Riskju li l-gwerra fl-Iran terġa' tissokta: Trump jgħid li mhux sodisfatt bil-proposta tal-Iran
Sadanittant, Washington tinsab maħkuma minn dibattitu legalistiku dwar jekk Trump għaddiex skadenza sabiex jitlob l-approvazzjoni tal-kungress għas-sehem tal-Istati Uniti fil-gwerra fl-Iran
minn Eman Farrugia
Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qal nhar il-Ġimgħa li "mhux sodisfatt" bi proposta ġdida ta' negozjati Iranjani, hekk kif it-taħditiet ta' paċi bejn iż-żewġ naħat għadhom staġnati minkejja ftehim ta' waqfien mill-ġlied li ilu fis-seħħ għal matul dawn l-aħħar ġimgħat.
L-Iran wassal it-test tal-proposta tiegħu b'risq it-tmiem tal-gwerra bejnu u l-Istati Uniti ul-Iżrael lill-medjatur tal-Pakistan nhar il-Ħamis filgħaxija.Dan ġie rrappurtat l-aġenzija tal-aħbarijiet IRNA, mingħajr ma offriet iżjed dettalji dwar il-kontenut tagħha.
"F'dan il-mument m'iniex sodisfatt b'dak li qed joffru," qal Trump lill-ġurnalisti, filwaqt li sostna li l-Iran huwa l-kaġun għall-fatt li t-taħdidiet għadhom ma rriżultawx f'riżultati konkreta. Rigward "in-nuqqas ta' qbil kbir" fi ħdan it-tmexxija tiegħu huwa tefa' l-ħtija fuq l-Iran.
"Irridu mmorru u sempliċement neqirduhom u ntemmuhom għal dejjem jew irridu nippruvaw nagħmlu ftehim? Jiġifieri, dawk huma l-għażliet," qal meta mistoqsi dwar il-passi li jmiss, u żied jgħid li "jippreferi li ma jagħmilx'' l-ewwel pass "fuq bażi umana."
Il-gwerra, imnedija mill-Istati Uniti u Iżrael b'mewġa ta' attakki ta' sorpriża fit-28 ta' Frar, ilha sospiża mit-8 ta' April, iżda sa issa seħħ biss rawnd wieħed ta' taħditiet diretti li fallew bejn rappreżentanti Iranjani u tal-Istati Uniti.
Sadanittant, l-Iran żamm il-kontroll sħiħ tiegħu fuq l-Istrett ta' Hormuz, billi qata' ammonti vasti ta' żejt, gass u fertilizzant mill-ekonomija dinjija, filwaqt li l-Istati Uniti imponew kontro-imblokk fuq il-portijiet Iranjani.
Minkejja n-nuqqas ta' negozjar għat-tmiem tal-gwerra, il-waqfien mill-ġlied baqa' għaddej. Nhar il-Ġimgħa, il-kap tal-ġudikatura Gholamhossein Mohseni Ejei qal li "r-Repubblika Iżlamika qatt ma beżgħet minn negozjati."
Iżda żied jgħid f'filmat maqsum mill-websajt Mizan Online tal-ġudikatura, "ċertament ma naċċettawx impożizzjoni," għalkemm Tehran ma riedx ritorn għall-gwerra.
Dettalji skarsi min-naħa tal-White House
Il-White House irrifjutat li tikkummenta dwar id-dettalji tal-proposta Iranjana l-ġdida.
Iżda s-sit tal-aħbarijiet Axios irrapporta li l-mibgħut tal-Istati Uniti Steve Witkoff aktar kmieni din il-ġimgħa kien ippreżenta emendi għal proposta preċedenti li tfittex li terġa' tinjetta l-kwistjoni tal-programm nukleari ta' Tehran fin-negozjati.
Filwaqt li kkwota sors familjari mal-kwistjoni, Axios qal li inkludew talba li l-Iran ma jippruvax iċċaqlaq l-uranju arrikkit minn siti bbumbardjati waqt gwerra qasira s-sena l-oħra, jew jerġa' jibda kwalunkwe attività hemmhekk waqt li jkomplu t-taħditiet.
L-ottimiżmu wara l-aħbar tal-proposta Iranjana wassal sabiex il-prezzijiet taż-żejt jonqsu bi kważi 5% għall-punt ta' riferiment tal-Istati Uniti West Texas Intermediate.
Madankollu, il-prezzijiet għadhom madwar 50% 'il fuq mil-livelli ta' qabel il-gwerra hekk kif in-negozjanti jiffaċċjaw l-għeluq fit-tul ta' Hormuz.
Uffiċjal tal-Unjoni Ewropa qal li l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentanta Għolja tal-Affarijiet Barranija tal-blokk Kaja Kallas tkellmet mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Iran Abbas Araghchi bit-telefon nhar il-Ġimgħa dwar sforzi diplomatiċi sabiex jerġa’ jinfetaħ l-istrett.
Dibattitu dwar is-setgħat tal-gwerra
Sadanittant, Washington tinsab maħkuma minn dibattitu legalistiku dwar jekk Trump kienx għadda skadenza sabiex jitlob l-approvazzjoni tal-kungress għall-gwerra tiegħu mal-Iran.
Uffiċjali tal-amministrazzjoni insistew li l-waqfien mill-ġlied ifisser li hemm pawża fuq skadenza ta’ 60 jum li teħtieġ li l-President tal-Istati Uniti jirċievi awtorizzazzjoni mill-Kungress sabiex jagħmel użu mis-setgħat tal-gwerra.
Skont il-liġi, il-President tal-Istati Uniti għandu jirċievi l-approvazzjoni mill-Kungress (mill-Kamra tar-Rappreżentanti u mis-Senat) sa 60 ġurnata wara li jkun ħabbar li t-tnedija ta' azzjoni militari. Jekk il-President ma jirċivix din l-approvazzjoni, huwa obbligat li jtemm il-gwerra.
Trump tenna dik ir-raġuni nhar il-Ġimgħa, u insista li l-Istati Uniti kienu "f’nofs rebħa kbira."
Trump jinsab taħt pressjoni domestika dejjem tikber dwar il-gwerra, hekk kif l-inflazzjoni qiegħda tiżdied u m'hemm l-ebda garanzija ta' rebħa ċara fl-elezzjonijiet ta’ nofs it-terminu li huma mistennija li jsiru f’Novembru.
Fl-Iran, sadanittant, il-konsegwenzi ekonomiċi tal-gwerra, li jiżdiedu ma’ snin ta’ sanzjonijiet internazzjonali ħarxa, bdew iħallu impatt.
L-Istati Uniti imponew sanzjonijiet ġodda fuq tliet ditti Iranjani tal-kambju tal-munita barranija nhar il-Ġimgħa, filwaqt li t-Teżorerija wissiet lil oħrajn li l-ħlas ta’ “pedaġġ” lil Tehran għal passaġġ sikur mill-Istrett ta’ Hormuz jista’ jwassal ukoll għal sanzjonijiet.
Nhar il-Ħamis, il-militar Amerikan qal li l-imblokk tiegħu waqqaf lill-Iran milli jesporta żejt b’valur ta’ $6 biljun (€5.1 biljun), filwaqt li l-inflazzjoni żdiedet għal aktar minn 50% f’dawn l-aħħar ġimgħat.
