Il-Papa Ljun XIV jkompli bil-vjaġġ appostoliku tiegħu fl-Afrika; iħeġġeġ għal djalogu interreliġjuż

Il-vjaġġ ta' ħdax il-jum jinkludi waqfiet fi 11-il belt fl-Alġerija, il-Kamerun, l-Angola u l-Guinea Ekwatorjali, u huwa meqjus bħala prijorità personali għall-Papa Ljun, hekk kif il-Knisja qiegħda tieħu dimensjoni iżjed globalizzata u inqas ewro-ċentrika

Ritratt: Wikimedia Commons.
Ritratt: Wikimedia Commons.

Il-Papa Ljun XIV irid "iddawwar l-attenzjoni tad-dinja lejn l-Afrika". Dan intqal minn uffiċjal għoli tal-Vatikan, hekk kif il-kap tal-Knisja Kattolika jinsab impenjat bi vjaġġ appostoliku sinifikanti fil-kontinent li jindirizza temi tal-paċi, il-migrazzjoni u d-djalogu bejn ir-reliġjonijiet.

Il-vjaġġ ta' ħdax-il jum, li beda nhar it-Tnejn, huwa t-tieni żjara barranija ewlenija tal-Papa Ljun minn meta ġie elett bħala Papa fil-konklavi ta' Mejju tas-sena l-oħra, u huwa riflessjoni tal-importanza dejjem tikber tal-kontinent Afrikan għall-Kattoliċiżmu.

Skont ċifri mill-2024, aktar minn wieħed minn kull ħamsa tal-Kattoliċi tad-dinja jinsabu fl-Afrika, hekk kif il-Katttoliċi fl-Afrika jammontaw għal madwar 288 miljun ruħ. Għaldaqstant, l-Afrika hija waħda mir-reġjuni li qegħdin jikbru bl-aktar rati mgħaġġla għall-Knisja.

Il-Vatikan jgħid li l-aħħar stħarriġ tiegħu juri "żieda notevoli" fin-numru ta' Kattoliċi mgħammda fil-kontinent. Għalhekk, il-vjaġġ huwa meqjus bħala prijorità personali għall-Papa Ljun, hekk kif il-Knisja qiegħda tieħu dimensjoni iżjed globalizzata u inqas ewro-ċentrika.

Il-vjaġġ jinkludi waqfiet fi 11-il belt f'erba' pajjiżi: l-Alġerija, il-Kamerun, l-Angola u l-Guinea Ekwatorjali. B’kollox, il-Papa se jivvjaġġa kważi 18,000 km (11,185 mil), u se jkopri l-biċċa l-kbira tad-distanza fuq 18-il titjira.

Jibda bi żjara fl-Alġerija u jħeġġeġ għal djalogu interreliġjuż.

Il-pajjiżi kollha ħlief wieħed għandhom popolazzjonijiet Kattoliċi kbar, iżda huwa għażel pajjiż mhux Kattoliku; l-Alġerija; bħala l-ewwel waqfa tiegħu, peress li għandu sinifikat profond għalih.

Dan minħabba l-fatt li l-Alġerija tinkludi l-post fejn twieled Santu Wistin, u l-Papa Ljun huwa l-ewwel Papa mill-Ordni Agostinjana.

Il-Papa mar fir-reġjun fejn Santu Wistin kien isqof; li qabel kien magħruf bħala Hippo, issa msejjaħ Annaba; fejn iċċelebra quddiesa.

Din timmarka l-ewwel żjara minn Papa fl-Alġerija. Waqt diskors fil-belt kapitali Alġiers, il-Papa Ljun qal lill-mexxejja politiċi li kien ivvjaġġa lejn l-Afrika "bħala xhud tal-paċi u t-tama li d-dinja tant tixtieq", irrappurtat l-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters.

