħti spinta lin-negozjanti, żda li poġġiet lill-bdiewa Indigeni f’riskju ta’ żgumbrament mill-artijiet tagħhom.
Aggravju ieħor imqajjem mill-kritiċi tal-gvern huwa t-tneħħija tas-sussidji fuq il-fjuwil, u b’hekk il-prezzijiet żdiedu bi kważi 90%. Is-sewwieqa lmentaw li l-gażolina kienet ikkontaminata u ħassritilhom il-karozzi.
Saiex itaffi d-daqqa taż-żidiet fil-prezzijiet mill-gwerra tal-Iran, Paz offra trasferimenti ta’ flus kontanti lil familji vulnerabbli, u huwa żied il-paga minima b’20%. Wara kritika qawwija diretta lejn il-gvern, huwa rrevoka l-liġi kontroversjali tal-art. Iżda huwa ċaħad ukoll it-talbiet għal aktar żidiet fis-salarji, u b’hekk irrabja lil trejdunjins tal-ħaddiema.
B'mod simili għas-sitwazzjoni attwali, fl-2003 u l-2005, dimostranti li mblukkaw lil La Paz bi protesta kontra pjanijiet sabiex ir-riżervi tal-gass naturali tal-pajjiż isiru aċċessibbli għal negozjanti barranin waqqgħu żewġ gvernijiet konsekuttivi favur il-Punent, u wittaw it-triq għat-tlugħ tal-eks President Evo Morales, fundatur tal-MAS.
Morales, l-eks trejdunjonista li sar l-ewwel president Indiġenu tal-Bolivja fl-2006 u li mexxa għal 14-il sena mingħajr preċedent, qiegħed jitlob elezzjonijiet bikrija.
Jirreaġixxu il-gvernijiet tal-lemin fl-Amerika Latina.
Gvernijiet alleati tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump, li huma parti mill-fenomenu riċenti li qiegħed iwassal għat-tlugħ fil-poter ta' partiti tal-lemin madwar l-Amerika Latina; mill-Arġentina u ċ-Ċilì sal-Ħonduras u l-Kosta Rika; wiegħdu l-appoġġ tagħhom għal Paz u kkundannaw il-protesti bħala destabbilizzanti.
Il-President Gustavo Petro tal-Kolombja; fost il-ftit mexxejja tax-xellug li għadhom fil-poter fir-reġjun; iddefenda l-protesti bħala “ġlieda għad-dinjità tal-Amerika Latina.” Il-Bolivja keċċiet lill-ambaxxatur Kolombjan b’reazzjoni għal dawn il-kummenti.
L-Istati Uniti ħadet linja iebsa, billi kkaratterizzat id-dimostrazzjonijiet bħala tentattiv ta’ kolp ta’ stat li potenzjalment jista' jwassal għall-waqa' ta' gvern alleat u servili għall-interessi tal-Istati Uniti.
“Mhux se nħallu lill-kriminali u lit-traffikanti tad-droga jwaqqgħu lill-mexxejja eletti demokratikament fl-emisfera tagħna,” qal is-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti Marco Rubio l-ġimgħa li għaddiet.
Wara l-invażjoni tal-Istati Uniti fil-Veneżwela f'Jannar li għadda, Trump wissa li l-amministrazzjoni tiegħu se tibbaża r-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien fl-Amerika Latina fuq id-Duttrina Monroe; strateġija politika li tmur lura għas-Seklu 19 li tfittex it-tisħiħ tal-eġemonija u l-influwenza tal-Istati Uniti fuq l-emisfera tal-Punent.
Fix-xhur li għaddew, l-amministrazzjoni Trump wera wkoll aggressivita' lejn pajjiżi li huma preżentament immexxija minn gvernijiet xellugin fl-Amerika Latina, fosthom il-Messiku, il-Kolombja u Kuba.
L-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’La Paz qalet li kienet se tagħlaq l-Erbgħa u l-Ħamis minħabba l-protesti.
