L-Istati Uniti kkonfermat illi ospitat rappreżentanti tal-Marokk u l-Front Polisario, il-moviment tal-liberazzjoni li jirrappreżenta lill-poplu indiġenu tas-Saħara tal-Punent, f’Madrid għal taħditiet sigrieti biex jiddiskutu l-futur tat-territorju tas-Saħara tal-Punent, illi huwa okkupat mill-Marokk. Għal-laqgħat attendew ukoll rappreżentanti mill-Alġerija u l-Mawritanja.
Delegazzjonijiet ta’ livell għoli, kull waħda minnghom magħmula minn tliet membri mmexxija mill-ministri għall-affarijiet barranin rispettivi tagħhom, iltaqgħu fir-residenza tal-ambaxxatur tal-Istati Uniti fil-kapitali Spanjola nhar il-Ħadd.
It-taħditiet kienu mmexxija minn Massad Boulos, il-konsulent ta’ Donald Trump dwar l-affarijiet Afrikani, akkumpanjat minn Michael Waltz, l-ambaxxatur tal-Istati Uniti għan-Nazzjonijiet Uniti, u l-mibgħut personali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Saħara tal-Punent, Staffan de Mistura.
Il-laqgħa, li suppost kellha tibqa’ kunfidenzjali, ġiet żvelata minn ġurnalisti investigattivi Spanjolu nhar is-Sibt. Huwa mifhum illi l-qafas għad-diskussjonijiet kien il-pjan ta’ awtonomija tal-Marokk għas-Saħara tal-Punent, li ġie adottat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU s-sena l-oħra.
Il-pjan ġie miċħud mill-Front Polisario, li qiegħed jitlob referendum dwar l-indipendenza tat-territorju kif ippjanat minn riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti li ġiet addottata 35 sena ilu. Il-pjan ġie miċħud abbażi tal-fatt li dan se jsaħħaħ il-kontroll illeġittimu tal-Marokk fuq ir-reġjun Afrikan, li ilu okkupat b'mod illegali mill-1975, filwaqt li joffri awtonomija limitata għas-Saħrawi, il-poplu indiġenu tat-territorju.
Prijorità assoluta għall-Istati Uniti
Is-Saħara tal-Punent spiss tissejjaħ l-aħħar kolonja fl-Afrika u hija inkluża fil-lista tan-Nazzjonijiet Uniti ta' Territorji Mhux Awtonomi.
It-territorju huwa uffiċjalment u legalment rikonoxxut bħala taħt il-ġurisdizzjoni ta' Spanja mill-biċċa l-kbira tal-komunità internazzjonali, peress li Spanja naqset milli tiffinalizza proċess ta' indipendenza għal din il-kolonja u minflok ħalliet lill-Marokk u lill-Mawritanja jinvadu mit-tramuntana u min-nofsinhar fl-1975, u b'hekk injorat ix-xewqat tal-poplu Saħrawi għall-indipendenza.
L-attivisti Saħarjani li jgħixu fit-territorji okkupati mill-Marokk iffaċċjaw repressjoni ħarxa, filwaqt li l-mijiet ta' eluf jgħixu bħala refuġjati fl-Alġerija fejn ikomplu jgħixu ħajjiet dipendenti kważi kompletament fuq l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Alġerija f'kundizzjonijiet ta' faqar.
L-Istati Uniti eskludiet referendum dwar l-indipendenza għas-Saħara tal-Punent, u matul l-ewwel darba tiegħu fil-kariga, il-President Donald Trump aċċetta s-sovranità tal-Marokk fuq ir-reġjun bi skambju għall-formalizzazzjoni tar-rabtiet diplomatiċi tal-Marokk ma’ Iżrael.
Ix-xahar li għadda, l-Unjoni Ewropea, li għandha wkoll rabtiet kummerċjali mill-qrib mal-Marokk, ħabbret l-appoġġ kollettiv tagħha għall-pjan tal-awtonomija kif propost mill-Marokk.