Ftit qabel ma telaq lejn l-Afrika, il-Papa Ljun kien ġie kkritikat bil-qawwa minn Donald Trump, li qal li l-Papa kien "ħażin għall-politika barranija". Iċ-ċanfira ġiet wara li l-Papa Ljun kkritika lil Trump talli hedded lill-Iran.

Fid-diskors tiegħu lill-mexxejja politiċi tal-Alġerija nhar it-Tnejn, il-kap tal-Knisja Kattolika kkundanna "ksur kontinwu tal-liġi internazzjonali u t-tendenzi neokolonjali".

Huwa stqarr ukoll li "l-Afrika taf tajjeb wisq li n-nies u l-organizzazzjonijiet li jiddominaw lil ħaddieħor jeqirdu d-dinja."

Waqt li kien f’Alġiers, il-Papa Leo żar il-Mafkar tal-Martri, fejn sellem lill-vittmi tal-gwerra tal-indipendenza tal-Alġerija kontra Franza.

Id-djalogu mad-dinja Iżlamika kien punt ewlieni, bil-Papa jżur il-Moskea l-Kbira ta’ Alġiers u l-Bażilika tal-Madonna tal-Afrika; post ta’ pellegrinaġġ u talb kemm għall-Musulmani kif ukoll għall-Insara.

Iżda l-vjaġġ jiġi hekk kif gruppi tad-drittijiet umani jesprimu t-tħassib tagħhom dwar it-trattament tal-Alġerija tal-minoranzi reliġjużi.

L-Alġerija għandha popolazzjoni predominantement Musulmana Sunni. Fil-passat, il-qrati tal-pajjiż ġew akkużati li tefgħu fil-ħabs għadd ta' Kristjani u Musulmani Ahmadi għal dak li kien deskritt bħala "qima mhux awtorizzata" jew offiża għall-Islam.

Ikompli bi żjara fil-Kamerun fejn iħeġġeġ għall-paċi fil-pajjiż.

Wara l-Alġerija, il-Papa Leo se jmur il-Kamerun, fejn il-kunflitt fiż-żewġ reġjuni anglofoni tagħha se jipprovdi sfond għall-vjaġġ tiegħu.

In-Nazzjonijiet Uniti tistma li mill-inqas 6,000 persuna nqatlu u aktar minn nofs miljun ġew imġiegħla jitilqu minn djarhom fil-vjolenza li damet kważi għaxar snin, imqanqla minn tensjonijiet bejn separatisti fir-reġjuni anglofoni u l-gvern iddominat mill-frankofoni.

Bamenda, il-kapitali tar-reġjun tal-Majjistral tal-Kamerun, kienet fiċ-ċentru tal-kunflitt.

Huwa hawnhekk li l-Papa se jmexxi quddiesa għall-paċi u l-ġustizzja fl-ajruport, fejn huwa mistenni li se jattendu iżjed minn 500,000 persuna.

Ir-residenti lokali jittamaw li dan jista’ jaġixxi bħala katalist għar-rikonċiljazzjoni tant meħtieġa fil-pajjiż.

Iħeġġeġ għar-rikonċiljazzjoni fl-Angola.

L-impatt tal-kunflitti se jkun ukoll punt ewlieni matul il-waqfa tal-Papa fl-Angola; pajjiż li esperjenza għexieren ta' snin ta' gwerra ċivili mdemmija bejn l-1975 u l-2002, immedjatament wara li kiseb l-indipendenza tiegħu mill-Portugall. Hawnhekk, it-tema ewlenija se tkun il-paċi u r-rikostruzzjoni.

Minbarra li jiltaqa' mal-isqfijiet, il-Papa se jiċċelebra quddiesa ma' madwar 200,000 persuna li mistennija li se jattendu, f'pajjiż fejn bejn 40% u 55% tal-popolazzjoni jidentifikaw ruħhom bħala Kattoliċi.

