Twissija ta’ tsunami nħarġet fil-Ġappun għal mijiet ta’ kilometri tal-kosta tal-grigal nhar it-Tnejn wara terremot qawwi li laqat il-prefetturi ta’ Aomori u Hokkaido.
L-Aġenzija Meteoroloġika tal-Ġappun irrappurtat li t-terremot kellu qawwa preliminari ta’ 7.4 fuq l-iskala Ritcher u seħħ fl-4:53pm ħin lokali. Sa issa ma kien hemm l-ebda rapport ta’ korrimenti jew ħsarat. Madankollu, it-terremot ikkawża theżżiż f’bini mijiet ta’ kilometri ’l bogħod, u saħansitra laħaq lill-kapitali Tokyo.
Mewġ ta’ tsunami għoli sa tliet metri huwa mistenni li jasal f’partijiet miż-żona affettwata matul is-siegħa li ġejja, qalet twissija mxandra fuq l-aġenzja tal-aħbarijiet Ġappuniża NHK.
L-uffiċċju tal-Prim Ministru Ġappuniż ħabbar li waqqaf tim għall-immaniġġjar tal-kriżijiet.
Il-Ġappun huwa fost l-aktar nazzjonijiet sismikament attivi fid-dinja, pożizzjonat fuq erba’ pjanċi tettoniċi ewlenin tul iċ-“Ċirku tan-Nar” tal-Paċifiku tal-Punent. L-arċipelagu, li huwa abitat minn madwar 125 miljun ruħ, ġeneralment jiltaqa’ ma’ madwar 1,500 theżżiża kull sena li jikkostitwixxu madwar 18% tat-terremoti globali.
Il-maġġoranza ta' dawn it-terremoti huma ħfief, iżda l-firxa tal-ħsara tiddependi fuq il-pożizzjoni tagħhom fuq wiċċ id-Dinja (l-epiċentru) u l-pożizzjoni tagħhom fil-fond tal-qoxra tad-Dinja (l-ipoċentru).
Sadanittant, qegħdin jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa fl-impjant ta’ Fukushima Daiichi, li kien is-sit ta' inċident nukleari fl-2011 wara terremot u tsunami massivi matul il-kosta tal-Lvant tal-Ġappun li ħallew 18,500 ruħ mejta jew nieqsa.
Terremot ta' 5.2 fuq l-iskala ritcher jolqot lil Timor-Leste
Sadanittant, Timor-Leste intlaqat terremot ta' 5.2 fuq l-iskala Richter li heżżet lill-kapitali Dili.
L-aġenzija United States Geological Survey qalet li t-terremot seħħ 122km 'il bogħod minn Maubara, f'fond ta' 183.1 kilometru.
Bħall-Ġappun, Timor-Leste jinsab fuq iċ-“Ċirku tan-Nar” tal-Paċifiku tal-Punent, fejn isseħħ attivita' sismika konsiderevoli minħabba li dan huwa ippożizzjonat matul ix-xfar ta' pjanċi tettoniċi li jiltaqgħu f'dan il-punt.