Wara t-tmiem tal-gwerra ċivili, il-gvern Angolan nieda proċess ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali u beda jisfrutta r-riżervi sostanzjali taż-żejt b'risq l-iżvilupp tal-pajjiż.

Madanakollu, il-kunflitt separatista fir-reġjun ta' Kabinda; fejn jinsab 60% taż-żejt tal-pajjiż; u d-diskrepanza soċjali bejn il-kapitali Luanda u l-partijiet rurali għadhom problemi prevalenti.

Il-preżenza tal-Kattoliċi u tal-Knisja Kattoliċi fl-Angola tmur lura għall-aħħar tas-seklu 15, meta esploraturi u missjunarji Portugiżi waslu tul il-kosta Angolana; li mmarkat il-bidu ta' sekli ta' kolonizzazzjoni brutali Portugiża li laħqet il-quċċata tagħha waqt it-tmexxija awtoritarja tal-Estado Novo li kkollassat fl-1974.

Itemm il-vjaġġ fil-Guinea Ewkatorjali.

Fil-Guinea Ekwatorjali, l-aħħar pajjiż fuq il-vjaġġ, aktar minn 70% tan-nies jidentifikaw ruħhom bħala Kattoliċi. Żjarat papali preċedenti f'pajjiżi Afrikani oħrajn b'maġġoranza Kattolika b'saħħitha, bħal dik mill-Papa Franġisku fis-Sudan t'Isfel fl-2023, intlaqgħu b'entużjażmu.

Il-ġustizzja soċjali hija fost il-kwistjonijiet li l-Papa mistenni jindirizza f'pajjiż li l-president tiegħu ilu fil-poter għal kważi 50 sena, u dan jagħmlu wieħed mill-kapijiet ta' stat li ilhom iservu fid-dinja.

Il-kritiċi jgħidu li l-gvern tal-President Teodoro Obiang Nguema huwa wieħed mill-aktar oppressivi fir-reġjun, u jakkużaw lir-reġim b'abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; allegazzjonijiet li l-gvern jibqa' jiċħad.

Minbarra li jiltaqa' mal-awtoritajiet, il-Papa Ljun mistenni jżur sptar psikjatriku u ħabs, kif ukoll jiltaqa’ maż-żgħażagħ fiż-żewġ partijiet tal-pajjiż; il-parti kontinentali ta' Rio Muni u l-parti insulari ta' Bioko; fejn tinsab il-kapitali Malabo.

Id-diviżjoni ġeografika, il-preferenzi tar-reġim lejn ċerti gruppi etniċi u l-korruzzjoni fit-tmexxija tal-pajjiż irriżultaw f'inġustizzja soċjali u faqar rampanti, minkejja li l-pajjiż għandu waħda mill-ogħla rati ta' Prodott Gross Domestiku per kapita fl-Afrika u għandu riżervi sostanzjali taż-żejt.

Vjaġġ li se jibqa' meqjus bħala wieħed sinfikanti u storiku.

Filwaqt li din se tkun l-ewwel żjara pastorali tiegħu fl-Afrika minn meta ħa t-tmexxija tal-Knisja Kattolika s-sena l-oħra, il-Papa mhuwiex barrani għall-kontinent. Bħala l-Kardinal Robert Prevost, huwa żar diversi pajjiżi inklużi l-Kenja u t-Tanżanija.

Il-Papa, li għandu 70 sena se jagħmel madwar 25 diskors u se jiltaqa’ wkoll ma’ mexxejja politiċi, komunitajiet Kattoliċi lokali u jorganizza avvenimenti interreliġjużi.

L-intensità tal-vjaġġ hija indikazzjoni ta’ kif il-Vatikan qiegħed jipprijoritizza l-impenn usa’ tiegħu mal-kontinent. Billi jagħżel l-Afrika, jgħid il-Vatikan, il-Papa Ljun se jsaħħaħ l-irwol tal-kontinent fil-ħajja Kattolika globali.

More in Barranin